EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0596

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 596/2013 tal- 24 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta’ Al-Qaida

ĠU L 172, 25.6.2013, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/596/oj

25.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 596/2013

tal-24 ta’ Ġunju 2013

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta’ Al-Qaida

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK tas-27 ta' Mejju 2002 dwar miżuri restrittivi kontra membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom (1),

Wara li kkunsidra il-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK tipprevedi ċerti miżuri restrittivi skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ("UNSCR") 1267 (1999) u 1333 (2000), kif aġġornati regolarment mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit mir-UNSCR 1267 (1999) u 1989 (2011). Id-Deċiżjoni 2011/487/PESK (2), adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, emendat il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Il-miżuri ta' implimentazzjoni tal-Unjoni huma ppreżentati fir-Regolament (KE) Nru 881/2002 (3) li jipprevedi għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni, entitajiet, korpi jew gruppi assoċjati man-netwerk ta’ Al-Qaida.

(2)

Fil-21 ta’ Frar 2013, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ("Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet") iddeċieda, skont il-paragrafu 32 tar-UNSCR 2083 (2012) li jneħħi persuna naturali waħda, mil-lista ta' persuni, entitajiet, korpi jew gruppi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi. Madankollu, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet iddeċieda li qabel ma jneħħi l-iffriżar ta' assi li jkunu ġew iffriżati bħala riżultat tal-elenkar ta' dik il-persuna, l-Istati Membri għandhom jissottomettu talba lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet biex ineħħu l-iffriżar ta' tali fondi jew riżorsi ekonomiċi u għandhom jipprovdu assigurazzjonijiet li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ma jiġux ittrasferiti, direttament jew indirettament, lil persuna naturali jew ġuridika, entità, korp jew grupp jew inkella jintużaw għal finijiet ta' terroriżmu, skont ir-UNSCR 1373 (2001).

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, huwa meħtieġ li jinżammu ċertu restrizzjonijiet fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' dik il-persuna u li tiġi stipulata l-eżenzjoni addizzjonali mill-miżuri ta’ ffriżar skont il-paragrafu 32 tar-UNSCR 2083 (2012).

(4)

Din il-miżura taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-kliem li ġejjin huma miżjuda wara r-referenza għall-Anness I:

"u Anness Ia"

(b)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Anness Ia jikkonsisti minn persuna naturali preċedentement nominata mill-Kunsill tas-Sigurtà u preċedentement inkluża fl-Anness I, li fir rigward tagħha l-Kunsill tas-Sigurtà iddeċieda li għandhom jiġu applikati kondizzjonijiet speċifiċi meta jiġu rilaxxati fondi jew riżorsi ekonomiċi li jkunu ġew iffriżati wara n-nomina tal-persuna fl-Anness I.”

(2)

Fl-Artikolu 2a, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Artikolu 2 ma japplikax għal fondi jew riżorsi ekonomiċi meta:

(a)

xi waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, elenkati fl-Anness II, tkun iddeterminat, fuq talba magħmula minn persuna naturali jew ġuridika kkonċernata, li dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi:

(i)

huma neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta’ oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u imposti għas-servizzi pubbliċi;

(ii)

huma maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' miżati professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż imġarrba b'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi legali;

(iii)

huma maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ miżati jew ta’ imposti għas-servizzi biex jibqgħu jinżammu jew jiġu mmaniġġjati l-fondi ffriżati u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(iv)

huma neċessarji għal spejjeż straordinarji; jew

(v)

kienu ffriżati wara l-inklużjoni, fl-Anness I, ta' persuna naturali kif elenkata fl-Anness Ia; u

(b)

id-determinazzjoni msemmija fil-punt (a) tkun ġiet notifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; u

(i)

fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a)(i), (ii) jew (iii), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma oġġezzjonax għad-determinazzjoni fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol min-notifikazzjoni;

(ii)

fil-każ ta’ determinazzjoni taħt il-punt (a)(iv), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet approva d-determinazzjoni; jew

(iii)

fil-każ ta’ determinazzjoni taħt il-punt (a)(v), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti, kif elenkata fl-Anness II, tkun ipprovdiet assigurazzjonijiet lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ma jkunux ittrasferiti, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika, entità, korp jew grupp, kif elenkati fl-Anness I, jew inkella jintużaw għal finijiet ta' terroriżmu, skont ir-UNSCR 1373 (2001), u l-ebda membru tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkun oġġezzjona għad-determinazzjoni fi żmien 30 min-notifika.”

(3)

Fl-Artikolu 7(1)(a), il-kliem li ġejjin huma miżjuda wara r-referenza għall-Anness I:

"u Anness Ia"

(4)

Fl-Artikolu 7d(2), il-kliem "L-Anness I għandu jinkludi" huma sostitwiti b' dan li ġej:

"L-Anness I u l-Anness Ia għandhom jinkludu"

(5)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

(6)

Anness ġdid huwa miżjud skont l-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 73.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS I

Fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 881/2002, l-entrata li ġejja taħt l-intestatura “Persuni naturali” hija mħassra:

“Usama Muhammed Awad Bin Laden (magħruf ukoll bħala (a) Usama Bin Muhammed Bin Awad, Osama Bin Laden, (b) Ben Laden Osama, (c) Ben Laden Ossama, (d) Ben Laden Usama, (e) Bin Laden Osama Mohamed Awdh, (f) Bin Laden Usamah Bin Muhammad, (g) Shaykh Usama Bin Ladin, (h) Usamah Bin Muhammad Bin Ladin, (i) Usama bin Laden, (j) Usama bin Ladin, (k) Osama bin Ladin, (l) Osama bin Muhammad bin Awad bin Ladin, (m) Usama bin Muhammad bin Awad bin Ladin, (n) Abu Abdallah Abd Al Hakim, (o) Al Qaqa). Titolu: (a) Shaykh, (b) Hajj. Data ta' Twelid: (a) 30.7.1957 (b) 28.7.1957, (c) 10.3.1957, (d) 1.1.1957, (e) 1956, (f) 1957. Post tat-Twelid: (a) Jeddah, l-Arabja Sawdija, (b) il-Jemen. Nationality: Ċittadinanza Sawdija rtirata, ċittadinanza Afgana mogħtija mir-reġim tat-Taliban. Informazzjoni oħra: Ikkonfermat li miet fil-Pakistan f’Mejju 2011. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 25.1.2001.”


ANNESS II

“ANNESS IA

Persuna naturali msemmija fl-Artikolu 2(3a)

Usama Muhammed Awad Bin Laden (magħruf ukoll bħala (a) Usama Bin Muhammed Bin Awad, Osama Bin Laden, (b) Ben Laden Osama, (c) Ben Laden Ossama, (d) Ben Laden Usama, (e) Bin Laden Osama Mohamed Awdh, (f) Bin Laden Usamah Bin Muhammad, (g) Shaykh Usama Bin Ladin, (h) Usamah Bin Muhammad Bin Ladin, (i) Usama bin Laden, (j) Usama bin Ladin, (k) Osama bin Ladin, (l) Osama bin Muhammad bin Awad bin Ladin, (m) Usama bin Muhammad bin Awad bin Ladin, (n) Abu Abdallah Abd Al Hakim, (o) Al Qaqa). Titolu: (a) Shaykh, (b) Hajj. Data ta' Twelid: (a) 30.7.1957 (b) 28.7.1957, (c) 10.3.1957, (d) 1.1.1957, (e) 1956, (f) 1957. Post tat-Twelid: (a) Jeddah, l-Arabja Sawdija, (b) il-Jemen. Nationality: Ċittadinanza Sawdija rtirata, ċittadinanza Afgana mogħtija mir-reġim tat-Taliban. Informazzjoni oħra: Ikkonfermat li miet fil-Pakistan f’Mejju 2011. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 25.1.2001.”


Top