Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0349

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 349/2013 tas- 17 ta’ April 2013 li jemenda r-rata tad-dazju addizzjonali għall-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

    ĠU L 108, 18.4.2013, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/03/2018; Imħassar b' 32018R0196

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/349/oj

    18.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 108/6


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 349/2013

    tas-17 ta’ April 2013

    li jemenda r-rata tad-dazju addizzjonali għall-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta’ April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta’ importazzjoni addizzjonali ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    B’konsegwenza tan-nuqqas min-naħa tal-Istati Uniti biex iġġib l-Att dwar it-Tpaċija għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi tagħha skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta’ 15 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-1 ta’ Mejju 2005. B’konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-livell tas-sospensjoni kull sena għal-livell ta’ tixjin, jew ħsara, ikkawżat mis-CDSOA lill-Unjoni Ewropea f’dak iż-żmien.

    (2)

    L-iżborżi tas-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għaliha hemm dejta disponibbli għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni ta’ dazji kontra d-dumping u ta’ kontrobilanċ miġbura matul is-Sena Fiskali 2012 (mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012) kif ukoll mad-distribuzzjoni addizzjonali tas-CDSOA għall-2012 ta’ dazji kontra d-dumping u ta’ kontrobilanċ matul is-Snin Fiskali 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010, rispettivament. Fuq il-bażi tad-dejta ppublikata mill-Ħarsien tad-Dwana u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta’ tixjin, jew ħsara, ikkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 60 774 402.

    (3)

    Minħabba li l-livell ta’ tixjin jew ħsara, u konsegwentement ta’ sospensjoni, żdied, l-aħħar prodott tal-lista fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandu jiżdied mal-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Madankollu, il-livell ta’ sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta’ tixjin jew ħsara billi jiżdiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Minħabba f’hekk, skont l-Artikolu 3(1)(e) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha temenda r-rata tad-dazju addizzjonali biex taġġusta l-livell ta’ sospensjoni għal-livell ta’ tixjin jew ħsara. L-erbgħa prodotti elenkati fl-Anness I għandhom għalhekk jinżammu fil-lista u r-rata tad-dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni għandha tiġi emendata u ffissata għal 26 %.

    (4)

    L-effett ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ 26 % ad valorem fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I jirrappreżenta, fuq tul ta’ sena, valur ta’ kummerċ li ma jisboqx USD 60 774 402.

    (5)

    L-Artikoli 6(1) u 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandhom eżenzjonijiet speċifiċi mid-dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni. Billi l-applikabbiltà ta’ dawk l-eżenzjonijiet hija dipendenti fuq li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet qabel id-dħul fis-seħħ jew id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 673/2005, fil-prattika l-eżenzjonijiet ma jistgħux japplikaw għal importazzjonijiet tal-prodott il-ġdid miżjudin minn dan ir-Regolament fil-lista fl-Anness I. Għaldaqstant, għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi biex dawn l-eżenzjonijiet isiru effettivi għall-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott.

    (6)

    Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tad-dazju addizzjonali, dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jaqblu mal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat dwar ir-Ritaljazzjoni Kummerċjali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 jinbidel bl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 jinbidel bl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dazju ad valorem ta’ 26 % addizzjonali għad-dazju doganali jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005.

    Artikolu 4

    1.   Prodotti li għalihom tkun inħarġet liċenzja ta’ importazzjoni b’eżenzjoni mid-dazju, jew bi tnaqqis tiegħu, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ma jkunux suġġetti għad-dazju addizzjonali sakemm ikunu kklassifikati taħt wieħed minn dawn il-kodiċijiet NM (2): 6204 62 31.

    2.   Prodotti li għalihom jista’ jintwera li diġà jinsabu fi triqithom lejn l-Unjoni Ewropea jew maħżuna temporanjament jew f’żona libera jew maħżen liberu jew taħt proċedura sospensiva skont it-tifsira tal-Artikolu 84(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (3) fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u li d-destinazzjoni tagħhom ma tistax tinbidel, ma jkunux suġġetti għal dazju addizzjonali sakemm ikunu kklassifikati taħt wieħed minn dawn il-kodiċijiet NM: 6204 62 31.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Mejju 2013.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 413.

    (2)  Id-deskrizzjoni tal-prodotti kklassifikati taħt dawn il-kodiċi tista’ tinstab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1 - Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 02 p. 382) kif mibdula bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 (ĠU L 327, 30.10.2004, p. 1), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 493/2005 (ĠU L 82, 31.3.2005, p. 1).

    (3)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 04 p. 307).


    ANNESS I

    Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw dazji addizzjonali huma identifikati mill-kodiċijiet NM bi tmien ċifri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti kklassifikati taħt dawn il-kodiċijiet jistgħu jinstabu fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

    0710 40 00

    9003 19 30

    8705 10 00

    6204 62 31


    ANNESS II

    Il-prodotti f’dan l-Anness huma identifikati mill-kodiċijiet NM bi tmien ċifri tagħhom. Id-deskrizzjoni tal-prodotti kklassifikati taħt dawn il-kodiċijiet tista’ tinstab fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.


    Top