This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R1079
Commission Regulation (EU) No 1079/2013 of 31 October 2013 laying down transitional measures for the application of Regulations (EC) No 853/2004 and (EC) No 854/2004 of the European Parliament and of the Council Text with EEA relevance
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2013 tal- 31 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2013 tal- 31 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 292, 1.11.2013, p. 10–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016
1.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 292/10 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1079/2013
tal-31 ta’ Ottubru 2013
li jistabbilixxi miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 jipprevedu għal bidliet sinifikanti fir-regoli u fil-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-operaturi tan-negozju tal-ikel u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn ir-Regolamenti japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2006. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ għadd minn dawn ir-regoli u proċeduri b’effett immedjat minn dik id-data kienet tkun tippreżenta diffikultajiet prattiċi f’ċerti każijiet. |
(2) |
Għal din ir-raġuni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1162/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi miżuri tranżitorji għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi ċerti miżuri tranżitorji għal perjodu tranżitorju li jiġi fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2013, biex jippermettu tranżizzjoni mingħajr xkiel għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli u l-proċeduri stipulati f’dawk it-tliet Regolamenti. It-tul taż-żmien tal-perjodu tranżitorju ġie stabbilit filwaqt li ġiet ikkunsidrata r-reviżjoni ta’ dan il-qafas regolatorju dwar l-iġjene previst f’dawk ir-Regolamenti. |
(3) |
Ir-Rapport tat-28 ta’ Lulju 2009 li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Iġjene (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 (4)“għandu l-għan li jippreżenta l-esperjenza miksuba, inklużi d-diffikultajiet li nqalgħu, fl-2006, fl-2007 u fl-2008 mill-implimentazzjoni tal-pakket dwar l-iġjene mill-atturi interessati kollha” (“ir-rapport”). |
(4) |
Ir-rapport jinkludi esperjenzi dwar il-miżuri tranżitorji stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1162/2009. Ir-rapport jindika li d-diffikultajiet li ġew osservati kienu fir-rigward tal-provvista lokali ta’ kwantitajiet żgħar ta’ ċertu ikel, li hemm bżonn ta’ aktar kjarifika tas-sitwazzjonijiet meta japplikaw ir-regoli dwar l-importazzjonijiet nazzjonali fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni u li l-kriżi minħabba l-prodotti komposti impurtati kkonfermat il-bżonn li jkun hemm aktar kontroll ta’ dawn il-prodotti. |
(5) |
Dawk id-diffikultajiet jeħtieġu jiġu indirizzati permezz ta’ reviżjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004. Immedjatament wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, tnediet valutazzjoni tal-impatt, li takkumpanja tali reviżjoni. Madanakollu, jinħtieġ iktar żmien sabiex il-valutazzjoni tal-impatt tiġi ffinalizzata qabel ma titnieda l-proċedura ordinarja għar-reviżjoni. |
(6) |
Barra minn dan, skont l-informazzjoni li rċieva l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u s-setturi rilevanti tan-negozju tal-ikel fl-Unjoni, ċerti miżuri tranżitorji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1162/2009 għandhom jinżammu pendenti sakemm jitlesta l-proċess ta’ reviżjoni. |
(7) |
Għaldaqstant, id-dispożizzjoni għandha ssir għal perjodu tranżitorju ulterjuri li matulu ċerti miżuri tranżitorji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1162/2009 għandhom ikomplu japplikaw. |
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu l-forniment dirett mill-produttur ta’ kwantitajiet żgħar ta’ laħam mit-tjur u l-lagomorfi maqtula fir-razzett lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-imnut lokali li jfornu direttament lill-konsumatur aħħari bħala laħam frisk. Madankollu, jekk din id-dispożizzjoni tiġi limitata għall-laħam frisk qabel it-tmiem tal-eżerċizzju ta’ reviżjoni ta’ dak ir-Regolament, dan ikun ta’ piż addizzjonali għal produtturi żgħar. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament (KE) Nru 1162/2009 jipprevedi deroga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għall-forniment dirett ta’ dawn il-prodotti bażiċi taħt ċerti kundizzjonijiet, mingħajr ma tiġi limitata għal laħam frisk. Din l-esklużjoni għandha tinżamm matul il-perjodu tranżitorju addizzjonali previst f’dan ir-Regolament. |
(9) |
Ir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 jistabbilixxu ċerti regoli għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ikel li jinkludi prodotti li joriġinaw mill-pjanti u prodotti proċessati li joriġinaw mill-annimali (prodotti komposti). Ir-Regolament (KE) Nru 1162/2009 jipprevedi miżuri tranżitorji li jidderogaw minn uħud minn dawn ir-regoli għal ċerti prodotti komposti li għalihom il-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni għadhom ma ġewx armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet ġew emendati permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 tal-11 ta’ Jannar 2012 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni għall-Unjoni u tat-tranżitu minn ġol-Unjoni ta’ ċerti prodotti komposti u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE u r-Regolament (KE) Nru 1162/2009 (5) u mhumiex se jkunu armonizzati għal kollox qabel il-31 ta’ Diċembru 2013. Għal din ir-raġuni, sakemm l-armonizzazzjoni futura tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun għadha pendenti, jeħtieġ li jiġu previsti derogi waqt il-perjodu tranżitorju addizzjonali stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
(10) |
Fl-interessi taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1162/2009 għandu jitħassar. |
(11) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 għal perjodu tranżitorju mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2016.
Artikolu 2
Forniment dirett ta’ kwantitajiet żgħar ta’ laħam mit-tjur u l-lagomorfi
B’deroga mill-Artikolu 1(3)(d) u bla ħsara għall-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-forniment dirett, mill-produttur, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ laħam mit-tjur u l-lagomorfi maqtula fir-razzett lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-imnut lokali li jfornu b’mod dirett lill-konsumatur aħħari.
Artikolu 3
Kundizzjonijiet tas-saħħa għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali
1. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma għandux japplika għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom l-ebda kundizzjoni armonizzata tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni ma ġiet stabbilita fil-livell tal-Unjoni.
L-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
2. B’deroga mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li jimportaw ikel li fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali, minbarra l-prodotti komposti imsemmijin fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 għandhom ikunu eżentati mill-obbligi previsti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.
L-importazzjonijiet ta’ ikel bħal dan għandhom jikkonformaw mar-regoli armonizzati tal-Unjoni, fejn applikabbli, u mar-regoli nazzjonali implimentati mill-Istati Membri f’każijiet oħra.
Artikolu 4
Proċeduri fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali
Il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 ma għandux japplika għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom l-ebda kundizzjoni armonizzata tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni ma ġiet stabbilita fil-livell tal-Unjoni, inklużi listi ta’ pajjiżi terzi u partijiet minn pajjiżi terzi u ta’ stabbilimenti li minnhom jistgħu jsiru importazzjonijiet.
L-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimporta.
Artikolu 5
Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1162/2009
Ir-Regolament (KE) Nru 1162/2009 huwa b’dan imħassar.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikabilità
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2016.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.
(2) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.
(3) ĠU L 314, 1.12.2009, p. 10.
(4) COM(2009) 403 final.