This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R0372
Council Implementing Regulation (EU) No 372/2013 of 22 April 2013 amending Implementing Regulation (EU) No 1008/2011 imposing a definitive anti-dumping duty on imports of hand pallet trucks and their essential parts originating in the People’s Republic of China following a partial interim review pursuant to Article 11(3) of Regulation (EC) No 1225/2009
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 tat- 22 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 tat- 22 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009
ĠU L 112, 24.4.2013, pp. 1–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2017: This act has been changed. Current consolidated version:
06/09/2014
|
24.4.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 112/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 372/2013
tat-22 ta’ April 2013
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri anti-dumping eżistenti
|
(1) |
F’Lulju 2005, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju anti-dumping ad valorem li jvarja bejn 7,6 % u 46,7 %. |
|
(2) |
F’Lulju 2008, permezz tar-Regolament (KE) Nru 684/2008 (3), il-Kunsill, wara reviżjoni interim tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, ikkjarifika d-definizzjoni tal-oġġett tal-investigazzjoni oriġinali. |
|
(3) |
F’Ġunju 2009, bir-Regolament (KE) Nru 499/2009 (4), il-Kunsill, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni, estenda d-dazju anti-dumping definittiv applikabbli fuq “il-kumpaniji l-oħra kollha” impost permezz tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom mibgħuta mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja u sew jekk le. |
|
(4) |
F’Ottubru 2011, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 (5), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Id-dazju estiż kif imsemmi fil-premessa 3 hawn fuq inżamm ukoll mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011. |
2. Il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali
|
(5) |
Matul ir-reviżjoni tal-iskadenza l-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nnutat bidla fis-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni mill-impożizzjoni tal-miżuri. Tabilħaqq, il-produttur esportatur Ċiniż bl-inqas rata ta’ dazju — li ngħata trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) fl-investigazzjoni oriġinali — kien kapaċi virtwalment jieħu f’idejh parti kbira ħafna tas-suq tal-Unjoni u żied b’mod sinifikanti s-sehem tiegħu tal-importazzjoni fl-Unjoni. Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji rigward id-determinazzjoni oriġinali tat-TES fid-dawl ta’ evidenza prima facie tad-distorsjonijiet tas-suq tal-azzar fir-RPĊ. F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi li fuqhom ġew stabbiliti l-miżuri attwali tqiesu li kienu tbiddlu u dawn it-tibdiliet dehru ta’ natura tat-tul. |
|
(6) |
Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ notifika ppubblikata fl-14 ta’ Frar 2012 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“in-Notifika ta’ Bidu”) il-bidu ex officio ta’ reviżjoni interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, b’kamp ta’ applikazzjoni limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. |
3. Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni
|
(7) |
L-investigazzjoni tal-livell ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni” jew “il-PIR”). |
4. Il-partijiet ikkonċernati
|
(8) |
Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-produtturi esportaturi, l-importaturi mhux relatati magħrufa li huma kkonċernati, lill-awtoritajiet tar-RPĊ u lill-industrija tal-Unjoni bil-bidu tar-reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu fehmiethom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta’ bidu. |
|
(9) |
Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ. |
|
(10) |
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi u importaturi mhux relatati, tqies li jkun xieraq, taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, li jiġi eżaminat jekk għandux jintuża t-teħid ta’ kampjuni. Biex il-Kummissjoni tiddeċiedi kienx meħtieġ it-teħid ta’ kampjun u, kieku kien hekk, biex jintgħażel kampjun, il-partijiet imsemmija hawn fuq ġew mitluba, taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, li jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il ġurnata mit-tnedija tar-reviżjoni u li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fl-Avviż ta’ bidu lill-Kummissjoni. Żewġ produtturi esportaturi u tmien importaturi mhux relatati resqu biex jikkooperaw. Għalhekk it-teħid ta’ kampjuni ma kienx neċessarju għaż-żewġ produtturi esportaturi u importaturi mhux relatati. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji u formoli ta’ talbiet għal TES lill-partijiet kollha magħrufa kkonċernati u lil dawk li ppreżentaw ruħhom fl-iskadenzi stabbiliti fin-Notifika ta’ bidu. Waslu tweġibiet minn produttur esportatur Ċiniż wieħed, Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd (“Noblelift”), u minn tliet importaturi mhux relatati. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Saret żjara ta’ verifika fil-bini ta’ Noblelift f’Changxing, ir-RPĊ. |
|
(13) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għall-produttur esportatur fir-RPĊ li ma kienx ingħatalu t-TES, kienet saret verifika fis-siti tal-produttur li ġej li jinsab fil-Brażil, liema pajjiż intuża bħala pajjiż analogu:
|
B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
1. Il-prodott ikkonċernat
|
(14) |
Il-prodott milqut minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u ċċarat mir-reviżjoni interim tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, jiġifieri pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u s-sistema idrawlika, li joriġinaw mir-RPĊ u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 . Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, pallet trucks tal-idejn jfissru trakkijiet b’roti li jirfdu l-furketta li tqandel il-pallets, iddisinjati li jkunu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operaturi pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn, huma ddisinjati biss biex jgħollu tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ sa għoli biżżejjed biex isir il-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, pereżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex titqiegħed aktar fl-għoli jew li jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (“highlifters”), (ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (“stackers”), (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (“scissorlifts”) jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbija (“weighing trucks”). |
2. Prodott simili
|
(15) |
L-investigazzjoni kkonfermat illi, il-prodott ikkonċernat u l-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku fir-RPĊ, il-prodott manifatturat u mibjugħ fil-pajjiż analogu, il-Brażil, u l-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi. |
|
(16) |
Għaldaqstant, dawk il-prodotti jitqiesu simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
C. DUMPING
(a) Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”)
|
(17) |
Taħt l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet tal-anti-dumping dwar prodotti li joriġinaw fir-RPĊ, il-valur normali huwa ddeterminat skont il-paragrafi minn 1 sa 6 ta’ dak l-Artikolu għal dawk il-produtturi li jkun instab li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-manufattura u l-bejgħ tal-prodott simili jsiru fil-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Għall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma ppreżentati f’forma mqassra kif ġej:
|
|
(18) |
Noblelift talab it-TES taħt l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġeb għall-formola tat-talba għal TES fl-iskadenzi mogħtija. |
|
(19) |
Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni li tressqet fit-talba għal TES fl-istabbilimenti tal-kumpanija kkonċernata. |
|
(20) |
L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-prezzijiet imħallsa minn Noblelift fil-PIR għal azzar bil-karbonju rrumblat bis-sħana miċ-Ċina, materja prima ewlenija u tammonta għal madwar 25 % tal-ispejjeż tal-prodotti lesti, kienu distorti b’mod sinifikanti peress li kienu madwar bejn 24 % u 31 % inqas mill-prezzijiet internazzjonali matul l-istess perjodu. Il-prezzijiet internazzjonali kienu bbażati fuq statistika għas-swieq tal-Unjoni u tal-Amerika ta’ Fuq minn Steel Business Briefing (7) kif ukoll il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-COMEXT. Fuq din il-bażi nstab li l-prezzijiet tal-azzar taċ-Ċina ma rriflettewx il-valuri tas-suq. Barra minn hekk, hemm prattika stabbilita ta’ indħil mill-Istat fis-suq tal-materja prima. It-12-il pjan ta’ ħames snin taċ-Ċina (2011-2015) għas-settur tal-Ħadid u l-Azzar fih sensiela ta’ miżuri li juru li kumpaniji tal-azzar ma jingħataw l-ebda possibbiltà ħlief biex jaġixxu skont struzzjonijiet tal-Gvern Ċiniż minħabba l-kontroll sod f’idejn l-Istat Ċiniż. Huwa għalhekk konkluż li Noblelift ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ewwel kriterju tat-TES. |
|
(21) |
Barra minn hekk, fis-sena finanzjarja 2010, kumpanija relatata tat lil Noblelift garanzija bankarja għal żewġ selfiet li jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti ta’ dak tal-assi totali tal-kumpanija relatata Noblelift. Il-garanziji ma ġewx żvelati la fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ Noblelift u lanqas fil-kontijiet tal-kumpanija relatata. Dan mhuwiex konformi mal-IAS 24 (Żvelar ta’ Partijiet Relatati) u l-awditur ma kellu l-ebda riżerva dwar din il-prattika. L-iżvelar ta’ tranżazzjonjiet ta’ partijiet relatati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji huwa importanti peress li jagħmel enfasi fuq l-effetti possibbli fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ kumpanija. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ impenji sinifikanti bħalma huma l-garanziji inkwistjoni ma jippermettix li ssir valutazzjoni xierqa tal-operazzjonijiet tal-kumpanija u b’mod partikolari r-riskji u l-opportunitajiet li l-kumpanija qiegħda tiffaċċja. Għalhekk, huwa kkunsidrat li r-reġistri tal-kontabilità tal-kumpanija ma jkunux ġew awditjati kif imiss skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u, għalhekk, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-tieni kriterju. |
|
(22) |
Fl-aħħar nett, Noblelift irċeviet benefiċċji mill-Istat fil-forma ta’ taxxa preferenzjali fuq l-introjtu kif ukoll għotjiet li joħolqu distorsjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u, għalhekk, ma tissodisfax il-ħtiġijiet tat-tielet kriterju. |
|
(23) |
Il-prodottur esportatur ikkonċernati u l-industrija tal-Unjoni ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. |
|
(24) |
Wara l-iżvelar tal-konklużjonijiet tat-TES, Noblelift talbet aktar dettalji fir-rigward tal-kalkolu tal-prezz internazzjonali tas-suq għall-azzar. Il-kumpanija argumentat li d-distorsjonijiet tal-prezzijiet tal-materja prima għandhom ikunu ttrattati billi jiġi aġġustat il-valur normali fil-kalkolu tad-dumping aktar milli billi jiġi rrifjutat it-TES. Madankollu, l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku huwa ċar ħafna u jirrikjedi li l-“l-kostijiet tal-inputs il-kbar jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq”. Għalhekk, kwalunkwe aġġustament fil-kalkoli tad-dumping sabiex jiġu indirizzati l-ispejjeż distortivi tal-input jirrendi l-Artikolu 2(7)(c) fil-biċċa l-kbira bla tifsira. Il-kummenti, għaldaqstant, ma jistgħux ibiddlu l-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. |
|
(25) |
Wara l-iżvelar tal-konklużjonijiet finali, Noblelift tenniet l-argumenti tagħha. Iddikjarat l-ewwel nett li l-Kummissjoni naqset milli turi d-dettalji, jiġifieri d-dejta kollha li użat għall-kalkolu ta’ differenzi fil-prezzijiet tal-materja prima. |
|
(26) |
F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota l-ewwel u qabel kollox li s-sorsi tad-dejta għall-paraguni tal-prezzijiet tal-azzar ġew indikati mill-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet. Il-Kummissjoni rrepetiet l-ispjegazzjonijiet mogħtija aktar kmieni fil-proċediment li, il-prezzijiet fuq il-bażi tal-iSteel Business Briefing ġew imħarsa bid-dritt tal-awtur għax is-servizz huwa disponibbli bl-abbonament. Għalhekk, il-Kummissjoni hija impedita legalment milli tiżvela pubblikament din id-dejta direttament iżda d-database xorta hija aċċessibli u l-aċċess għaliha huwa disponibbli mal-ħlas tal-miżata adatta. Minkejja dan, sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, id-dejta użata ġiet ivverifikata mill-Uffiċjal tas-Smigħ tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummerċ Estern, li kkonferma l-kalkolu tad-differenza tal-prezz u bagħat ir-riżultat tal-verifika tiegħu lil Noblelift. |
|
(27) |
Huwa nnotat ukoll li l-iSteel Business Briefing jiddeskrivi eżattament il-metodoloġija użata (dimensjonijiet, ħxuna, wisa’, punt fi trasport). Dawk il-parametri huma ġenerali u huma gwida li hija wkoll indikattiva tal-livell ta’ dettall fit-tqabbil tal-prezzijiet tal-materja prima li jimmiraw li jistabbilixxu jekk l-ispejjeż tal-inputs maġġuri jirriflettux b’mod sinifikanti l-valuri tas-suq. Il-Kummissjoni użat prezzijiet Ewropej u tal-Amerika ta’ Fuq bħala referenza. |
|
(28) |
Noblelift iddikjarat ulterjorment li fl-investigazzjoni oriġinali, id-differenzi bejn il-prezzijiet domestiċi tal-azzar fir-RPĊ u l-prezzijiet internazzjonali tal-azzar ma kinux ikkunsidrati bħala fattur li jipprevjeni lill-kumpanija milli tissodisfa l-ewwel kriterju għat-TES. Kif ġie ddikjarat fil-premessa 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 128/2005 (8) tas-27 ta’ Jannar 2005 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fil-qafas tal-investigazzjoni oriġinali, “Għall-erba’ kumpaniji kollha, ġie stabbilit (…) li l-ispejjeż u l-prezzijiet jirriflettu l-valuri tas-suq”. Tabilħaqq, l-investigazzjoni oriġinali ma stabbilixxietx differenza sostanzjali fil-prezz bejn il-materja prima miksuba lokalment fir-RPĊ u dik mixtrija bi prezzijiet internazzjonali. Madankollu, din il-konklużjoni ma tistax tipprevjeni lill-istituzzjonijiet milli jsibu differenza fil-prezz matul investigazzjoni aktar tard jekk iċ-ċirkustanzi jkunu differenti u jkun hemm differenza fil-prezz. Kif indikat fil-premessa 76 ta’ hawn taħt iċ-ċirkostanzi nbidlu b’mod sinjifikanti mill-2004 (żmien l-investigazzjoni oriġinali) u l-2011 (il-PI tar-reviżjoni preżenti), jiġifieri f’perjodu ta’ seba’ snin. F’dan ir-rigward, u b’mod partikolari matul l-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza fl-2010, inġabret evidenza prima facie ta’ distorsjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-azzar fir-RPĊ, minħabba l-interferenza mill-Istat. Dan ikkostitwixxa wkoll waħda mir-raġunijiet li wasslu għat-tnedija ex officio ta’ din ir-reviżjoni u tabilħaqq ġiet ikkonfermata fl-investigazzjoni preżenti (ara l-premessa 20 ta’ hawn fuq). |
|
(29) |
Konsegwentement Noblelift tennet il-kummenti tagħha dwar l-impatt mhux materjali ta’ garanziji tas-self jew l-impatt negliġibbli tal-benefiċċji tal-istat. F’dan ir-rigward, huwa nnutat li l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku huwa ċar u ma jirreferix għal impatt materjali fuq riżultati finanzjarji (“id-ditti kummerċjali għandhom sett wieħed ta’ rekords bażiċi tal-kontabilità li jiġu indipendentement ivverifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-finijiet kollha”). F’kull il-każ, kif affermat hawn fuq fil-premessa 21, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ impenji sinifikanti bħalma huma l-garanziji inkwistjoni ma jippermettix li ssir valutazzjoni xierqa tal-operazzjonijiet tal-kumpanija u b’mod partikolari r-riskji u l-opportunitajiet li l-kumpanija qiegħda tiffaċċa. F’dak li jirrigwarda l-benefiċċji tal-Istat, il-Kummissjoni digà rrispondiet lill-parti matul il-kors tal-investigazzjoni li dawk il-benefiċċji jirrappreżentaw ammonti li jaqbżu l-RMB 10 miljun. Għalhekk it-talbiet ma jistgħux jiġu aċċettati. |
|
(30) |
Fl-aħħar nett, Noblelift argumentat li l-investigazzjoni kellha tiġi tterminata minħabba ksur l-iskadenza ta’ tliet xhur għad-determinazzjoni tat-TES kif speċifikat fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, qed issir referenza għal emenda introdotta mir-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (9) u effetti retroattivi tiegħu. Barra minn hekk, huwa nnotat li d-determinazzjoni tat-TES saret aktar minn tliet xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni minħabba l-aspetti proċedurali u r-restrizzjoni fil-ħin tal-investigazzjoni. Tabilħaqq, il-kumplessità akbar ta’ kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tat-TES wriet li l-iskadenza ta’ tliet xhur kienet prattikament impossibbli li wieħed iżomm magħha. Ta’ min jinnota madankollu li ż-żmien tad-determinazzjoni ma kellux impatt fuq ir-riżultat. |
|
(31) |
Għalhekk, ġie konkluż li l-kummenti li jissuġġerixxu li għandu jingħata t-TES mhumiex iġġustifikati. |
|
(32) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u b’konformità mal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, hu ddeterminat li ma jingħatax TES lil Noblelift. |
(b) Valur normali
|
(33) |
Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq u, sa fejn it-TES ma jkunx jista’ jingħata, għal pajjiżi fi transizzjoni, il-valur normali għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew fuq il-valur mibni f’pajjiż analogu. |
|
(34) |
Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kanada ntużat bħala pajjjiż analogu sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Minħabba li l-produzzjoni fil-Kanada kienet naqset, il-Brażil kien ikkuntemplat bħala l-pajjiż analogu fin-notifikazzjoni tal-bidu tar-reviżjoni preżenti. |
|
(35) |
Żewġ produtturi esportaturi u importatur oġġezzjonaw għall-proposta biex jintuża l-Brażil bħala pajjiż analogu. L-argumenti kontra l-għażla tal-Brażil kienu li kien hemm grad baxx ta’ kompetizzjoni fis-suq Brażiljan għal pallet trucks tal-idejn minħabba n-numru żgħir ħafna ta’ produtturi domestiċi u, għalhekk, il-prezzijiet tal-bejgħ, il-profitti kif ukoll l-ispejjeż ta’ produzzjoni fil-Brażil huma minfuħa. Il-produtturi esportaturi inkwistjoni ssuġġerew il-Malasja jew it-Tajwan bħala pajjiżi analogi xierqa. |
|
(36) |
Wara dawn il-kummenti, il-Kummissjoni kkuntattjat numru ta’ produtturi magħrufa ta’ pallet trucks tal-idejn, 38 mill-Indja, 3 mit-Tajwan, 2 mill-Malasja u 2 mill-Brażil, billi bagħtitilhom il-kwistjonarju relevanti. Setgħet tinkiseb kooperazzjoni minn produttur wieħed biss fil-Brażil: Paletrans. |
|
(37) |
Wara l-iżvelar tal-konklużjonijiet finali u l-proposta tal-Kummissjoni, il-partijiet tennew il-kummenti tagħhom li l-Brażil ma kienx għażla xierqa ta’ pajjiż analogu minħabba nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq Brażiljan. Il-partijiet allegaw li l-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu kien igawdi minn pożizzjoni ta’ monopolju fis-suq Brażiljan msaħħa minn kontenut għoli ta’ dazji fuq l-importazzjoni. Kummenti oħra kienu relatati ma’ defiċjenzi fit-tweġiba mhux kunfidenzjali għall-kwestjonarju mill-produttur tal-pajjiż analogu. Finalment, ġie ddikjarat li għandhom isiru aġġustamenti sabiex biex jagħmlu tajjeb għad-differenzi bejn il-produttur tal-pajjiż analogu u produttur esportatur fil-pajjiż ikkonċernat. |
|
(38) |
F’dak li jikkonċerna l-adegwatezza tal-Brażil bħala pajjiż analogu, għandu jiġi nnutat li filwaqt li l-produttur tal-pajjiż analogu huwa l-produttur prinċipali fis-suq Brażiljan, dan ma jimmonopolizzax dak is-suq. Hemm mill-anqas kompetizzjoni ma’ żewġ produtturi oħra u livell sinjifikanti ta’ importazzjoni, u l-marġini ta’ profitt tal-pajjiż produttur analogu nstab li hu konsistenti ma’ dak ta’ suq miftuħ. |
|
(39) |
Kif affermat fil-premessa 36 hawn fuq, wara kummenti fl-istadju bikri tal-proċediment kontra l-użu tal-Brażil bħala pajjiż analogu, il-Kummissjoni kkuntattjat 45 produtturi f’erba’ pajjiżi differenti, inklużi l-kumpaniji li ssuġġerixxiet Noblelift. Minkejja bosta kuntatti bit-telefown u bil-posta elettronika ma’ dawn il-kumpaniji, produttur wieħed biss mill-Brażil ippreżenta l-informazzjoni mitluba u kkoopera fl-investigazzjoni. |
|
(40) |
Fir-rigward tal-allegati nuqqasijiet għandu jiġi nnutat li produttur wieħed biss fil-pajjiż analogu kkoopera mal-investigazzjoni. Sitwazzjoni bħal din mhijiex xi ħaġa rari iżda toħloq xi diffikultajiet fir-rigward tal-iżvelar tad-dejta. Minħabba diffikultajiet frekwenti biex tinkiseb kooperazzjoni minn pajjiżi produtturi analogi, il-Kummissjoni trid tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Fil-każ attwali, il-preżentazzjoni ta’ dejta mhux kunfidenzjali ħolqot xi nuqqas ta’ ftehim li jikkonċerna allegati nuqqasijiet iżda kienu ċċarati mal-partijiet. B’mod partikolari, parti waħda qalet li d-defiċjenzi fit-tweġiba tal-pajjiż produttur analogu, għandhom jiskwalifikaw lill-Brażil bħala pajjiż analogu u li l-investigazzjoni għandha tiġi tterminata peress li l-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi l-valur normali. F’dan ir-rigward hu nnutat li fl-investigazzjoni attwali l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni metieġa biex twettaq kalkolu ta’ dumping. |
|
(41) |
Konsegwentement, it-talbiet dwar l-adegwatezza tal-Brażil bħala pajjiż analogu ma setgħux jiġu aċċettati. |
|
(42) |
Fir-rigward tat-talbiet għall-aġġustamenti, ta’ min jinnota li l-livell tad-differenzi tal-kummerċ bejn il-produttur Brażiljan u l-produttur esportatur Ċiniż ġie kontabilizzat permezz ta’ livell ta’ aġġustament kummerċjali (ara l-premessa 59 hawn taħt). |
|
(43) |
Fl-aħħar nett, parti waħda ddikjarat li għandu jsir aġġustament biex ipatti għall-effett ta’ distorsjoni allegata tad-dazju tal-importazzjoni ta’ 14 % fil-pajjiż analogu. Din it-talba ma tistax tiġi aċċettata billi ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda rabta bejn dazju tal-importazzjoni bħala tali u l-livell tal-prezzijiet fis-suq domestiku. |
|
(44) |
Konsegwentement, il-Brażil huwa meqjus bħala pajjiż analogu xieraq billi hemm biżżejjed kompetizzjoni ma’ mill-inqas żewġ produtturi u livell sinifikanti ta’ importazzjonijiet. |
|
(45) |
Taħt l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta’ Paletrans tal-prodott simili lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv. F’dan ir-rigward, instab li l-volum totali ta’ bejgħ bħal dan kienx ugwali għal mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b’esportazzjoni ta’ Noblelift lejn l-Unjoni. |
|
(46) |
Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk hemmx tipi tal-prodott simili mibjugħa domestikament minn Paletrans li kienu komparabbli biżżejjed f’termini ta’ funzjonijiet u materjal użat mat-tipi mibjugħa minn Noblelift għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-investigazzjoni stabbilixxiet li numru ta’ tipi mibjugħa domestikament minn Paletrans kien suffiċjentement paragonabbli mat-tipi esportati minn Noblelift lejn l-Unjoni. |
|
(47) |
Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat għall-pajjiż produttur analogu jekk kull tip paragunabbli tal-prodott simili mibjugħ domestikament setax jitqies li kien qiegħed jinbiegħ fl-andament normali tal-kummerċ. Dan sar billi għal kull tip ta’ prodott ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ bi profitt lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku matul il-PIR. |
|
(48) |
Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-ispiża kkalkulata tal-produzzjoni, kien jirrappreżenta iżjed minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz tal-bejgħ medju peżat ta’ dak it-tip kien daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali. Dan kien il-każ għat-tipi komparabbli kollha u l-valur normali ġie kkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ kull tip li jista’ jiġi kkomparat, li sar matul il-PIR. |
|
(49) |
Għal tipi mhux paragunabbli l-valur normali jista’ jiġi kkalkulat taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku billi tiżdied l-ispiża tal-manifattura, aġġustata fejn meħtieġ, perċentwal raġonevoli ta’ bejgħ domestiku, spejjeż ġenerali u amministrattivi u marġini raġonevoli ta’ profitt domestiku. Il-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-profitt ġew ibbażati fuq dejta reali rilevanti għall-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, għall-prodott simili, mill-pajjiż produttur analogu. Għandu jkun innutat li l-prezz ikkalkulat fuq dik il-bażi kien soġġett għall-aġġustamenti deskritti fi premessa 59, b’mod partikolari biex titqies id-differenza fil-livell tal-kummerċ bejn il-bejgħ b’esportazzjoni ta’ Noblelift u l-bejgħ domestiku tal-pajjiż produttur analogu. |
|
(50) |
L-uniku produttur esportatur li kkoopera ddikjara li l-Kummissjoni għamlet kalkoli tad-dumping fuq il-bażi ta’ “PCNs inkompleti” u li ma ngħatat l-ebda spjega dwar il-parametri użati għat-twettiq tal-paragun. |
|
(51) |
Taħt l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping normalment jiġi stabbilit fuq bażi ta’ tqabbil ta’ medja differenzjata ta’ valur normali ma’ medja differenzjata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni kollha suġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw it-tqabbil ġust. |
|
(52) |
Fir-rigward tal-paragun ġust, ta’ min jinnota li n-numru tal-kontroll tal-prodott huwa għodda użata fl-investigazzjoni sabiex jiġu strutturati u organizzati l-ammonti sostanzjali ta’ dejta dettaljata sew mibgħuta mill-kumpaniji. Dan huwa ta’ għajnuna biex issir analiżi iktar dettaljata tal-karatteristiki differenti tal-prodott fil-kategorija tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. |
|
(53) |
Il-Kummissjoni ġabret informazzjoni b’rabta ma’ għadd ta’ parametri (materjal tax-xażi, xażi miżbugħ, kapaċità ta’ rfigħ, tip ta’ sistema idrawlika, it-tul ta’ ħidma, il-furketta, il-wisà fuq il-frieket, il-materjal tal-istering, il-materjal tar-roti tat-tagħbija, it-tip tar-rota tat-tagħbija, it-tip ta’ brejk) iżda sabiex tqis it-tranżazzjonijiet kollha ta’ esportazzjoni kien ikkunsidrat raġonevoli u nstab li hu possibbli li wieħed jibbaża t-tqabbil f’dan il-każ fuq ċerti parametri minn dawk li jikkostitwixxu l-iktar karatteristiki pertinenti (materjal tax-xażi, xażi miżbugħ, il-materjal tal-istering, il-materjal tar-roti tat-tagħbija, it-tip tar-rota tat-tagħbija). |
|
(54) |
Għalhekk, il-paragun kien ibbażat fuq l-iktar karatteristiki pertinenti sabiex jiżdied t-tqabbil u ħalli jkun żgurat paragun ġust. Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma warrbet l-ebda informazzjoni. Madankollu, mhix ħaġa rari li ċerti parametri użati fin-numru tal-kontroll tal-prodott ikollhom piż inqas u li ċerti parametri speċifiċi jiffurmaw bażi aħjar għal tqabbil ġust minn oħrajn. L-ebda prodott ma twarrab mit-tqabbil fuq il-bażi ta’ differenzi fiżiċi jew għal kwalunkwe raġuni oħra u lanqas ma nħolqu tipi ta’ prodotti ġodda. Għall-kuntrarju, il-bejgħ kollu ġie inkluż fit-tqabbil. Filwaqt li ġie rikonoxxut li parametri oħra kellhom xi impatt fuq il-prezzijiet, instab li jkun aktar xieraq, li l-kalkoli jkunu bbażati fuq l-iktar ħames parametri rilevanti peress li dan wassal għall-ogħla livell ta’ tqabbil. |
|
(55) |
Sa fejn huma kkonċernati l-aspetti proċedurali tat-tqabbil, għandu jiġi nnutat li l-produttur esportatur kien pprovdut b’kull opportunità li jikkummenta fuq il-kalkoli li saru f’dan il-każ. Id-dettalji kompleti tal-kalkoli ġew żvelati u żvelati mill-ġdid. |
|
(56) |
Konsegwentement, it-talbiet ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda. |
(c) Prezz tal-esportazzjoni
|
(57) |
Il-bejgħ kollu tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi sar direttament lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu għall-prodott ikkonċernat taħt l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. |
|
(58) |
Parti waħda għamlet talba fejn qalet li l-bejgħ tal-esportazzjoni ta’ xażijiet u idrawliċi kellhom jiġu inklużi fil-kalkolu. Dik it-talba ġiet aċċettata. |
(d) Paragun
|
(59) |
Il-paragun bejn il-valur normali medju differenzjat u l-prezz medju differenzjat tal-esportazzjoni sar fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li affettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezz. Għal dan l-għan, ingħatat konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti, fejn kien applikabbli u ġġustifikat, għad-differenzi fil-livell ta’ kummerċ (id-differenza stmata tal-prezz għall-bejgħ lil tipi differenti ta’ konsumaturi fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu), it-trasport (li jinkludi l-ispejjeż tat-trasport intern tal-merkanzija fil-pajjiż esportatur u trasport tal-merkanzija bil-baħar għat-trasport lejn l-Unjoni), assigurazzjoni (l-ispiża tal-assigurazzjoni tal-baħar), l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, il-kummissjonijiet (imħallsa għall-bejgħ tal-esportazzjoni), imposti bankarji (imħallsa għall-bejgħ tal-esportazzjoni), l-ispejjeż ta’ kreditu (ibbażati fuq it-termini tal-ftehim milħuq u r-rata prevalenti tal-imgħax) u l-ispejjeż tal-ippakkjar (l-ispiża tal-ippakkjar materjali użati). |
|
(60) |
Wara talba mill-uniku produttur esportatur li kkoopera, sar aġġustament għad-differenzi fil-ħxuna tal-azzar użat mill-produttur fil-pajjiż analogu u l-produttur esportatur fil-pajjiż ikkonċernat għall-valur normali peress li nstab li hu raġonevoli. L-aġġustament kien ibbażat fuq id-differenza fil-ħxuna meta mqabbla mal-kontribuzzjoni tal-azzar għall-prezz tal-prodott simili mibjugħa fil-Brażil mill-pajjiż produttur analogu. Dan wassal biex ikun hemm bidla fil-marġni ta’ dumping (ara l-premessa 73 hawn taħt). Wara żvelar addizzjonali (stedina għal kumment dwar l-aġġustament tal-ħxuna tal-azzar), parti waħda biss ikkontestat li l-aġġustament kien nieqes minn bażi fattwali. Ġibdet l-attenzjoni wkoll li s-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali tal-produttur esportatur li kien qed ifittex l-aġġustament kienu defiċjenti u b’hekk kien hemm ksur tad-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet l-oħra. Il-Kummissjoni vverifikat id-dejta fuq il-file li fuqu kien ibbażat l-aġġustament tal-ħxuna tal-azzar u kkonfermat li dan kien hemm bżonnu. |
|
(61) |
L-uniku esportatur li kkoopera ppreżenta talbiet għal diversi aġġustamenti oħra minħabba d-differenzi fl-effiċjenza u l-produttività, u ddikjara fost l-oħrajn li l-produttur fil-pajjiż analogu kien inqas produttiv (għandu output anqas għal kull ħaddiem) u kellu konsum ogħla ta’ materja prima għal kull unità. |
|
(62) |
Għandu jiġi innutat fil-bidu nett li filwaqt li d-differenzi fl-effiċjenza jew il-produttività jistgħu jeżistu bejn il-kumpaniji, il-prinċipju ewlieni huwa li jiżgura l-komparabbiltà bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-valur normali, li ma teħtiġx li ċ-ċirkostanzi ta’ produttur ta’ pajjiż analogu u produttur esportatur f’pajjiż b’ekonomija li mhijiex tas-suq jkunu kompletament allinjati. Huma biss id-differenzi għal fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn pajjiż produttur analogu u produttur esportatur f’pajjiż b’ekonomija li mhijiex tas-suq li jiġġustifikaw aġġustament. |
|
(63) |
Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-investigazzjoni ma żvelat ebda ċirkostanzi li jissuġġerixxu li l-produttur fil-pajjiż analogu ma kellux proċess ta’ produzzjoni raġonevolment effiċjenti. |
|
(64) |
Sa fejn huma kkonċernati fatturi ta’ spejjeż (pereżempju l-produttività), dawk ma għandhomx jinġabru u jiġu vvalutati individwalment. Pjuttost, tkun meħtieġa analiżi komprensiva biex tivvaluta jekk vantaġġi marbuta ma’ fattur wieħed ta’ ispejjeż (pereżempju il-produttività) humiex possibbilment ikkumpensati bi żvantaġġi f’oħrajn. Użu inqas ta’ ħaddiema huwa spiss riżultat ta’ livell ogħla ta’ awtomazzjoni, li konsegwentement twassal għal spejjeż ogħla f’oqsma oħra (deprezzament, kapital, finanzjament, l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura). Hija biss analiżi komprensiva li tista’ tiżvela d-differenzi kollha fil-fatturi tal-ispejjeż u turi jekk il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet humiex affettwati, u b’hekk ikun ġustifikat l-aġġustament. It-talbiet għaldaqstant ma jistgħux jiġu aċċettati. |
|
(65) |
B’żieda ma’ dan ta’ hawn fuq, it-talbiet għall-aġġustament għal differenza ta’ enerġija għal kull unità u għal deprezzament kull unità u d-differenza fl-ispejjeż ġenerali tal-manifattura ma kinux sostanzjati. B’mod partikolari, b’rabta mat-tema tal-effiċjenza enerġetika ma kienx spjegat liema elementi fil-proċess tal-produzzjoni jagħmlu l-produttur Brażiljan ineffiċjenti meta mqabbla mal-uniku produttur esportatur li kkoopera. L-ammont tal-aġġustament kien ibbażat fuq proporzjon tad-differenza fl-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità (ibbażati fuq id-differenza tal-produttività) fir-rigward tat-tqassim tal-ispiża tax-xogħol mill-ispiża totali. Ir-rabta bejn tali proporzjon u l-effiċjenza tal-enerġija u deprezzament u d-differenza fl-ispejjeż ġenerali tal-manifattura ma kinitx ippreżentata u ma kinitx tinftiehem. It-talbiet għaldaqstant huma rrifjutati. |
|
(66) |
Parti waħda ddikjarat ukoll li l-aġġustamenti kellhom isiru għal parametri bħall-kapaċità tal-liftijiet u tal-frieket. F’dan ir-rigward, qed issir referenza għall-kummenti li jirrigwardaw il-parametri tat-tqabbil (ara l-premessa 50 hawn fuq) fejn qed jiġi nnutat li t-tqabbil hu bbażat fuq l-aktar parametri relevanti biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ tqabbil. F’kull każ dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex issostanzjati. |
|
(67) |
Dikjarazzjoni oħra oħra kienet li għandu jsir aġġustament minħabba li l-produttur esportatur juża teknoloġija brevettata. Din il-pretensjoni ma kinitx sostanzjata iktar minn hekk. Notevolment, il-produttur esportatur naqas milli jikkwantifika l-aġġustament. L-unika biċċa informazzjoni provduta kienet dokument li kien iddikkjarat bħala l-privattiva. F’sottomissjoni li saret aktar tard l-aġġustament kien parzjalment ikkwantifikat mingħajr ebda evidenza korroborattiva. Għalhekk, il-pretensjoni ma setgħetx tiġi aċċettata. |
|
(68) |
Barra minn hekk, it-talba għal aġġustament għad-differenza fl-effiċjenza fl-użu tal-materja prima ġiet koperta mill-aġġustament għall-ħxuna tal-azzar (ara l-premessa 60 hawn fuq), billi l-użu ta’ ħxuna differenti tal-azzar tista’ twassal għal tnaqqis fil-konsum globali tal-azzar. |
|
(69) |
Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur stqarr li kien ibiegħ permezz ta’ kanal ta’ bejgħ, b’mod partikolari prodotti mingħajr marka fuq bażi ta’ OEM (Manifattur ta’ Tagħmir Oriġinali), differenti minn dak tal-produttur fil-pajjiż analogu. Għaldaqstant, kienet ippreżentata talba għal aġġustament li tirrifletti din id-differenza. Kif speċifikat hawn fuq (premessa 59) sar livell ta’ aġġustament kummerċjali. Kien ibbażat fuq stima ta’ differenza fil-prezz għall-bejgħ lil tipi differenti ta’ klijenti, inkluż il-bejgħ OEM, fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità l-ammont ta’ dan l-aġġustament ma jistax ikun żvelat għaliex l-iżvelar jikxef il-valur normali bbażat fuq dejta tal-uniku produttur f’pajjiż analogu. Għalhekk ġie konkluż li d-differenzi li għalihom intalab l-aġġustament diġà kienu meqjusa. |
|
(70) |
Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-produttur esportatur naqas milli jikkwantifika l-aġġustament mitlub. Iddikjara biss li aġġustament ta’ 40 % kien ingħata f’xi proċediment ieħor. Aġġustament mogħti f’xi proċediment ieħor (għalhekk speċifiku għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ xi proċediment ieħor) ma jistax iservi bħala punt ta’ referenza sabiex jikkwantifika aġġustament f’dan il-każ attwali. |
|
(71) |
Wara l-iżvelar addizzjonali (stedina għal kummenti dwar l-aġġustament tal-ħxuna tal-azzar), il-produttur esportatur ippreżenta talbiet addizzjonali għal aġġustamenti (mhux relatati mal-aġġustament tal-ħxuna tal-azzar): aġġustament għall-prezzijiet tal-coating, pumi u azzar fil-Brażil. |
|
(72) |
L-ewwel u qabel kollox qed jiġi nnutat li t-talbiet kienu ppreżentati wara l-iskadenza tal-kummenti u għalhekk formalment ma kunux ammissibbli. F’kull każ dawn il-talbiet la kienu kkwantifikati u lanqas issostanzjati. Il-kumpanija la pprovdiet evidenza għat-talbiet tagħha u lanqas spjegat kif kellu jew għandu jiġi kkalkulat l-estent tal-aġġustmanet. |
(e) Marġni tad-dumping
|
(73) |
Kif previst taħt l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju ppeżat skont it-tip kien imqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni medju ppeżat tal-prodott ikkonċernat. Il-marġini ta’ dumping, espress bħala perċentwal tal-prezz tal-fruntiera tal-Unjoni CIF, bid-dazju mhux imħallas, huwa 70,8 %. |
|
(74) |
Fir-rigward tal-marġinijiet ta’ dumping għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha minbarra Noblelift fl-investigazzjoni oriġinali, dawn kienu jvarjaw minn 28,5 % sa 46,7 %. Ladarba fir-reviżjoni attwali Noblelift biss ikkooperaw u li l-kooperazzjoni tista’ titqies bħala għolja billi l-maġġoranza l-kbira tal-esportazzjonijiet Ċiniżi kienu dawk ta’ Noblelift, il-Kummissjoni rrevediet il-marġini tad-dumping mal-pajjiż kollu għall-esportaturi l-oħra kollha wkoll. Konsegwentement, il-marġini ta’ dumping residwali għandu jiġi stabbilit fl-istess livell bħal dak ta’ Noblelift, jiġifieri 70,8 %. |
|
(75) |
Parti waħda ddikkjarat li d-dazju tal-pajjiż kollu ma għandux jiġi ffissat fil-livell tal-marġini tad-dumping tal-uniku produttur esportatur li kkoopera billi ma hemmx evidenza li l-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet kienu dawk tal-uniku esportatur li kkoopera. F’dan ir-rigward, ġie kkonfermat li skont dejta tal-istatistika l-maġġoranza kbira tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu dawk tal-uniku produttur esportatur li kkoopera. It-talba għalhekk ġiet irrifjutata. |
D. IN-NATURA PERMANENTI TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA
|
(76) |
Taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li jitqies li ċ-ċirkustanzi mibdula huma ta’ natura dejjiema. |
|
(77) |
F’dan ir-rigward l-investigazzjoni oriġinali ma stabbilixxietx differenza sostanzjali bejn il-prezzijiet tal-materja prima miksuba lokalment fir-RPĊ mill-produtturi esportaturi Ċiniżi (inkluż Noblelift) u dawk tas-swieq internazzjonali. Iċ-ċirkostanzi nbidlu b’mod sinjifikanti bejn l-2004 (iż-żmien tal-investigazzjoni oriġinali) u l-2011 (il-PIR) fejn il-prezz tal-azzar illaminat bis-sħana, il-materja prima ewlenija, kien bejn 24 % u 31 % inqas mill-prezzijiet internazzjonali. Dawn ma kinux jirriflettu l-valuri tas-suq bħala riżultat tad-distorsjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-azzar fir-RPĊ (ara premessa 19 hawn fuq). Tabilħaqq, is-suq tal-azzar Ċiniż inbidel b’mod sinifikanti matul dawn is-seba’ snin u r-RPĊ sadanittant qalbet minn pajjiż importatur nett tal-azzar għal produttur u esportatur imdaqqas tal-azzar madwar id-dinja, fatt li jista’ jiġi kkunsidrat li hu fit-tul. |
|
(78) |
Barra minn hekk, intrapriżi Ċiniżi tekonoloġokament avvanzati inkluż Noblelift qed jirċievu benefiċċji tal-Istat fil-forma ta’ taxxa preferenzjali fuq l-introjtu (15 %) sa mill-2008. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali, il-kumpaniji kienu suġġetti għar-rata normali ta’ 25 %. Din iċ-ċirkostanza mibdula tista’ wkoll tiġi raġonevolment ikkunsidrata li se tkun fit-tul. |
|
(79) |
Għalhekk ġie kkunsidrat li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-bidu ta’ din ir-reviżjoni interim mhumiex probabbli li jinbidlu fil-futur prevedibbli b’mod li jaffettwaw il-konklużjonijiet tar-reviżjoni interim. Għalhekk ġie konkluż li ċ-ċirkostanzi mibdula huma ta’ natura tat-tul u li l-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex aktar iġġustifikata. |
E. MIŻURI ANTI-DUMPING
|
(80) |
Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni u billi l-marġini l-ġdid ta’ dumping ta’ 70,8 % huwa aktar baxx mil-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali (ara l-premessi minn 120 sa 123 tar-Regolament (KE) Nru 128/2005), huwa kkunsidrat xieraq li jiġi emendat id-dazju anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat kemm minn Noblelift u mill-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha għal 70,8 %. |
|
(81) |
Parti waħda ddikjarat li l-marġini tad-dumping li għadu kemm ġie stabbilit ma missux ġie mqabbel mal-livell ta’ eliminazzjoni tad-danni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Pjuttost, il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu kellu jkun stabbilit f’kull investigazzjoni, anki f’reviżjoni parzjali limitata għad-dumping. Skont dik il-parti, il-prattika kurrenti fejn id-dannu ma jiġix ivvalutat, tikkostitwixxi ksur tar-regola ta’ dazju inqas. Il-parti ddikjarat ukoll li kellha tinfetaħ reviżjoni interim sħiħa. |
|
(82) |
F’dan ir-rigward huwa nnutat li billi l-Kummissjoni bdiet reviżjoni interim parzjali limitata għad-dumping, id-dannu ma setax jiġi vvalutat mill-ġdid f’dan il-qafas. Taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku l-impożizzjoni sostnuta tal-miżuri għandha tiġi riveduta, fejn ġustifikat, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni. B’hekk, ma hemm l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li jingħata bidu għal reviżjoni interim ex officio li tkopri kemm id-dumping kif ukoll id-danni, u fi kwalunkwe eventwalità għandha tkun ġustifikata. F’dan il-każ, l-informazzjoni u l-evidenza li kellha l-Kummissjoni kienet biżżejjed għall-bidu ta’ reviżjoni interim limitata għad-dumping. Barra minn hekk, jekk id-dannu għandu dejjem jiġi vvalutat f’reviżjonijiet interim, il-possibilità li jkun hemm reviżjoni interim parzjali limitata għad-dumping kif ipprovdut fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ma jkollha ebda tifsira. Din id-dikjarazzjoni għalhekk trid tiġi rrifjutata. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li l-parti interessata inkwistjoni għandha l-possibbiltà li titlob reviżjoni parzjali tad-dannu taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
|
(83) |
Ir-regola ta’ dazju anqas ġiet irrispettata bis-sħiħ u l-marġini tad-dumping li għadu kif stabbilit kien tabilħaqq imqabbel mal-livell ta’ eliminazzjoni tad-danni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali (l-aħħar konklużjoni dwar id-danni). |
|
(84) |
Parti waħda ddikjarat li prezz minimu tal-importazzjoni jkun aktar adatt f’dan il-każ attwali. Alternattivament, għandu jkun impost dazju fiss. |
|
(85) |
F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li la l-prezz minimu tal-importazzjoni u lanqas id-dazju fiss ma huma adattati għal prodotti li jeżistu f’diversità ta’ tipi individwali bi prezzijiet li jvarjaw, li wkoll huma suġġetti għal tibdil kontinwu u aġġornamenti. Għadd kbir ta’ livelli ta’ dazji jkun diffiċli ħafna li jiġu amministrati. Limitazzjoni addizzjonali tal-każ attwali hija li l-prezz minimu tal-importazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-valur normali (billi d-dazju huwa bbażat fuq dumping), li hu bbażat fuq dejta kunfidenzjali ta’ kumpanija waħda tas-suq f’pajjiż analogu. It-talbiet għaldaqstant huma rrifjutati. |
|
(86) |
Il-produttur esportatur esprima interess f’impriża fl-iskadenzi statutorji. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda offerta formali u għalhekk il-Kummissjoni ma kenitx f’pożizzjoni li tikkunsidraha ulterjorment. |
|
(87) |
Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li jiġu emendati r-rati tad-dazji applikabbli għall-produtturi esportaturi u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. |
|
(88) |
Kienu kkunsidrati l-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu mill-partijiet. |
|
(89) |
Huwa nnutat li taħt l-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011, id-dazju anti-dumping ta’ 70,8 % impost għall-“kumpaniji l-oħra kollha” permezz ta’ dan ir-Regolament japplika għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011, ikkunsinjat mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja, kif ukoll jekk ma jkunx, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manufatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:
|
Kumpanija |
Rata ta’ dazju (%) |
TARIC kodiċi addizzjonali |
|
Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd, 58, Jing Yi Road, Economy Development Zone, Changxing, Zhejiang Province, 313100, PRĊ |
70,8 |
A603 |
|
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
70,8 |
A999 ” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
S. COVENEY
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1.
(3) ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1.
(4) ĠU L 151, 16.6.2009, p. 1.
(5) ĠU L 268, 13.10.2011, p. 1.
(6) ĠU C 41, 14.2.2012, p. 14.
(7) http://www.steelbb.com/steelprices/