Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0208

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 tal- 11 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 68, 12.3.2013, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/208/oj

    12.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 68/16


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 208/2013

    tal-11 ta’ Marzu 2013

    dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-ikel u l-għalf b’mod ġenerali, u s-sikurezza tal-ikel u tal-għalf b’mod partikolari, fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali. L-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament jistipula li t-traċċabbiltà tal-ikel, tal-għalf u tal-annimali li jipproduċu l-ikel, u ta’ kull sustanza oħra maħsuba, jew mistennija, li tkun inkorporata f’ikel jew f’għalf għandha tkun stabbilita fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni.

    (2)

    Dak l-Artikolu jistipula wkoll li l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw kull persuna li tkun fornitilhom l-ikel u għandu jkollhom ukoll fis-seħħ sistemi u proċeduri biex jidentifikaw in-negozji l-oħra li lilhom ikunu ġew fornuti l-prodotti tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti meta jkun hemm talba għaliha.

    (3)

    Wara t-tifqigħa fl-Unjoni tal-E.coli (STEC) li jipproduċi t-tossina Shiga, f’Mejju 2011, il-konsum tan-nebbieta ġie identifikat bħala l-oriġini l-iktar probabbli tat-tifqigħat.

    (4)

    Fl-20 ta’ Ottubru 2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) adottat Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju li jippreżenta l-Escherichia coli li jipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u batterji patoġeniċi oħra fiż-żrieragħ u ż-żrieragħ bin-nebbieta (2). Fl-Opinjoni tagħha, l-EFSA tikkonkludi li l-kontaminazzjoni taż-żrieragħ niexfa bil-patoġeni batterjoloġiċi hija l-iktar sors inizjali probabbli tat-tifqigħat assoċjati man-nebbieta. Barra minn hekk, l-Opinjoni tiddikjara li, minħabba l-livell għoli ta’ umdità u t-temperatura favorevoli waqt it-tnibbit, il-patoġeni batterjoloġiċi preżenti fuq iż-żrieragħ niexfa jkunu jistgħu jimmultiplikaw waqt it-tnibbit u dan jirriżulta f’riskju għas-saħħa pubblika.

    (5)

    It-traċċabbiltà hija għodda effiċjenti għall-iżgurar tas-sigurtà fl-ikel, billi din tippermetti li ikel partikolari jiġi traċċat tul l-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni u dan jippermetti azzjoni rapida fil-każ ta’ tifqigħat mill-ikel. B’mod partikolari, it-traċċabbiltà ta’ ċertu ikel li ma joriġinax mill-annimali tista’ tgħin biex jitneħħa l-ikel mhux sikur mis-suq, u b’hekk jiġu protetti l-konsumaturi.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, dejjem għandu jkun hemm disponibbli l-ismijiet u l-indirizzi kemm tal-operatur tan-negozju tal-ikel li jforni n-nebbieta jew iż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta u kemm tal-operatur tan-negozju tal-ikel li lilu jkunu ġew fornuti tali żrieragħ jew nebbieta. Ir-rekwiżit jiddependi fuq l-approċċ “pass lura”-“pass ‘il quddiem” li jimplika li l-operaturi fin-negozju tal-ikel ikollhom sistema li tippermettilhom jidentifikaw il-fornitur(i) immedjat(i) u l-klijent(i) immedjat(i) tagħhom, ħlief meta huma jkunu l-konsumaturi finali.

    (7)

    Il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni tan-nebbieta jistgħu jippreżentaw riskju potenzjalment għoli għas-saħħa pubblika, billi jistgħu jirriżultaw f’multiplikazzjoni sinifikanti ta’ patoġeni fl-ikel. Fil-każ ta’ tifqigħa mill-ikel marbuta mal-konsum tan-nebbieta, it-traċċar rapidu tal-prodotti kkonċernati huwa għalhekk essenzjali biex jiġi limitat l-impatt ta’ tifqigħa bħal din fuq is-saħħa pubblika.

    (8)

    Barra minn hekk, il-kummerċ fiż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta huwa mifrux, u dan iżid il-bżonn għat-traċċabbiltà.

    (9)

    Għaldaqstant, f’dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għat-traċċabbiltà tan-nebbieta u taż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta.

    (10)

    B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġi stabbilit ir-rekwiżit li l-operaturi tan-negozji tal-ikel jipprovdu tagħrif addizzjonali dwar il-volum jew il-kwantità ta’ żrieragħ jew nebbieta bħal din, id-data tal-kunsinna, flimkien ma’ referenza li tidentifika l-lott u deskrizzjoni dettaljata taż-żrieragħ jew tan-nebbieta.

    (11)

    Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi tan-negozji tal-ikel, huwa xieraq li jkun hemm lok għall–flessibbiltà fir-rigward tal-format li fih l-operaturi tan-negozji tal-ikel iżommu r-rekords u jibagħtu t-tagħrif rilevanti, bħala parti mir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistipula r-regoli dwar it-traċċabbiltà tal-lottijiet ta’:

    (i)

    in-nebbieta;

    (ii)

    iż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta.

    Dan ir-Regolament ma għandux japplika għan-nebbieta, wara li din ikun sarilha trattament li jelimina l-perikli mikrobijoloġiċi, kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “nebbieta” ifisser il-produzzjoni mill-ġerminazzjoni taż-żrieragħ u l-iżvilupp tagħha fl-ilma jew f’materjal ieħor, maħsuda qabel l-iżvilupp ta’ weraq reali u li hija maħsuba biex tittiekel sħiħa biż-żerriegħa b’kollox;

    (b)

    “lott” ifisser kwantità ta’ nebbieta jew żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta, bl-istess isem tassonomiku, li tintbagħat mill-istess stabbiliment għall-istess destinazzjoni fl-istess jum. Lott wieħed jew aktar jistgħu jikkostitwixxu kunsinna. Madankollu, iż-żrieragħ b’isem tassonomiku differenti, li jitħalltu fl-istess pakkett u li jkunu maħsuba għal ġerminazzjoni flimkien, u n-nebbieta tagħhom ukoll huma kkunsidrati bħala lott wieħed.

    Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ “kunsinna” fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 (3) għandha tapplika għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Rekwiżiti tat-traċċabbiltà

    1.   L-operaturi tan-negozji tal-ikel, fl-istadji kollha tal-ipproċessar u d-distribuzzjoni, għandhom jiżguraw li jinżamm rekord tat-tagħrif li ġej rigward il-lottijiet taż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta, jew il-lottijiet tan-nebbieta. L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jiżgura wkoll li t-tagħrif meħtieġ biex ikun hemm konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tintbagħat lill-operatur tan-negozju tal-ikel, li lilu jiġu fornuti ż-żrieragħ jew in-nebbieta:

    (a)

    deskrizzjoni preċiża taż-żrieragħ jew tan-nebbieta, inkluż l-isem tassonomiku tal-pjanta;

    (b)

    il-volum jew il-kwantità taż-żrieragħ jew tan-nebbieta fornuta;

    (c)

    f’każ li ż-żrieragħ jew in-nebbieta jkunu ntbagħtu minn operatur ta’ negozju tal-ikel ieħor, l-isem u l-indirizz ta’:

    (i)

    l-operatur tan-negozju tal-ikel li jkun bagħat iż-żrieragħ jew in-nebbieta,

    (ii)

    l-ispeditur (is-sid) jekk dan ikun differenti mill-operatur tan-negozju tal-ikel li jkun bagħat iż-żrieragħ jew in-nebbieta;

    (d)

    l-isem u l-indirizz tal-operatur tan-negozju tal-ikel li lilu jintbagħtu ż-żrieragħ jew in-nebbieta;

    (e)

    l-isem u l-indirizz tal-ispeditur (is-sid), jekk dan ikun differenti mill-operatur tan-negozju tal-ikel li lilu jintbagħtu ż-żrieragħ jew in-nebbieta;

    (f)

    referenza li tidentifika l-lott, kif ikun xieraq;

    (g)

    id-data tal-kunsinna.

    2.   It-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jinżamm rekord tiegħu u jintbagħat fi kwalunkwe format xieraq, sakemm dan ikun jista’ jiġi aċċessat faċilment mill-operatur tan-negozju tal-ikel li lilu jiġu fornuti ż-żrieragħ jew in-nebbieta.

    3.   L-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jibagħtu t-tagħrif rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 kuljum. Ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati kuljum u jkunu disponibbli għal biżżejjed żmien wara li wieħed ikun jista’ jassumi li n-nebbieta ġiet ikkonsmata.

    4.   L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jipprovdi t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 lill-awtorità kompetenti, fuq talba tagħha, mingħajr dewmien mhux ġustifikat.

    Artikolu 4

    Ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà għaż-żrieragħ u n-nebbieta importati

    1.   Il-kunsinni taż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta u l-kunsinni tan-nebbieta għandhom ikunu akkumpanjati, meta jiġu importati fl-Unjoni, minn ċertifikat kif inhu stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 211/2013.

    2.   L-operatur tan-negozju tal-ikel li jimporta ż-żrieragħ jew in-nebbieta għandu jżomm iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 għal biżżejjed żmien wara li wieħed ikun jista’ jassumi li n-nebbieta tkun ġiet ikkonsmata.

    3.   L-operaturi tan-negozji tal-ikel kollha li jiġu f’kuntatt maż-żrieragħ importati maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta, għandhom jipprovdu kopji taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 lill-operaturi tan-negozji tal-ikel kollha li lilhom jintbagħtu ż-żrieragħ, sakemm dawk iż-żrieragħ jaslu għand il-produttur tan-nebbieta.

    Meta ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta jinbiegħu ppakkjati fil-livell tal-bejgħ, l-operaturi tan-negozji tal-ikel kollha li jiġu f’kuntatt maż-żrieragħ importati, għandhom jipprovdu kopji taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 lill-operaturi tan-negozji tal-ikel kollha li lilhom jintbagħtu ż-żrieragħ, sakemm dawn iż-żrieragħ jiġu ppakkjati biex jinbiegħu fil-livell tal-bejgħ.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

    (2)  The EFSA Journal 2011;9(11):2424.

    (3)  Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top