Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1135

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1135/2013 tas- 7 ta’ Novembru 2013 li japprova emenda minuri fl-Ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Prosciutto Toscano (DPO)]

ĠU L 302, 13.11.2013, pp. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1135/oj

13.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/29


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1135/2013

tas-7 ta’ Novembru 2013

li japprova emenda minuri fl-Ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Prosciutto Toscano (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Italja għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Prosciutto Toscano”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1263/96 (2), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 777/2010 (3).

(2)

It-talba għandha l-għan li temenda l-Ispeċifizzjoni billi tippreċiża li l-użu ta’ addittivi jew ta’ preżervattivi fil-produzzjoni tal-“Prosciutto Toscano” m’għadux awtorizzat.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 50 sa 52 ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Prosciutto Toscano” hija emendata skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Dokument Uniku kkonsolidat li jinkludi l-elementi ewlenin tal-Ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 163, 2.7.1996, p. 19.

(3)   ĠU L 233, 3.9.2010, p. 11.


ANNESS I

Fl-Ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Prosciutto Toscano”, hija approvata l-emenda li ġejja:

L-użu ta’ addittivi jew ta’ preżervattivi fil-produzzjoni tal-“Prosciutto Toscano” m’għadux awtorizzat. L-ipproċessar tal-“Prosciutto Toscano” skont il-metodu tipiku jiggarantixxi n-nuqqas ta’ dak it-tip ta’ sustanzi. B’mod partikulari, il-projbizzjoni tal-użu ta’ nitriti u nitrati sseddaq ir-rabta mal-metodu storiku ta’ produzzjoni tal-“Prosciutto Toscano”, u twarrab il-preżenza ta’ addittivi u preżervattivi (E251 - E252) fil-prodott aħħari.


ANNESS II

Dokument uniku kkonsolidat

Ir-Regolament tal-kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1)

“PROSCIUTTO TOSCANO”

Nru tal-KE: IT-DPO-0317-01009-2.7.2012

IĠP () DPO (X)

1.   Isem

“Prosciutto Toscano”

2.   Stat Membru

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2.

Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Meta jitqiegħed fis-suq għall-konsum, il-“Prosciutto Toscano” jkollu l-karatteristiċi fiżiċi, organolettiċi, kimiċi u fiżikokimiċi li ġejjin: għamla tonda bil-wiċċ ta’ fuq imżaqqaq minħabba x-xifer imlaħħam li ma jisporġix aktar minn 8 cm ‘il barra mill-għadma tal-koxxa; piż ta’ madwar 8-9 kg, iżda qatt inqas minn 7,5 kg; meta jitqatta’, il-kulur tal-qalba jvarja bejn l-aħmar skur u l-aħmar ċar u jidher ftit xaħam bejn il-muskoli; ix-xaħam ta’ taħt il-ġilda jkun ta’ lewn abjad pur b’vini rqaq roża, kumpatt, ma jinsilitx bejn is-safef tal-muskoli, u mqabbad sew mal-wiċċ tal-muskoli ta’ taħtu. Il-“Prosciutto Toscano” jista’ jitqiegħed fis-suq f’perjodu ta’ mhux aktar minn 30 xahar minn meta jkun inbeda l-ipproċessar tal-koxox friski. Il-“Prosciutto Toscano” jista’ jitqiegħed fis-suq anki mingħajr għadma, imqatta’, jiġifieri mqatta’ f’biċċiet ta’ għamla u piż differenti, jew f’qatgħat.

Ikollu togħma delikata u bnina ħafna, u r-riħa tfuħ tiegħu hija karatteristika dovuta għall-metodi tradizzjonali li bihom jiġi pproċessat u mmaturat.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi huma kif ġej:

Melħ (espress bħala kontenut ta’ NaCl)

%

mhux aktar minn 8,3

Umdità fil-muskoli

%

mhux aktar minn 61,0

Indiċi ta’ proteolisi

%

mhux aktar minn 30,0

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-koxox friski użati għall-produzzjoni tal-“Prosciutto Toscano” jiġu minn ħnieżer imwielda, imrobbija u maqtula fiż-żona ddefinita fil-punt 4 ta’ dan id-dokument. Il-ħnieżer għandu jkollhom piż minimu ta’ 160 kg, b’marġni ta’ 10 %, u għandu jkollhom età ta’ mill-inqas disa’ xhur. Il-“Prosciutto Toscano” jsir minn koxox friski ta’ ħnieżer ta’ piż kbir li jiġu minn razez puri jew mir-razez tradizzjonali ta’ oriġini Large White u Landrace. Il-piż tal-koxxa friska mirquma ma għandux ikun inqas minn 11,8 kg.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-għalf użat jiġi prinċipalment miż-żona ddefinita, li tikkorrispondi għaż-żona tat-trobbija tal-ħnieżer iddefinita fil-punt 4 ta’ dan id-Dokument Uniku, billi huma soġġetti għal ġestjoni msejsa fuq sistema integrata speċifika għas-settur.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni tal-“Prosciutto Toscano” - it-tmelliħ, it-tnixxif, it-tixħim u l-maturazzjoni - għandhom isiru fiż-żona ta’ produzzjoni tradizzjonali, li tħaddan it-territorju kollu tar-reġjun tat-Toscana.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għat-taħkik, għall-ippakkjar, eċċ.

It-tipi kollha tal-prodott - bl-għadam imneħħi, maqtugħ f’biċċiet jew f’fetet -, immarkati minn qabel, għandhom jitqiegħdu fis-suq wara li jkunu ġew ippakkjati f’kontenituri jew imballaġġi xierqa u ssiġillati sew. It-tqattigħ u l-ippakkjar tal-“Prosciutto Toscano” għandhom isiru hekk kif jintemm il-perjodu tal-maturazzjoni, fiż-żona ta’ produzzjoni indikata fil-punt 4, bil-għan li jiġi żgurat li jinżammu d-diversi perjodi ta’ maturazzjoni previsti għall-prodott imqatta’, u li jinżammu l-karatteristiċi fir-rigward tal-umdità u d-dehra tal-parti muskolari u dik xaħmija tal-qatgħa tal-perżut, kif deskritt fil-punt 3.2. Il-possibbiltà li l-koxox li jkunu se jitqattgħu u jiġu ppakkjati jinħażnu f’qatgħat mingħajr għadam għal żmien mhux magħruf f’kundizzjonijiet ta’ ambjent differenti minn dawk previsti, tista’ tagħti lok għal karatteristiċi li ma jaqblux ma’ dawk li l-“Prosciutto Toscano” huwa magħruf għalihom, fosthom, il-formazzjoni ta’ moffa anomala, id-degradazzjoni anomala tal-proteini u l-varjazzjoni fl-indici ta’ proteolisi li din id-degradazzjoni ġġib magħha, kif ukoll is-sniħ tat-tessut xaħmi, tali li jagħti riħa u togħma differenti minn dawk li l-konsumatur imdorri japprezza. Barra minn hekk, l-esponiment tal-porzjon tal-laħam u tal-qatgħa għall-arja qabel ma jiġu ppakkjati jista’ jwassal għal ossidazzjoni qawwija tal-wiċċ li jittiekel, bil-konsegwenza li l-laħam irabbi skorċa, li l-wiċċ tal-parti muskolari mikxufa jixxotta, jew li l-laħam jitlef mill-kumpattezza tiegħu jekk ikun f’ambjent umdu wisq.

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

Id-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Prosciutto Toscano” għandha tidher fuq it-tikketta b’ittri ċari u li ma jistgħux jitħassru, u b’mod li tingħaraf sew minn kull kliem ieħor. Għandha tkun segwita immedjament mill-kliem “Denominazzjoni protetta tal-oriġini” jew l-akronimu “DPO”. Ma tista’ tiżdied l-ebda kwalifikazzjoni li ma tkunx espressament prevista. Madankollu, huwa permess li jiżdiedu indikazzjonijiet li jirreferu għal ismijiet, marki kummerċjali jew marki privati, għajr fejn dawn ikunu ta’ tifħir jew x’aktarx iqarrqu bil-konsumatur. Bl-istess mod, isem l-azjenda fejn ikunu trabbew il-ħnieżer li minnhom ġejjin il-prodotti jista’ jidher fuq il-koxxa, bil-kundizzjoni li l-materja prima tkun ġejja kollha kemm hi mill-azjendi ta’ trobbija msemmija.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

L-azjendi tal-ħnieżer li jipproduċu l-laħam tal-“Prosciutto Toscano” jridu jinsabu fir-reġjuni li ġejjin: Lombardia, Emilia Romagna, Le Marche, Umbria, Lazio u Toscana. Il-“Prosciutto Toscano” jiġi pproċessat, imqatta’ u ppakkjat fiż-żona tradizzjonali ta’ produzzjoni, li tinkludi t-territorju kollu tar-reġjun tat-Toscana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-fatturi ambjentali huma relatati mill-qrib mal-karatteristiċi taż-żona ta’ produzzjoni, li fiha jispikkaw il-widien friski u b’ħafna ilma u l-għoljiet miksija minn boskijiet, li jinfluwenzaw ħafna l-klima u l-karatteristiċi tal-prodott aħħari. Il-produzzjoni lokalizzata tal-“Prosciutto Toscano” hija ġġustifikata mill-kundizzjonijiet tal-mikrożona delimitata: ir-reġjun tat-Toscana, minħabba l-għamla u l-karatteristiċi ġeografiċi tiegħu, huwa idoneu għall-produzzjoni ta’ prieżet ta’ kwalità. Anki l-klima ta’ dan ir-reġjun, li hija differenti ħafna minn dik tar-reġjuni li jmissu miegħu, hija xierqa ħafna biex il-prodott jikseb l-aħjar maturazzjoni tiegħu. Għalhekk, hija klima ideali li tiffavorixxi relazzjoni ta’ ġid bejn l-ambjent u l-prodotti tipiċi tar-reġjun, li tippermettilhom maturazzjoni bil-mod u bnina, bħal fil-każ tal-inbid, iż-żejt, il-ġobon u, sintendi, il-perżut. Huwa f’dan l-ambjent li l-attivitajiet tal-bniedem ippermettew il-perfezzjonament tat-tekniki speċifiċi tal-ipproċessar għat-tirqim jew għat-tmelliħ, li huma adattati aħjar għall-karatteristiċi ambjentali, u li baqgħu jitnisslu sal-lum, tant li jinfluwenzaw b’mod determinanti l-karatteristiċi tal-“Prosciutto Toscano” msemmija fil-punt 3.2.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Prosciutto Toscano” jingħaraf b’aroma tfuħ u karatteristika, b’togħma delikata u b’palat tipiku.

Il-“Prosciutto Toscano” huwa perżut nej, li l-perjodu ta’ maturazzjoni tiegħu, mit-tmelliħ tat-tqegħid fis-suq, ma għandux idum inqas minn 10 xhur għall-prieżet b’piż finali ta’ bejn 7,5 u 8,5 kg, u mhux inqas minn 12-il xahar għall-prieżet b’piż ikbar minn 8,5 kg. Il-“Prosciutto Toscano” li jkun maħsub għat-tqattigħ f’fetet għandu jiġi mmaturat għal xahrejn aktar minn dak indikat fil-paragrafu ta’ qabel, jiġifieri għal mill-inqas 12-il xahar fil-każ ta’ piżijiet ta’ bejn 7,5 u 8,5 kg, u għal mill-inqas 14-il xahar għal piżijiet ta’ aktar minn 8,5 kg.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)

Il-klima taż-żona ta’ produzzjoni tippermetti l-ksib ta’ prodotti agroalimentari ta’ valur għoli ħafna, u b’hekk tiffavorixxi u fl-istess ħin tikkaratterizza l-proċess ta’ maturazzjoni u l-perfezzjonament tal-“Prosciutto Toscano”. L-istorja wriet ir-rabta profonda u mill-qrib bejn il-produzzjoni agrikola u l-ipproċessar tal-prodott u bejn iż-żoni ta’ referenza. Din ir-rabta ssaħħet u sseddqet bl-evoluzzjoni tal-fatturi soċjali, ekonomiċi u produttivi, kif ukoll bis-saħħa tal-esperjenza tal-bniedem li baqgħet titfannad tul is-sekli. F’dak li jirrigwarda ż-żona ddefinita tal-oriġini tal-materja prima, il-fatturi marbuta mal-ġeografija, mal-ambjent u mal-għarfien espert miksub fil-produzzjoni fis-settur tat-trobbija, huma tabilħaqq kostanti u karatteristiċi. Fiż-żona ta’ forniment tal-materja prima, l-iżvilupp taż-żooteknika huwa relatat mal-preżenza kbira ta’ tkabbir ta’ ċereali u mal-metodi ta’ produzzjoni li b’mod partikolari ħajru l-aktar it-trobbija tal-ħnieżer.

F’dak li jirrigwarda ż-żona tal-ipproċessar, iktar limitata, it-tlaqqigħ ta’ diversi fatturi ekonomiċi, klimatiċi, naturali u umani wassal għall-kodifikazzjoni tal-metodu tradizzjoni ta’ produzzjoni, billi ddetermina t-tekniki speċifiċi għall-ksib tal-karatteristiċi tad-DPO “Prosciutto Toscano”. L-aroma u t-togħma karatteristiċi huma dovuti għat-tekniki speċifiċi ta’ produzzjoni, li ilhom irregolati mis-seklu 15, u li jinkludu b’mod partikulari: it-tirqim bit-tond, li jingħaraf b’qatgħa f’forma ta V mill-bidu tas-sieq, u li jippermetti tnixxif tal-laħam aktar effikaċi u aktar mifrux tul il-perjodu ta’ tmelliħ; it-tmelliħ li jsir fin-niexef, bil-melħ, bil-bżar u bi ħwawar naturali ta’ oriġini veġetali; it-tixħim, dejjem bil-kżar u bi ħwawar naturali ta’ oriġini veġetali, u fl-aħħar nett, il-maturazzjoni, li tgawdi mill-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona ta’ produzzjoni. Il-maturazzjoni twila li tesponi l-koxox għall-umdità naturali, flimkien mal-użu, skont id-drawwiet lokali, tal-bżar u ta’ ħwawar tul l-istadji ta’ tmelliħ u tixħim, jiddeterminaw l-aroma tfuħ, it-togħma delikata u l-palat tipiku tal-“Prosciutto Toscano”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

[L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott emendat huwa disponibbli fuq:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew billi tmur direttament għall-paġna ewlenija tal-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Foresterija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Qualità e sicurezza” (fil-parti ta’ fuq u tal-lemin tal-iskrin), imbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).


Top