This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R0528
Regulation (EU) No 528/2013 of the European Parliament and of the Council of 12 June 2013 amending Regulation (EC) No 450/2008 laying down the Community Customs Code (Modernised Customs Code) as regards the date of its application
Regolament (UE) Nru. 528/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 450/2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu
Regolament (UE) Nru. 528/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 450/2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu
ĠU L 165, 18.6.2013, p. 62–62
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 29/10/2013; Imħassar b' 32013R0952
18.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/62 |
REGOLAMENT (UE) Nru. 528/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Ġunju 2013
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 450/2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33, 114 u 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsulta l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (3) huwa maħsub biex jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (4). Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2008, iżda għandu jkun applikabbli biss, skont l-Artikolu 188(2) tiegħu, wara li d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu jiġu applikabbli, u mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013. |
(2) |
Fl-20 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fil-forma ta’ riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, sabiex jissostitwih qabel id-data finali ta’ applikazzjoni tal-24 ta' Ġunju 2013. Madankollu, il-proċedura leġislattiva ordinarja ma tistax issir fil-ħin għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament propost qabel dik id-data. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva korrettiva, ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 għalhekk japplika fl-24 ta' Ġunju 2013 u jitħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92. Dan ikun jiġġenera inċertezza legali dwar il-leġislazzjoni doganali attwalment applikabbli minn dik id-data u jkun ta’ ostaklu għaż-żamma ta’ qafas legali komprensiv u konsistenti tal-Unjoni għal kwistjonijiet doganali, soġġett għall-adozzjoni tar-Regolament propost. |
(3) |
Sabiex jiġu evitati diffikultajiet serji bħal dawn relatati mal-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni u biex il-Parlament Europew u l-Kunsill jiġu pprovduti biżżejjed żmien biex ittemm il-proċess tal-adozzjoni tar-riformulazzjoni ta-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, id-data finali ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 188(2) tiegħu, għandha tiġi posposta. Id-data l-ġdida tal-applikazzjoni kkunsidrata xierqa għal dan l-għan tkun l-1 ta’ Novembru 2013. |
(4) |
Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, għandha tapplika eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika. |
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 għandu jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 188(2) tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, id-data tal-“24 ta’ Ġunju 2013” għandha tinbidel b’dik ta’ ‘l-1 ta’ Novembru 2013’.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, tat-12 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
L. CREIGHTON
(1) Opinjoni tat-22 ta’ Mejju 2013 (għadha mhix ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 (għadha mhix ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2013.
(4) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.