EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0447

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2013 tal- 15 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi l-proċedura għall-AIFMs li jagħżlu li jipparteċipaw skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 132, 16.5.2013, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/447/oj

16.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 447/2013

tal-15 ta’ Mejju 2013

li jistabbilixxi l-proċedura għall-AIFMs li jagħżlu li jipparteċipaw skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 (1) u (UE) Nru 1095/2010, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2011/61/UE, il-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw skont din biex jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija. Jekk jipparteċipa, AIFM isir soġġett għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/61/UE kollha kemm hi.

(2)

Id-Direttiva 2011/61/UE tipprovdi għal proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-AIFMs. Id-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom ikunu provduti taħt dik il-proċedura joffru d-dettalji neċessarji lill-AIFM li jagħmel it-talba u għaldaqstant għandhom jintuzaw l-istess dokumenti u proċedura fil-każ ta’ parteċipazzjoni. Ma hemm ebda raġuni speċifika partikolari għall-parteċipazzjoni li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura differenti minn dik applikabbli għall-AIFMs li għandhom assi mmaniġġjati ogħla mil-livelli massimi previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE. Konsegwentement, l-AIFMs li jagħżlu li jipparteċipaw skont id-Direttiva 2011/61/UE għandhom isegwu l-istess proċedura bħal dik stabbilita għall-AIFMs li huma obbligati jiksbu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2011/61/UE.

(3)

L-AIFMs li għandhom id-dritt li jipparteċipaw huma AIFMs li diġà kienu jew irreġistrati skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE jew li kienu awtorizzati bħala kumpaniji ta’ mmaniġġjar ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (2). Ikun xieraq li jiġi evitat rapportar doppju u li jkunu kkunsidrati d-dokumenti u l-informazzjoni diġà ppreżentati mill-AIFMs lill-awtoritajiet kompetenti matul il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni, sakemm dawk id-dokumenti jkunu aġġornati.

(4)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw it-talba ta’ parteċipazzjoni u jagħtu l-awtorizzazzjoni f’dak ir-rigward bl-istess kundizzjonijiet u billi jsegwu l-istess proċedura bħal fil-każ ta’ AIFMs b’assi mmaniġġjati taħt il-livelli minimi rilevanti stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE.

(5)

Huwa importanti li jiġi ċċarat li r-relazzjoni bejn il-proċedura għal dawk l-AIFMs li jagħżlu li jipparteċipaw u r-revoka ta’ awtorizzazzjoni mogħtija lill-AIFMs skont id-Direttiva 2011/61/UE. AIFM li jkun ingħata awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2011/61/UE li l-assi mmaniġġjati minnu sussegwentement jaqgħu taħt il-livelli minimi stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE jibqa’ awtorizzat u soġġett għall-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva kollha kemm hi sakemm ma tiġix irrevokata l-awtorizzazjoni. Ir-revoka tal-awtorizzazzjoni ma għandhiex tiskatta b’mod awtomatiku minħabba waqgħa tal-assi mmaniġġjati ta’ AIFM awtorizzat taħt il-livell minimu relevanti, iżda biss fuq it-talba tal-AIFM. Konsegwentement, ma għandux ikun possibbli li AIFM jitlob biex jipparteċipa sakemm ikollu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2011/61/UE, filwaqt li AIFM li l-awtorizzazzjoni tiegħu tkun ġiet irrevokata fuq talba tiegħu xorta waħda għandu jkun jista’ jerġa’ jipparteċipa skont id-Direttiva 2011/61/UE.

(6)

Id-Direttiva 2011/61/UE tobbliga lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu dik id-Direttiva mit-22 ta’ Lulju 2013. Għaldaqstant anki l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hija differita għall-istess data.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Proċedura u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni

1.   Maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) li jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE u li jagħżel li jipparteċipa skont dik id-Direttiva għandu jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

L-applikazzjoni għandha ssegwi l-istess proċedura stipulata fil-paragrafi 1 sa 5 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/61/UE u fil-miżuri adottati fl-implimentazzjoni tagħha.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tista’ teżenta AIFM imsemmi fil-paragrafu 1 milli jissottometti l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa skont l-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva, dejjem jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti eżenti diġà jkunu ġew ippreżentati lill-awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva jew bħala parti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE u jekk dik l-informazzjoni u d-dokumenti jkunu għadhom aġġornati, xi ħaġa kkonfermata bil-miktub mill-AIFM.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tagħti awtorizzazzjoni billi tiġi segwita l-istess proċedura kif stipulat fil-paragrafu 1 sa 5 tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/61/UE.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-22 ta’ Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.


Top