Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0207

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 207/2013 tal- 11 ta’ Marzu 2013 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tad-data ta’ skadenza għar-reviżjoni tad-deċiżjoni dwar appoġġ għall-2013 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 fir-rigward tan-notifikazzjoni ta’ tali reviżjoni

    ĠU L 68, 12.3.2013, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2014; Imħassar b' 32014R0639

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/207/oj

    12.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 68/14


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 207/2013

    tal-11 ta’ Marzu 2013

    li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tad-data ta’ skadenza għar-reviżjoni tad-deċiżjoni dwar appoġġ għall-2013 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 fir-rigward tan-notifikazzjoni ta’ tali reviżjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 142(c) u (r) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 68(8) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, sal-1 ta’ Settembru 2012, l-Istati Membri setgħu jirrevedu d-deċiżjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 69(1) ta’ dak ir-Regolament u jiddeċiedu, b’effett mill-2013, li jimmodifikaw l-ammonti għall-finanzjament tal-appoġġ speċifiku provdut fl-Artikolu 68(1) jew li l-applikazzjoni ta’ dak l-appoġġ tiġi fi tmiemha.

    (2)

    Bħala riżultat taż-żieda kontinwa tal-prezzijiet tal-ikel minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi avversi li affettwaw uħud mill-fornituri l-iktar importanti tal-qmuħ fl-Unjoni u fid-dinja fl-2012, l-Istati Membri qegħdin jiffaċċjaw l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ impriżi agrikoli, b’mod partikolari fis-setturi tal-ħalib, iċ-ċanga u l-vitella u n-nagħaġ u l-mogħoż. Dawk is-setturi kienu qegħdin, fl-aħħar ta’ dik is-sena, jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji severi minħabba s-sehem sinifikanti tal-prezzijiet tal-għalf fl-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom. Tfaċċat sitwazzjoni ta’ emeġenza fejn jeżisti r-riskju reali tat-tnaqqis jew is-sospensjoni tal-attività li eventwalment iwasslu għal tnaqqis jew abbandunar tal-produzzjoni f’dawk is-setturi. Is-sitwazzjoni preżenti ma setgħetx tiġi prevista fiż-żmien meta d-deċiżjonijiet għas-sena 2013 setgħu jiġu riveduti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 68(8) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

    (3)

    L-appoġġ speċifiku provdut fl-Artikolu 68(1) jidher li hu għodda tajba biex tiġi indirizzata tali sitwazzjoni billi jingħata appoġġ lill-impriżi li l-vijabbiltà tagħhom tkun mhedda. Biex tiġi indirizzata l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni tal-bdiewa fis-setturi tal-ħalib, iċ-ċanga u l-vitella u n-nagħaġ u l-mogħoż u biex jiġu evitati problemi prattiċi u speċifiċi serji li jistgħu jikkonsistu fil-konverżjoni mill-ġdid f’attivitajiet agrikoli oħra jew it-trasferiment tal-impriżi, l-Istati Membri għandhom jitħallew jirrevedu d-deċiżjonijiet meħudin għas-sena 2013 f’perjodu ta’ żmien ġdid.

    (4)

    Għall-istess raġuni, id-data ta’ skandenza stabbilita fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (2) għan-notifika ta’ tali reviżjonijiet għall-Kummissjoni għandhom jiġu estiżi.

    (5)

    Għaldaqstant huwa xieraq li jkun hemm deroga mir-Regolament (KE) Nru 73/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1120/2009.

    (6)

    Billi d-derogi jikkonċernaw is-sena 2013, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Deroga mir-Regolament (KE) Nru 73/2009

    Permezz tad-deroga mill-Artikolu 68(8) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-Istati Membri jistgħu, sat-22 ta’ Marzu 2013, jirrevedu d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 69(1) ta’ dak ir-Regolament rigward l-appoġġ speċifiku li għandu jingħata lis-setturi tal-ħalib, taċ-ċanga u tal-vitella u/jew tan-nagħaġ u tal-mogħoż b’effett mis-sena 2013.

    Artikolu 2

    Derogi mir-Regolament (KE) Nru 1120/2009

    Permezz tad-deroga mill-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sat-22 ta’ Marzu 2013 dwar il-miżuri speċifiċi ta’ appoġġ li huma għandhom l-intenzjoni li japplikaw fis-setturi tal-ħalib, taċ-ċanga u tal-vitella u/jew tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

    (2)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 1.


    Top