Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0715

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 715/2013 tal- 25 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tar-ram ma jibqax jitqies bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 201, 26.7.2013, p. 14–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/715/oj

    26.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 201/14


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 715/2013

    tal-25 ta’ Lulju 2013

    li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tar-ram ma jibqax jitqies bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1), u partikolarment l-Artikolu 6(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Minn evalwazzjoni ta’ diversi flussi ta’ skart jirriżulta li s-swieq tar-riċiklaġġ għar-ruttam tar-ram għandhom jibbenefikaw mill-iżvilupp ta’ kriterji speċifiċi li jiddeterminaw meta r-ruttam tar-ram miksub mill-iskart ma jibqax jitqies bħala skart. Dawk il-kriterji għandhom jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien ambjentali. Għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-klassifikazzjoni tar-ruttam tar-ram irkuprat bħala skart minn pajjiżi terzi.

    (2)

    Rapporti miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li jeżisti suq għar-ruttam tar-ram u domanda għalih biex dan jintuża bħala bażi fl-industrija tal-produzzjoni ta’ metall mhux ferruż. Ir-ruttam tar-ram għandu għalhekk ikun pur biżżejjed u jilħaq l-istandards relevanti jew l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa mill-industrija tal-produzzjoni tal-metall mhux ferruż.

    (3)

    Il-kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tar-ram ma jibqax jitqies bħala skart għandhom jiżguraw li r-ruttam tar-ram li jirriżulta minn operazzjoni ta’ rkupru jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-industrija tal-produzzjoni tal-metall mhux ferruż, li dan ikun konformi mal-leġiżlazzjoni u mal-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti u li ma jwassalx għal impatti globali negattivi fuq l-ambjent jew fuq saħħet il-bniedem. Ir-rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li l-kriterji proposti dwar l-iskart li jintuża bħala materjal li jiddaħħal fl-operazzjoni ta’ rkupru, dwar il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament, kif ukoll dwar ir-ruttam tar-ram li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru jilħqu dawk l-għanijiet minħabba li għandhom jirriżultaw fil-produzzjoni ta’ ruttam tar-ram bla propjetajiet perikolużi u ħieles biżżejjed minn metalli għajr ram u komposti mhux metalliċi.

    (4)

    Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-kriterji, huwa xieraq li jkun ipprovdut li jinħareġ tagħrif dwar ir-ruttam tar-ram li ma baqax jitqies bħala skart u li tiġi implimentata sistema ta’ ġestjoni.

    (5)

    Tista’ tkun meħtieġa reviżjoni tal-kriterji jekk, fuq il-bażi ta’ monitoraġġ tal-iżvilupp tal-kundizzjonijiet tas-suq għar-ruttam tar-ram, jiġu nnutati effetti ħżiena fuq is-swieq tar-riċiklaġġ għar-ruttam tar-ram, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà ta’ tali ruttam u mal-aċċess għalih.

    (6)

    Sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw irwieħhom għall-kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tar-ram ma jibqax jitqies bħala skart, huwa xieraq li jingħata perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma’ dan ir-Regolament jibda japplika.

    (7)

    Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament u l-Kummissjoni għalhekk issottomettiet proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u bagħtitha lill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill ma aġixxix fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn (2) stipulat fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2), u għalhekk il-Kummissjoni ressqet il-proposta quddiem il-Parlament Ewropew mingħajr dewmien. Il-Parlament Ewropew ma opponiex il-miżura fi żmien 4 xhur mit-tressiq imsemmi hawn fuq,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tar-ram ma jibqax jitqies bħala skart.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE.

    Barra minn hekk id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    1.

    “ruttam tar-ram” tfisser ruttam tal-metall li jikkonsisti prinċipalment f’ramm u f’ligi tar-ram;

    2.

    “detentur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha fil-pussess tagħha r-ruttam tar-ram;

    3.

    “produttur” tfisser id-detentur li jittrasferixxi r-ruttam tar-ram lil detentur ieħor għall-ewwel darba bħala ruttam tar-ram li ma baqax jitqies bħala skart;

    4.

    “importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi ruttam tar-ram li ma baqax jitqies bħala skart fit-territorju doganali tal-Unjoni;

    5.

    “persunal ikkwalifikat” tfisser persunal li huwa kkwalifikat bl-esperjenza jew bit-taħriġ biex jimmonitorja u jivvaluta l-propjetajiet tar-ruttam tar-ram;

    6.

    “spezzjoni viżwali” tfisser spezzjoni tar-ruttam tar-ram li tkopri l-partijiet kollha ta’ kunsinna u li ssir permezz tas-sensi tal-bniedem jew permezz ta’ kwalunkwe tagħmir mhux speċjalizzat;

    7.

    “kunsinna” tfisser lott ta’ ruttam tar-ram li huwa maħsub biex jiġi kkonsenjat minn produttur lil detentur ieħor u li jista’ jinżamm f’unità tat-trasport waħda jew iktar, bħall-kontejners.

    Artikolu 3

    Il-kriterji għar-ruttam tar-ram

    Ir-ruttam tar-ram ma għandux jibqa’ jitqies bħala skart meta, mat-trasferiment mill-produttur lil detentur ieħor, jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    1.

    ir-ruttam tar-ram li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I;

    2.

    l-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

    3.

    l-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru ġie ttrattat skont il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

    4.

    il-produttur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

    Artikolu 4

    Dikjarazzjoni tal-konformità

    1.   Il-produttur jew l-importatur għandu joħroġ, għal kull kunsinna ta’ ruttam tar-ram, dikjarazzjoni ta’ konformità li tkun konformi mal-mudell stabbilit fl-Anness II.

    2.   Il-produttur jew l-importatur għandu jagħti d-dikjarazzjoni ta’ konformità lid-detentur tal-kunsinna tar-ruttam tar-ram li jmiss. Il-produttur jew l-importatur għandu jżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għal mill-inqas sena wara d-data tal-ħruġ tagħha u għandu jqiegħdha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta jintalab jagħmel dan.

    3.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tista’ tkun f’forma elettronika.

    Artikolu 5

    Sistema ta’ ġestjoni

    1.   Il-produttur għandu jimplimenta sistema ta’ mmanniġjar adattata biex turi l-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 3.

    2.   Is-sistema ta’ mmanniġjar għandu jkun fiha sett ta’ proċeduri dokumentati dwar kull wieħed mill-aspetti li ġejjin:

    (a)

    il-monitoraġġ tal-kwalità tar-ruttam tar-ram li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness I (inklużi t-teħid tal-kampjuni u l-analiżi);

    (b)

    l-effettività tal-monitoraġġ tar-radjazzjoni kif stabbilit fit-Taqsima 1.5 tal-Anness I;

    (c)

    l-aċċettazzjoni tal-kontroll tal-iskart li ntuża bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

    (d)

    il-monitoraġġ tal-proċessi u tat-tekniki ta’ trattament deskritti fit-Taqsima 3.3 tal-Anness I;

    (e)

    ir-reazzjoni tal-konsumaturi dwar il-konformità mal-kwalità tar-ruttam tar-ram;

    (f)

    iż-żamma tar-reġistri tar-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq skont il-punti (a) sa (d);

    (g)

    ir-reviżjoni u t-titjib tas-sistema ta’ mmanniġjar;

    (h)

    it-taħriġ tal-persunal.

    3.   Is-sistema ta’ mmanniġjar għandha tippreskrivi wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi tal-monitoraġġ stabbiliti fl-Anness I għal kull kriterju.

    4.   Fejn kwalunkwe wieħed mit-trattamenti msemmija fit-Taqsima 3.3 tal-Anness I jitwettaq minn detentur preċedenti, il-produttur għandu jiżgura ruħu li l-fornitur jimplimenta sistema ta’ ġestjoni li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

    5.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li kiseb akkreditazzjoni skont dak ir-Regolament, jew kwalunkwe verifikatur ambjentali ieħor, kif iddefinit fl-Artikolu 2 (20) (b) tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li huwa kkreditat jew illiċenzjat ma’ dak ir-Regolament, għandu jivverifika li s-sistema ta’ mmanniġġjar tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu. Il-verifika għandha titwettaq kull tliet snin.

    Huma biss verifikaturi b’dan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ akkreditament jew liċenzja bbażata fuq il-Kodiċi tan-NACE kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li għandhom jitqiesu bħala li għandhom biżżejjed esperjenza speċifika biex iwettqu l-verifika msemmija f’dan ir-Regolament.

    (a)

    * Kodiċi NACE 38 (Attivitajiet ta’ ġbir, trattament u rimi tal-iskart; irkupru ta’ materjali); jew

    (b)

    * Kodiċi NACE 24 (Manifattura ta’ metalli bażiċi) speċjalment li jinkludu s-subkodiċi 24.44 (Produzzjoni tar-ram).

    6.   L-importatur għandu jeżiġi li l-fornituri tiegħu jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2 u 3 u li tkun ġiet ivverifikata minn verifikatur estern indipendenti.

    Is-sistema ta’ ġestjoni tal-fornitur għandha tiġi ċċertifikata minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li huwa akkreditat minn wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    korp ta’ akkreditament li ġie rivedut b’suċċess bejn il-pari għal din l-attività mill-korp rikonoxxut fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

    (b)

    verifikatur ambjentali li huwa akkreditat jew liċenzjat minn korp ta’ akkreditament jew ta’ liċenzja skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 li huwa wkoll suġġett għal reviżjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 31 ta’ dak ir-Regolament.

    Il-verifikaturi li jixtiequ joperaw f’pajjiżi terzi għandhom jiksbu akkreditazzjoni jew liċenzja speċifika, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/832/UE (6).

    7.   Il-produttur għandu jagħti aċċess għas-sistema ta’ mmanniġjar lill-awtoritajiet kompetenti meta jintalab jagħmel dan.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

    (2)  ĠU L 184, 17.7.1999. p. 23.

    (3)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

    (4)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

    (5)  ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

    (6)  ĠU L 330, 14.12.2011, p. 25.


    ANNESS I

    Il-kriterji għar-ruttam tar-ram

    Kriterji

    Rekwiżiti ta’ awtomonitoraġġ

    Taqsima 1.   Il-kwalità tar-ruttam tar-ram li tirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru

    1.1.

    Ir-ruttam għandu jkun ikklassifikat skont speċifikazzjoni tal-klijent, speċifikazzjoni tal-industrija jew standard għal użu dirett fil-produzzjoni ta’ sustanzi jew ta’ oġġetti metalliċi minn dawk li jdewbu l-metall, raffinaturi tal-metall, dawk li jerġgħu jdewbu l-metall jew produtturi oħra tal-metall.

    Persunal kwalifikat għandu jikklassifika kull konsenja.

    1.2.

    L-ammont totali ta’ impuritajiet għandu jkun ta’ ≤ 2 % skont il-piż.

    L-impuritajiet huma:

    metalli li mhumiex ram u ligi tar-ram;

    materjali mhux metalliċi bħal ħamrija, trab, insulazzjoni u ħġieġ;

    materjali kombustibbli u mhux metalliċi bħal lastku, plastik, drapp, injam u sustanzi kimiċi jew organiċi oħrajn;

    gagazza, ħmieġ tal-metall, xkumar, trabijiet tal-filtri tal-arja, trabijiet tat-tagħmir tat-tħin, ħama

    Persunal kwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

    F’intervalli xierqa (mill-inqas kull 6 xhur), għandhom jiġu analizzati kampjuni rappreżentattivi ta’ kull grad tar-ruttam tar-ram biex jitkejjel l-ammont totali ta’ impuritajiet. L-ammont totali ta’ impuritajiet għandu jitkejjel skont il-piż wara li l-partiċelli u l-oġġetti metalliċi tar-ram/ligi tar-ram ikunu ġew isseparati mill-partiċelli u mill-oġġetti li jikkonsistu f’impuritajiet billi jintgħażlu bl-idejn jew b’mezzi oħrajn ta’ separazzjoni (bħal ‘kalamita jew abbażi tad-densità).

    Il-frekwenzi xierqa tal-analiżi tal-kampjuni rappreżentattivi għandhom ikunu stabbiliti billi jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

    it-tendenza mistennija tal-varjabbiltà (pereżempju kif murija mir-riżultati storiċi);

    ir-riskju inerenti ta’ varjabbiltà fil-kwalità tal-iskart li ntuża bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru u fil-prestazzjoni tal-proċessi ta’ trattament;

    il-preċiżjoni inerenti tal-metodu ta’ monitoraġġ; u wkoll

    il-qrubija tar-riżultati għall-valuri ta’ limitu għall-ammont totali ta’ impuritajiet.

    Il-proċess tad-determinazzjoni tal-frekwenzi tal-monitoraġġ għandu jkun iddokumentat bħala parti mis-sistema ta’ mmanniġjar u għandu jkun disponibbli għall-verifiki.

    1.3.

    Ir-ruttam ma għandux ikun fih ossidu tal-metall eċċessiv fi kwalunkwe forma, ħlief għall-ammonti tipiċi li jirriżultaw minn ħażna fuq barra ta’ ruttam ippreparat f’kundizzjonijiet atmosferiċi normali.

    Persunal kwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

    1.4.

    Ir-ruttam ma għandux ikollu żejt viżibbli, emulsjonijiet żejtnija, lubrikanti jew griż ħlief għal ammonti negliġibbli li ma jwasslux għal taqtir.

    Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull kunsinna, u għandu joqgħod attent l-iktar għal dawk il-partijiet minn fejn hemm l-iktar ċans li jibda jqattar iż-żejt.

    1.5.

    Ma hemm bżonn tittieħed l-ebda azzjoni ta’ rispons skont regoli nazzjonali jew internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għar-ruttam ta’ metall radjuattiv.

    Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku adottata skont il-Kapitolu III tat-Trattat tal-Euratom, partikolarment d-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom (1).

    Persunal ikkwalifikat għandu jimmonitorja r-radjoattività ta’ kull kunsinna. Kull kunsinna ta’ ruttam għandu jkollha magħha ċertifikat, stabbilit skont regoli nazzjonali jew internazzjonali, dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għar-ruttam tal-metall radjoattiv. Iċ-ċertifikat jista’ jiġi inkluż fid-dokumentazzjoni l-oħra li takkumpanja l-kunsinna.

    1.6.

    Ir-ruttam ma għandu juri l-ebda waħda mill-propjetajiet perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE. Ir-ruttam għandu jkun konformi mal-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (2) u ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament Nru (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    Il-propjetajiet tal-ligi tal-metalli inklużi fil-ligi tar-ram mhumiex rilevanti għal dan ir-rekwiżit.

    Persunal ikkwalifikat għandu jinvestiga kull kunsinna permezz ta’ spezzjoni viżwali. Fejn l-ispezzjoni viżwali tqajjem xi suspett ta’ possibbiltà ta’ propjetajiet perikolużi, għandhom jittieħdu iktar miżuri xierqa ta’ monitoraġġ, bħat-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar fejn ikun xieraq. Il-persunal għandu jitħarreġ dwar il-propjetajiet perikolużi potenzjali li jistgħu jkunu assoċjati mar-ruttam tar-ram u dwar il-karatteristiċi li jippermettu lil dak li jkun jagħraf il-propjetajiet perikolużi. Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-materjali perikolużi għandha tkun iddokumentata fis-sistema tal-immanniġjar.

    1.7.

    Ir-ruttam ma għandu l-ebda kontenitur taħt pressjoni, magħluq, jew mhux miftuħ biżżejjed li jista’ jikkawża splużjonijiet f’forn tax-xogħol fil-metall.

    Persunal ikkwalifikat għandu jinvestiga kull kunsinna permezz ta’ spezzjoni viżwali.

    1.8.

    Ir-ruttam ma għandux ikun fih klorur tal-polivinil fil-forma ta’ kisi, żebgħa jew plastik residwu.

    Persunal ikkwalifikat għandu jinvestiga kull kunsinna permezz ta’ spezzjoni viżwali.

    Taqsima 2.   L-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru

    2.1.

    L-iskart li kien fih ram jew ligi tar-ramm rikoverabbli biss jista’ jintuża bħala materja prima.

    2.2.

    L-iskart perikoluż ma għandux jintuża bħala materja prima ħlief fejn jingħataw provi li jkunu ġew applikati l-proċessi u t-tekniki speċifikati fil-‘kriterji dwar it-trattament u t-tekniki’ biex jitneħħew il-propjetajiet perikolużi kollha.

    2.3.

    L-iskart li ġej ma għandux jintuża bħala materja prima:

    limatura u serratura li fihom fluwidi bħal żejt jew emulsjonijiet żejtnija u

    l-btieti u l-kontenituri, ħlief għat-tagħmir minn vetturi li ma għadhomx jintużaw, li fihom jew li kien fihom iż-żejt jew iż-żebgħa.

    Il-kontroll tal-aċċettazzjoni tal-iskart kollu li jasal (permezz ta’ spezzjoni viżwali) u tad-dokumentazzjoni li takkumpanjah għandu jitwettaq minn persunal ikkwalifikat li jkun ingħata taħriġ dwar kif jagħraf l-iskart li ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti f’din it-Taqsima.

    Taqsima 3.   Il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament

    3.1.

    Ir-ruttam tar-ram għandu jkun ġie sseparat mill-ewwel fis-sors jew waqt il-ġbir jew l-iskart ta’ materja prima għandu jkun ġie ttrattat sabiex ir-ruttam tar-ram jiġi sseparat mill-komponenti mhux metalliċi u minn dawk tal-metall li ma fihomx ramm. Ir-ruttam tar-ram li jinkiseb minn dawn l-operazzjonijiet għandu jinżamm separat minn kwalunkwe skart ieħor.

    3.2.

    It-trattamenti mekkaniċi kollha (bħall-qtugħ, ġeżżież, tqattigħ f’biċċiet żgħar jew il-granulazzjoni; l-għażla, is-separazzjoni, it-tindif, it-tneħħija tas-sustanzi li jniġġsu, l-iżvujtar) li huma meħtieġa biex jiġi ppreparat ir-ruttam tal-metall għall-użu finali dirett tiegħu bħala materja prima għandhom ikunu tlestew.

    3.3.

    Għall-iskart li jkun fih komponenti perikolużi, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti speċifiċi li ġejjin:

    Il-materja prima li tkun ġejja minn skart ta’ tagħmir elettriku jew elettroniku jew minn vetturi li ma għadhomx jintużaw għandha tkun għaddiet mit-trattamenti kollha mitluba mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

    Il-klorofluworokarbonji f’tagħmir imwarrab għandhom ikunu nqabdu fi proċess approvat mill-awtoritajiet kompetenti;

    Il-kejbils għandu jkunu tqattgħu biċċa biċċa jew għandu jkun tneħħilhom il-kisi. Jekk kejbil ikun fih kisi organiku (tal-plastik), il-kisi organiku għandu jkun tneħħa bl-aħjar tekniki disponibbli;

    Il-btieti u l-kontenituri għandhom ikunu żvujtati u mnaddfa;

    Is-sustanzi perikolużi fl-iskart li ma ssemmiex fil-punt (1) għandhom ikunu tneħħew b’mod effiċjenti fi proċess li jkun approvat mill-awtorità kompetenti.

     


    (1)  ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

    (2)  ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.

    (3)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.

    (4)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

    (5)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.


    ANNESS II

    Dikjarazzjoni ta’ Konformità mal-kriterji li jiddeterminaw meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala tali, imsemmija fl-Artikolu 4(1)

    1.

    Produttur/importatur tar-ruttam tar-ram:

    Isem:

    Indirizz:

    Persuna ta’ kuntatt:

    Numru tat-telefown:

    Faks:

    E-mail:

    2.

    (a)

    L-isem jew il-kodiċi tal-kategorija tar-ruttam tar-ram, skont speċifikazzjoni jew standard tal-industrija:

    (b)

    Fejn rilevanti, id-dispożizzjonijiet tekniċi prinċipali ta’ speċifikazzjoni tal-klijent, bħall-kompożizzjoni, id-daqs, it-tip u l-propjetajiet:

    3.

    Il-kunsinna tar-ruttam tar-ram tikkonforma mal-ispeċifikazzjoni jew l-istandard tal-industrija msemmi fil-punt 2(a) jew mal-ispeċifikazzjoni tal-konsumatur fil-punt 2(b).

    4.

    Kwantità tal-konsenja f’kg:

    5.

    Ġie stabbilit ċertifikat ta’ test għar-radjoattività skont ir-regoli nazzjonali jew internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għar-ruttam ta’ metall radjoattiv.

    6.

    Il-produttur tar-ruttam tal-metall japplika sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità li hija konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 715/2013, li ġiet ivverifikata minn korp akkreditat ta’ valutazzjoni tal-konformità jew minn verifikatur ambjentali jew, f’każ li r-ruttam tal-metall li ma baqax jitqies bħala skart jiġi impurtat fit-territorju doganali tal-Unjoni, minn verifikatur estern indipendenti.

    7.

    Il-kunsinna ta’ ruttam tal-metall tissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 715/2013.

    8.

    Dikjarazzjoni tal-produttur/tal-importatur tar-ruttam tal-metall: Jiena niċċertifika li, skont l-aħjar għarfien tiegħi, it-tagħrif mogħti hawn fuq huwa komplut u korrett:

    Isem:

    Data:

    Firma:


    Top