Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0623

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 623/2013 tas- 27 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 rigward il-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

    ĠU L 177, 28.6.2013, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/06/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/623/oj

    28.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 177/20


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 623/2013

    tas-27 ta’ Ġunju 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 rigward il-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1) (“ir-Regolament Bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkonsultat mal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 tal-31 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (2), jistabbilixxi l-livell ta’ miżata pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”), għal kull sena li jdum id-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta kif ipprovvdut fl-Artikolu 113(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94.

    (2)

    Ir-riserva finanzjarja tal-Uffiċċju qabżet il-livell meħtieġ biex jinżamm baġit bilanċjat u biex tiġi ssalvagwardjata l-kontinwità tal-operazzjonijiet tagħha. Għal din ir-raġuni l-miżata annwali għandha titnaqqas mis-sena 2014.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   L-Uffiċċju għandu jimponi miżata ta’ EUR 250 fuq detentur ta’ dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta (“id-detentur”) għal kull sena tal-perjodu taż-żmien tad-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta (“miżata annwali”), kif imsemmi fl-Artikolu 113(2)(d) tar-Regolament Bażiku.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

    (2)  ĠU L 121, 1.6.1995, p. 31.


    Top