Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0656

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 656/2013 tal- 10 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi miżuri ta’ tranżizzjonli fir-rigward tal-mudell ta’ passaport maħruġ fil-Kroazja għall-klieb, qtates u l-inmsa Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 190, 11.7.2013, pp. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/656/oj

11.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/35


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 656/2013

tal-10 ta’ Lulju 2013

li jistabbilixxi miżuri ta’ tranżizzjonli fir-rigward tal-mudell ta’ passaport maħruġ fil-Kroazja għall-klieb, qtates u l-inmsa

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1) japplika, fost l-oħrajn, għall-movimenti fl-Istati Membri ta’ dawk l-annimali domestiċi elenkati fl-Anness I tiegħu li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. Il-klieb u l-qtates huma elenkati fil-Parti A u l-inmsa huma elenkati fil-Parti B ta’ dak l-Anness.

(2)

It-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 telenka l-pajjiżi u t-territorji, inkluża l-Kroazja, li għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ dawk l-annimali domestiċi japplikaw regoli li huma tal-anqas ekwivalenti għar-regoli previsti f’dak ir-Regolament.

(3)

Bħala riżultat ta’ dan, il-klieb, il-qtates u l-inmsa li jitmexxew minn dawk il-pajjiżi u territorji għall-Istati Membri, jista’ jkollhom passaport li jikkonforma mal-mudell stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE tas-26 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes (2) u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fl-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni, b’ċerti adattamenti neċessarji fil-paġna ta’ quddiem tal-mudell ta’ passaport.

(4)

Mid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja, il-klieb, il-qtates u l-inmsa ma jistgħux jittieħdu mill-Kroazja fi Stat Membru ieħor sakemm ma jkunux akkumpanjati minn passaport li jikkonforma mal-mudell stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/803/KE u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fl-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni.

(5)

Madankollu, wara dik id-data jista’ jkun għad hemm passaporti vojta stampati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja kif ukoll dawk li ngħataw lil veterinarji awtorizzati fil-Kroazja, iżda li għadhom ma nħarġux minnhom, qabel id-data tal-adeżjoni.

(6)

Fl-istess ħin, il-passaporti maħruġa qabel id-data tal-adeżjoni għandhom, f’ċerti kundizzjonijiet, jibqgħu jkunu aċċettati tul il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin sabiex ikun limitat il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq is-sidien tal-annimali domestiċi.

(7)

Għalhekk, sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema eżistenti għal dik fis-seħħ mill-adeżjoni tal-Kroazja, huwa xieraq li jiġu stabbiliti miżuri ta’ tranżizzjoni għall-moviment tal-annimali domestiċi mill-Kroazja lejn l-Istati Membri l-oħrajn.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Istati Membri jawtorizzaw il-moviment ta’ dawk l-annimali domestiċi elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 mill-Kroazja lejn it-territorju tagħhom u li magħhom ikollhom passaport maħruġ minn veterinarju awtorizzat fil-Kroazja sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014 u li jkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

huwa imfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/803/KE u skont ir-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fil-punti A, B(2)(a), B(2)(c) u C tal-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni;

(b)

b’deroga mill-punti B(1) u B(2)(b) tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/803/KE, ikollu l-emblema Kroata stampata fil-kwart ta’ fuq tal-paġna ta’ quddiem, ‘il fuq mill-kliem “Republika Hrvatska”, fuq sfond ta’ lewn blu (PANTONE REFLEX BLUE).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ soġġett għal, u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja.

Huwa japplika sat-30 ta’ Ġunju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(2)   ĠU L 312, 27.11.2003, p. 1.


Top