EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0645

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 645/2013 tal- 4 ta’ Lulju 2013 li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għal nases irreġistrati fi Spanja u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran

ĠU L 187, 6.7.2013, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/645/oj

6.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 645/2013

tal-4 ta’ Lulju 2013

li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għal nases irreġistrati fi Spanja u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 40/2013 tal-21 ta’ Jannar 2013 li jiffissa għall-2013 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut li huma soġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (2) jistipula l-ammont ta’ tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2013 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti tas-sajd u nases tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007, (3) jeħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom li huma itwal minn 24 metru. Għall-bastimenti tal-qbid li huma iqsar minn 24 metru u għan-nases, l-Istati Membri jridu minn tal-inqas jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew lill-gruppi ta’ bastimenti bi rkaptu simili.

(3)

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(4)

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fejn il-Kummissjoni ssib li, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri u ta’ tagħrif rilevanti ieħor fil-pussess tagħha, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru/Istati Membri kkonċernat(i) dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta rispettivi involuti f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

(5)

Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati lin-nases li huma rreġistrat fi Spanja ġew eżawriti.

(6)

Fl-10, it-12 u d-19 ta' Ġunju, Spanja infurmat lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet imponiet waqfien tal-attivitajiet tas-sajd tal-erba' nases tagħha li matul l-2013, kienu attivi fis-sajd għat-tonn, b'effett mill-11 ta' Ġunju għal żewġ nases, b'effett mit-12 ta' Ġunju għal nassa waħda u b'effett mill-20 ta' Ġunju għall-aħħar nassa, miżura li rriżultat fil-projbizzjoni tal-attivitajiet kollha mill-20 ta' Ġunju 2013 f'00:00.

(7)

Bla ħsara għall-azzjonijiet imsemmija hawn fuq li ttieħdu minn Spanja, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 W u fil-Baħar Mediterran bin-nases irreġistrati fi Spanja b'effett mhux iktar tard mill-20 ta' Ġunju 2013 f'00:00.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran bin-nases irreġistrati fi Spanja għandu jkun ipprojbit mhux aktar tard mill-20 ta’ Ġunju 2013 f'00:00.

It-tonn maqbud minn dawk in-nases minn dik id-data 'l quddiem ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat, ittrasferit, maħsud jew żbarkat.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1

(2)  ĠU L 23, 25.1.2013, p. 1

(3)  ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1


Top