Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1026

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1026/2013 tat- 22 ta’ Ottubru 2013 li jwaqqaf ir-reviżjoni interim parzjali dwar il-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għal importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le

    ĠU L 283, 25.10.2013, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1026/oj

    25.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 283/7


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1026/2013

    tat-22 ta’ Ottubru 2013

    li jwaqqaf ir-reviżjoni interim parzjali dwar il-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għal importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 13(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 (2), kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012 (3), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7318 12 90, ex 7318 14 91, ex 7318 14 99, ex 7318 15 59, ex 7318 15 69, ex 7318 15 81, ex 7318 15 89, ex 7318 15 90, ex 7318 21 00 u ex 7318 22 00 li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-miżuri fis-seħħ”).

    (2)

    Bl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 723/2011 (4), il-Kunsill estenda l-miżuri f-seħħ għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (“il-miżuri fis-seħħ kif estiżi”).

    1.2.   Talba għal reviżjoni interim parjali

    (3)

    Talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku tressqet minn Malaysian Precision Manufacturing SDN BHD (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Malasja.

    (4)

    It-talba kienet limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni għal eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi għall-applikant.

    (5)

    Fit-talba, l-applikant iddikjara li hu produttur ġenwin ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar u li jista’ jipproduċi l-kwantità sħiħa ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jkun bagħat lejn l-Unjoni mill-bidu tal-perjodu tal-investigazzjoni tal-investigazzjoni ta’ kontra l-elużjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

    (6)

    L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li dan ġie stabbilit bħala produttur ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar fil-Malasja ħafna qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li għalkemm huwa relatat ma’ ċerti produtturi ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jinsabu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-relazzjonijiet tiegħu mal-kumpaniji relatati miegħu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ġew stabbiliti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ u li dawn ir-relazzjonijiet ma ġewx użati għall-evażjoni tal-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

    1.3.   Bidu ta’ reviżjoni interim parzjali

    (7)

    Fl-14 ta' Mejju 2013, wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv u ddeterminat li t-talba kienet tinkludi biżżejjed evidenza prima facie biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5) (“l-Avviż ta’ bidu”). Dik ir-reviżjoni interim parzjali kienet limitata għall-eżami tal-possibbiltà li tingħata eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi sa fejn huwa kkonċernat l-applikant.

    1.4.   Partijiet interessati

    (8)

    Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-Malasja u tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-bidu tar-reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż ta’ bidu. L-applikant biss ippreżenta ruħu. L-ebda seduta ma ġiet mitluba.

    (9)

    Sabiex tikseb it-tagħrif li qieset meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant, li ma weġibx fiż-żmien l-iskadenza stipulata għal dan l-għan.

    2.   IRTIRAR TAT-TALBA U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

    (10)

    Fit-18 ta’ Ġunju 2013, l-applikant irtira t-talba tiegħu għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ kif estiżi. L-applikant stqarr li ma kienx kapaċi jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dejta mitluba fil-kwestjonarju rigward il-kumpaniji relatati miegħu. Barra minn hekk, l-applikant ilmenta li ż-żmien għas-sottomissjoni tat-tweġiba għall-kwestjonarju kien qasir wisq. Madankollu, ma saret l-ebda talba sostanzjata għal estensjoni tal-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tat-tweġiba.

    (11)

    Fid-dawl tal-irtirar, ġie kkunsidrat jekk ikunx iġġustifikat li l-investigazzjoni tar-reviżjoni titkompla ex officio. Il-Kummissjoni sabet li ma kienu jeżistu l-ebda raġunijiet validi li jwasslu għall-konklużjoni li t-terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. Abbażi ta’ dan, l-investigazzjoni tar-reviżjoni għandha tiġi terminata.

    (12)

    Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa dwar l-intenzjoni li l-investigazzjoni tar-reviżjoni tiġi terminata u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma ġew riċevuti ebda kummenti.

    (13)

    Għalhekk ġie konkluż li r-reviżjoni interim parzjali dwar il-miżuri antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le ma għandhiex tiġi terminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ kif estiżi,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-reviżjoni interim parzjali dwar il-miżuri antidumping, applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le mibdija skont l-Artikoli 11(3) u 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 hija b'dan terminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri antidumping fis-seħħ kif estiżi.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. LINKEVIČIUS


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 29, 31.1.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 275, 10.10.2012, p. 1.

    (4)  ĠU L 194, 26.7.2011, p. 6.

    (5)  ĠU C 134, 14.5.2013, p. 34.


    Top