Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0698

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 698/2013 tad- 19 ta’ Lulju 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

    ĠU L 198, 23.7.2013, p. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/698/oj

    23.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 198/35


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 698/2013

    tad-19 ta’ Lulju 2013

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura ta’ prodotti, minn hawn ’il quddiem imsejħa n-Nomenklatura Magħquda, li hija stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawżi Konġunti C-410/08 sa C-412/08 (“Swiss Caps”) ippreżentat paradigma ġdida għall-klassifikazzjoni ta’ “supplimenti tal-ikel”.

    (3)

    Fuq naħa waħda, il-paragrafu 29 ta’ din is-sentenza jistipula li “l-użu maħsub ta’ prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni jekk huwa inerenti għall-prodott”. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 32 jiddikjara li l-preżentazzjoni f’kapsuli huwa “fattur deċiżiv li juri l-funzjoni tagħhom bħala suppliment tal-ikel, peress li tiddetermina d-dożaġġ ta’ preparazzjonijiet li jittieklu, il-mod li bih jiġu assorbiti u l-post fejn huma mistennija li jsiru attivi”.

    (4)

    Konsegwentement, skont id-deċiżjoni tal-Qorti, prodotti li huma użati bħala supplimenti tal-ikel biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali u li huma ppreżentati f’kapsuli huma kklassifikati taħt l-intestatura 2106 bħala “preparazzjonijiet tal-ikel mhux speċifikati jew inklużi xi mkien ieħor”.

    (5)

    Madankollu, il-problemi ta’ klassifikazzjoni ta’ tariffi jistgħu jinqalgħu fil-każ tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti bl-istess kompożizzjoni, l-istess skop, li fihom doża mkejla, iżda li huma ppreżentati f’pastilji jew pilloli.

    (6)

    Għalhekk, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tan-Nomenklatura Magħquda, il-klassifikazzjoni ta’ preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati f’dożi ta’ kejl, bħalma huma l-kapsoli, l-pastilji u l-pilloli u li huma maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, għandhom iqisu l-kriterji żviluppati fil-Kawżi Konġunti C-410/08 sa C-412/08 (“Swiss caps”).

    (7)

    Għalhekk għandha tiddaħħal Nota Addizzjonali ġdida fil-Kapitolu 21 tan-Nomenklatura Magħquda biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-Kapitolu 21 tan-Nomenklatura Magħquda stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, qed tiddaħħal in-Nota 5 Addizzjonali li ġejja:

    “5.

    “Preparazzjonijiet oħra tal-ikel ippreżentati f’dożi mkejla, bħal pereżempju, kapsuli, pastilji u pilloli, u li huma maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel għandhom ikunu kklassifikati taħt l-intestatura 2106, sakemm ma humiex xi mkien ieħor speċifikati jew inklużi.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.


    Top