EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0527

Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew stati li kkonkludew in-negozjati

ĠU L 165, 18.6.2013, p. 59–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/07/2016; Imħassar b' 32016R1076

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/527/oj

18.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/59


REGOLAMENT (UE) Nru 527/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Mejju 2013

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew stati li kkonkludew in-negozjati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

In-negozjati dwar il-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika (‘il-Ftehimiet’) bejn:

 

l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa oħra, ġew konklużi fis-16 ta' Diċembru 2007;

 

il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, minn naħa oħra, ġew konklużi fis-17 ta' Diċembru 2007 (ir-Repubblika tal-Kamerun);

 

il-Gana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa oħra, ġew konklużi fit-13 ta' Diċembru 2007;

 

il-Côte d'Ivoire, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa oħra, ġew konklużi fis-7 ta' Diċembru 2007;

 

l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa oħra, ġew konklużi fit-28 ta' Novembru 2007 (ir-Repubblika tas-Seychelles u r-Repubblika taż-Żimbabwe), fl-4 ta' Diċembru 2007 (ir-Repubblika tal-Mawrizju), fil-11 ta' Diċembru 2007 (l-Unjoni tal-Komoros u r-Repubblika tal-Madagaskar) u fit-30 ta' Settembru 2008 (ir-Repubblika taż-Żambja);

 

il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, ul-Istati tal-FSE SADC, minn naħa oħra, ġew konklużi fit-23 ta' Novembru 2007 (ir-Repubblika tal-Botswana, ir-Renju ta' Lesoto, ir-Renju tas-Sważiland, ir-Repubblika tal-Możambik) u fit-3 ta' Diċembru 2007 (ir-Repubblika tan-Namibja);

 

il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Msieħba tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, minn naħa oħra, ġew konklużi fis-27 ta' Novembru 2007;

 

il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati Paċifiċi, minn naħa oħra, ġew konklużi fit-23 ta' Novembru 2007.

(2)

Il-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehimiet minn Antigwa u Barbuda, il-Commonwealth tal-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, ir-Repubblika tal-Botswana, ir-Repubblika tal-Burundi, ir-Repubblika tal-Kamerun, l-Unjoni tal-Komoros, ir-Repubblika tal-Côte d'Ivoire, il-Commonwealth ta' Dominika, ir-Repubblika Dominikana, ir-Repubblika tal-Fiġi, ir-Repubblika tal-Gana, il-Grenada, ir-Repubblika Koperattiva tal-Guyana, ir-Repubblika ta' Ħaiti, il-Ġamajka, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Renju ta' Lesoto, ir-Repubblika tal-Madagaskar, ir-Repubblika tal-Mawrizju, ir-Repubblika tal-Możambik, ir-Repubblika tan-Namibja, l-Istat Indipendenti tal-Papwa Ginea Ġdida, ir-Repubblika tar-Rwanda, il-Federazzjoni ta' Saint Kitts u Nevis, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, ir-Repubblika tas-Seychelles, ir-Repubblika ta' Surinam, ir-Renju tas-Sważiland, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, ir-Repubblika ta' Trinidad u Tobago, ir-Repubblika tal-Uganda, ir-Repubblika taż-Żambja u r-Repubblika taż-Żimbabwe ppermettiet l-inklużjoni tagħhom fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim[iet] li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim[iet] ta' Sħubija Ekonomika (2).

(3)

Ir-Repubblika tal-Botswana, ir-Repubblika tal-Burundi, ir-Repubblika tal-Kamerun, l-Unjoni tal-Komoros, ir-Repubblika tal-Côte d'Ivoire, ir-Repubblika tal-Fiġi, ir-Repubblika tal-Gana, ir-Repubblika ta' Ħaiti, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Renju ta' Lesoto, ir-Repubblika tal-Możambik, ir-Repubblika tan-Namibja, ir-Repubblika tar-Rwanda, ir-Renju tas-Sważiland, ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, ir-Repubblika tal-Uganda u r-Repubblika taż-Żambja ma ħadux il-passi neċessarji għar-ratifikazzjoni tal-ftehimiet rispettivi tagħhom.

(4)

Konsegwentement, f'konformitá mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, u partikolarment il-punt (b) tiegħu, l-Anness I għal dak ir-Regolament għandu jiġi emendat biex dawk il-pajjiżi jitneħħew minn dak l-Anness.

(5)

Sabiex ikun żgurat li dawk il-pajjiżi jkunu jistgħu jerġgħu jiddaħħlu malajr fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 hekk kif ikunu ħadu l-passi neċessarji għar-ratifikazzjoni tal-Ftehimiet rispettivi tagħhom, u sakemm dawn jiddaħħlu fis-seħħ, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jiddaħħlu l-pajjiżi mneħħija mill-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 skont dan ir-Regolament. Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni, matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, twettaq konsultazzjonijiet opportuni, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura li jkun hemm trasmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa, tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1528/2007 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 2a

Delega tas-setgħa

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 2b biex temenda l-Anness I għal dan ir-Regolament billi jerġgħu jiddaħħlu dawk ir-reġjuni jew stati mill-Grupp tal-Istati tal-AKP li kienu tneħħew minn dak l-Anness skont ir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), u li mit-tali tneħħija ħadu l-passi neċessarji għar-ratifikazzjoni tal-ftehimiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 2b

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 2a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-21 ta’ Ġunju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2a tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha, fl-istess waqt, tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 2a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jkun estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 59";"

(2)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2012 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-11 ta' Diċembru 2012 (ĠU C 39 E, 12.2.2013, p. 1.). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2013.

(2)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

"ANNESS I

Lista ta' reġjuni jew stati li kkonkludew in-negozjati skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)

 

ANTIGWA U BARBUDA

 

IL-COMMONWEALTH TAL-BAĦAMAS

 

IL-BARBADOS

 

IL-BELIŻE

 

IL-COMMONWEALTH TA' DOMINIKA

 

IR-REPUBBLIKA DOMINIKANA

 

IL-GRENADA

 

IR-REPUBBLIKA KOOPERATTIVA TAL-GUJANA

 

IL-ĠAMAJKA

 

IR-REPUBBLIKA TAL-MADAGASKAR

 

IR-REPUBBLIKA TAL-MAWRIZJU

 

L-ISTAT INDIPENDENTI TAL-PAPWA GINEA ĠDIDA

 

IL-FEDERAZZJONI TA' SAINT KITTS U NEVIS

 

SANTA LUĊIJA

 

SAINT VINCENT u l-GRENADINI

 

IR-REPUBBLIKA TAS-SEYCHELLES

 

IR-REPUBBLIKA TAS-SURINAM

 

IR-REPUBBLIKA TA' TRINIDAD U TOBAGO

 

IR-REPUBBLIKA TAŻ-ŻIMBABWE"


Top