EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1088

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1088/2013 tal- 4 ta’ Novembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam ma’ applikazzjonijiet għal liċenzi ta’ importazzjoni u esportazzjoni ta’ tagħmir li fih jew li jiddipendi mill-aloni għall-użi kritiċi f’inġenji tal-ajru

ĠU L 293, 5.11.2013, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/03/2024; Impliċitament imħassar minn 32024R0590

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1088/oj

5.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/29


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1088/2013

tal-4 ta’ Novembru 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam ma’ applikazzjonijiet għal liċenzi ta’ importazzjoni u esportazzjoni ta’ tagħmir li fih jew li jiddipendi mill-aloni għall-użi kritiċi f’inġenji tal-ajru

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(9) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti u tagħmir li fihom jew li jiddipendu mill-aloni għall-użi kritiċi f’inġenji tal-ajru stabbiliti fil-punti minn 4.1 sa 4.6 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, huma soġġetti għal liċenzji.

(2)

L-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, jistipula l-lista ta’ oġġetti li għandhom jiġu inklużi f’applikazzjoni għal liċenzja. Il-livell ta’ dettall ta’ dik il-lista jeħtieġ, fil-prattika, liċenzja separata għal kull esportazzjoni u kull importazzjoni.

(3)

F’każ ta’ prodotti u tagħmir li fihom jew li jiddipendu mill-aloni għall-użi kritiċi f’inġenji tal-ajru stabbiliti fil-punti minn 4.1 sa 4.6 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, l-obbligu li jkollhom liċenzja separata għal kull esportazzjoni u importazzjoni qajjem xi dubji minħabba kwistjonijiet ta’ skedar speċifiku għas-settur tal-avjazzjoni, peress li f’xi każijiet, il-liċenzji huma meħtieġa fi żmien qasir ħafna biex jiġi evitat li xi titjiriet jitwaqqfu. Meta mqabbel ma’ setturi oħra ta’ użi kritiċi tal-aloni, is-settur tal-avjazzjoni min-natura tiegħu jimporta u jesporta b’mod aktar frekwenti u l-proċess huwa ripetittiv ħafna.

(4)

L-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti u tagħmir li fihom jew li jiddipendu mill-aloni għall-użi kritiċi f’inġenji tal-ajru stabbiliti fil-punti minn 4.1 sa 4.6 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, mhumiex suġġetti għal limiti kwantitattivi, u għalhekk ma jeħtiġux li l-liċenzji separati għal kull esportazzjoni u importazzjoni jiġu kontrollati kontra l-limiti kwantitattivi.

(5)

Is-sistemi tat-tifi tan-nar abbord l-inġenji tal-ajru huma regolati permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili li tistabbilixxi standards komuni minimi għall-operat ta’ inġenji tal-ajru u l-affidabbiltà li jittajru l-inġenji tal-ajru fl-Anness 6 u l-Anness 8 tagħha, u permezz tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u t-twaqqif tal-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni (2).

(6)

Għalhekk, għall-każ speċifiku ta’ prodotti u tagħmir li fihom jew li jiddipendu mill-aloni għall-użi kritiċi f’inġenji tal-ajru stabbiliti fil-punti minn 4.1 sa 4.6 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, il-lista ta’ entrati meħtieġa fl-applikazzjoni għal-liċenzja għandhom jiġu simplifikati sabiex jippermettu l-ħruġ ta’ liċenzji ġenerali aktar milli liċenzji separati għal kull importazzjoni u esportazzjoni.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, żdied il-punt (j) kif ġej:

“(j)

permezz ta’ deroga mill-punti minn (a) sa (h), fil-każ ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet ta’ prodotti u tagħmir li fihom jew li jiddipendu mill-aloni għall-użi kritiċi f’inġenji tal-ajru stabbiliti fil-punti minn 4.1 sa 4.6 tal-Anness VI:

(1)

l-għan u t-tip ta’ prodotti u tagħmir li għandu jkun impurtat jew esportat kif deskritt fil-punti minn 4.1 sa 4.6 tal-Anness VI;

(2)

it-tipi ta’ aloni li l-prodotti u tagħmir li għandhom ikunu impurtati jew esportati jkun fihom jew li jkun jiddependi fuqhom;

(3)

il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda tal-prodott jew tagħmir li għandu jkun impurtat jew esportat.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.


Top