Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0488

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 488/2013 tas- 27 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    ĠU L 141, 28.5.2013, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/01/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0044

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/488/oj

    28.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 141/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 488/2013

    tas-27 ta’ Mejju 2013

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (2) jagħmel effettivi l-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/45/PESK tat-22 ta' Jannar 2013 (3) temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK sabiex ikun permess ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fejn dawn ikunu meħtieġa biex tingħata tweġiba għal deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew għal deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fi Stat Membru.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/182/PESK tat-22 ta’ April 2013 (4) temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK b’konformità mar-Riżoluzzjoni 2095 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) li temenda l-eżenzjonijiet mill-embargo fuq l-armi previst fil-paragrafu 9(a) tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-KSNU u fil-paragrafu 13(a) tar-Riżoluzzjoni 2009(2011) tal-KSNU.

    (4)

    Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tagħhom, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "Artikolu 3

    1.   Huma pprojbiti:

    (a)

    l-għoti, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*) (Lista Militari Komuni) jew relatata mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

    (b)

    l-għoti, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

    (c)

    l-għoti, b'mod dirett jew indirett, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew fl-Anness I, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, jew għal kwalunkwe għoti ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

    (d)

    l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi ta’ trasport relatati mal-provvista ta’ persunal merċenarju armat fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

    (e)

    il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun l-evażjoni mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d).

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjonijiet stabbiliti fih m’għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    l-għoti ta’ għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv kif approvat minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV;

    (b)

    l-għoti ta’ għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma’ bejgħ u forniment oħrajn ta’ armi u materjal relatat, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

    (c)

    l-għoti ta’ għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja maħsubin biss għall-għajnuna ta’ sigurtà jew ta’ diżarm lill-Gvern Libjan;

    (d)

    ilbies protettiv, inklużi ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Libja minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, minn persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-media u ħaddiema umanitarji u dawk impjegati fl-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

    3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta’ għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati ma' tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

    (*)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.";"

    (2)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "Artikolu 8

    1.   B'deroga mill-Artikolu 5, fir-rigward ta' persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 5 jkunu ġew inklużi fl-Anness II, jew kienu msemmija fl-Artikolu 5(4), jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw pretensjonijiet assigurati b'tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

    (c)

    il-garanzija jew is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew III, jew imsemmija fl-Artikolu 5(4);

    (d)

    ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat; u

    (e)

    il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew bis-sentenza.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 5, fir-rigward ta' persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 5 ġew inklużi fl-Anness III, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet assigurati b'tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew III, jew imsemmija fl-Artikolu 5(4); u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

    3.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.";

    (3)

    Fl-Artikolu 9(1) jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    "(c)

    ħlasijiet dovuti taħt sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1);

    (d)

    pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-Unjoni, jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, kif previst fl-Artikolu 8(2), ";

    (4)

    Fl-Artikolu 13 jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "3.   Il-paragrafu 2 ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jikkondividu dak it-tagħrif, b'konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, mal-awtoritajiet rilevanti tal-Libja u ma' Stati Membri oħrajn fejn dan ikun meħtieġ bħala għajnuna fl-irkupru ta' assi misapproprjati.".

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53.

    (2)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1.

    (3)  ĠU L 20, 23.1.2013, p. 60.

    (4)  ĠU L 111, 23.4.2013, p. 50.


    Top