Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0174

    Regolament (UE) Nru 174/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 63, 6.3.2013, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/174/oj

    6.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 63/1


    REGOLAMENT (UE) Nru 174/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-5 ta’ Frar 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwat li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jimplimenta l-Programm Energy Star fl-Unjoni abbażi ta’ Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (4). Dak il-Ftehim skada fit-28 ta’ Diċembru 2011 u l-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ġdid ta’ ħames snin mal-Istati Uniti. In-negozjati rigward il-ftehim il-ġdid bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (5) (“il-Ftehim”) ġew konklużi fid-29 ta’ Novembru 2011. Għalhekk, għandha tiddaħħal referenza għall-Ftehim.

    (2)

    Jeħtieġ ukoll li jiġu aġġornati r-referenzi għal skemi tal-Unjoni ta’ tikkettar jew ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità stabbiliti mid-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (6), mid-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ tikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (7) u mir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (8).

    (3)

    Huwa wkoll opportun li jiġi emendat l-isem tal-Bord tal-Energy Star.

    (4)

    Għandu jittieħed kont tal-Artikolu VI tal-Ftehim li jipprevedi żewġ skemi separati għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti (awtoċertifikazzjoni għal prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni u ċertifikazzjoni ta’ parti terza għal prodotti mqiegħda fis-suq tal-Istati Uniti).

    (5)

    Ir-rabta mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza enerġetika (9) għandha tkun iċċarata.

    (6)

    Għandhom jiġu ċċarati l-obbligi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għall-infurzar tal-Programm tal-Energy Star.

    (7)

    Il-valutazzjoni tal-Programm tal-Energy Star għandha tinkludi konsiderazzjoni ta’ għażliet alternattivi ta’ politika u tipprevedi żmien biżżejjed għal deċiżjoni infurmata dwar tiġdid possibbli tal-Ftehim.

    (8)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar programm tal-Unjoni ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju”;

    (2)

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Għan

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-programm tal-Unjoni ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Programm Energy Star) kif definit fil-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju (*) iffirmat fl-10 ta’ Diċembru 2012 fi Brussell u fit-18 ta’ Jannar 2013 f’Washington (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim’).

    (*)  ĠU L 63, 6.3.2013, p. 7.”;"

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Programm Energy Star għandu jikkontribwixxi biex jissodisfa l-miri fl-effiċjenza enerġetika tal-Istati Membri u tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza enerġetika (**). Huwa għandu jkun ikkoordinat, kif meħtieġ, ma’ arranġamenti oħra tal-Unjoni dwar l-ittikkettar jew iċ-ċertifikazzjoni ta’ kwalità kif ukoll ma’ skemi bħal, b’mod partikolari, l-iskema tal-Unjoni tal-għoti ta’ Ekotikketta, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (***), l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u ta’ riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, stabbilita bid-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****) u miżuri li jimplimentaw id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (*****). Dik il-koordinazzjoni għandha tinkludi l-iskambju ta’ evidenza u, skont kif ikun xieraq, l-istabbiliment ta’ livelli komuni ta’ speċifikazzjonijiet u rekwiżiti fl-iskemi differenti.

    (**)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1."

    (***)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1."

    (****)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1."

    (*****)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.”;"

    (b)

    il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “4.   Skemi volontarji oħrajn eżistenti u ġodda ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika għal prodotti tat-tagħmir tal-uffiċċju fl-Istati Membri jistgħu jeżistu flimkien mal-programm Energy Star.

    5.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola tal-Unjoni dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-immarkar tal-konformità u/jew għal kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi rigward aċċess għas-suq tal-Unjoni, prodotti koperti minn dan ir-Regolament li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jistgħu jiġu ttestjati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.”;

    (4)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Promozzjoni ta’ kriterji ta’ effiċjenza enerġetika

    1.   Għat-tul ta’ żmien tal-validità tal-Ftehim, l-awtoritajiet tal-gvern ċentrali fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (******), għandhom, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u għal-liġijiet nazzjonali, u għall-kriterji ekonomiċi, jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta’ effiċjenza enerġetika mhux inqas eżiġenti mill-Ispeċifikazzjonijiet Komuni għal kuntratti ta’ provvista pubblika ta’ valur ugwali għal, jew li jeċċedi, il-limiti massimi stipulati fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva. L-awtoritajiet kontraenti fil-livell reġjonali u lokali għandhom jitħeġġu mill-Istati Membri biex jużaw dawk ir-rekwiżiti. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/27/UE u fil-punt (c) tal-Anness III għal dik id-Direttiva.

    2.   Għat-tul ta’ żmien tal-validità tal-Ftehim, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali u l-kriterji eknomiċi, jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta’ effiċjenza enerġetika mhux inqas eżiġenti mill-Ispeċifikazzjonijiet Komuni għall-kuntratti ta’ provvista pubblika ta’ valur ugwali għal, jew li jeċċedi, il-limiti massimi stipulati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE.

    (******)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.”;"

    (5)

    L-Artikolu 7 huwa mħassar;

    (6)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Bord tal-Energy Star tal-Unjoni Ewropea

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord tal-Energy Star tal-Unjoni Ewropea (BESUE) li jkun magħmul minn rappreżentanti nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 9 u minn rappreżentanti tal-partijiet interessati. Il-BESUE għandu jirrivedi l-implimentazzjoni tal-programm tal-Energy Star fi ħdan l-Unjoni u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’konsulenza u assistenza, kif xieraq, biex jippermettilha twettaq il-funzjoni tagħha bħala Entità Amministrattiva, kif imsemmi fl-Artikolu IV tal-Ftehim.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, safejn possibbli fit-tmexxija tal-attivitajiet tagħha, il-BESUE josserva, fir-rigward ta’ kull grupp ta’ prodotti ta’ tagħmir għall-uffiċċju, il-parteċipazzjoni bilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti kollha kkonċernati minn dak il-grupp ta’ prodotti bħal manifatturi, bejjiegħa bl-imnut, importaturi, gruppi ta’ protezzjoni tal-ambjent u organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

    3.   Il-Kummissjoni, assistita mill-BESUE, għandha twettaq monitoraġġ tal-penetrazzjoni fis-suq ta’ prodotti li jkollhom il-Logo Komuni u l-iżvilupp tal-effiċjenza enerġetika ta’ tagħmir tal-uffiċċji bil-għan li ssir reviżjoni f’waqtha tal-Ispeċifikazzjonijiet Komuni.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-BESUE, b’kont meħud tal-fehmiet tar-rappreżentanti nazzjonali fil-BESUE.”;

    (7)

    fl-Artikolu 10, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    l-objettivi għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, b’kont meħud tal-ħtieġa li jkun segwit standard għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent u tal-penetrazzjoni fis-suq li l-programm Energy Star għandu jfittex li jikseb fil-livell tal-Unjoni;”;

    (8)

    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Proċeduri preparatorji għar-reviżjoni ta’ kriterji tekniċi

    1.   Sabiex issir it-tħejjija għar-reviżjoni tal-Ispeċifikazzjonijet Komuni u tal-gruppi ta’ prodotti tat-tagħmir tal-uffiċċju koperti mill-Anness C għall-Ftehim, u qabel ma jiġi preżentat abbozz ta’ proposta jew tingħata tweġiba lill-USEPA skont il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/107/UE tat-13 ta’ Novembru 2012 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (*******), għandhom jittieħdu l-passi stipulati fil-paragrafi 2 sa 5.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-BESUE biex iħejji proposta għar-reviżjoni tal-Ftehim jew tal-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott. Il-Kummissjoni tista’ tressaq proposta quddiem il-BESUE għar-reviżjoni tal-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott jew il-Ftehim. Il-BESUE jista’ ukoll iressaq proposta lill-Kummissjoni fuq inizjattiva tiegħu stess.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-BESUE kull meta tirċievi proposta għal reviżjoni tal-Ftehim mill-USEPA.

    4.   Meta l-membri tal-BESUE jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, huma għandhom iqisu r-riżultati tal-istudji ta’ fattibbiltà u tas-suq, u l-aħjar teknoloġija disponibbli għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra partikolarment l-għan li tistabbilixxi Speċifikazzjonijiet Komuni f’livell ambizzjuż, kif previst fl-Artikolu I, paragrafu 3, tal-Ftehim, bl-għan li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u għandha tqis debitament it-teknoloġija disponibbli u l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja relatati. B’mod partikolari, qabel ma tagħti l-opinjonijiet tagħha dwar kwalunkwe Speċifikazzjoni Komuni ġdida, il-BESUE għandu jqis l-aħħar riżultati tal-istudji tal-ekodisinn.

    (*******)  ĠU L 63, 6.3.2013, p. 5.”;"

    (9)

    L-Artikolu 12(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-użu korrett tal-Logo Komuni billi tieħu jew tikkoordina l-azzjoni deskritta fl-Artikolu IX, il-paragrafi 2, 3 u 4, tal-Ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adegwata, partikolarment kif deskritta fl-Artikolu IX, il-paragrafu 5, tal-Ftehim biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jirriferu prova ta’ nonkonformità minn parteċipanti fil-programm lill-Kummissjoni għal azzjoni inizjali.”;

    (10)

    L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Rieżami u reviżjoni

    Qabel mal-Partijiet għall-Ftehim jiddiskutu t-tiġdid tiegħu skont l-Artikolu XIV, paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-programm Energy Star jippermettix effettivament li tiżdied l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju, li jinħolqu impjiegi ġodda u jkunu offerti opportunitajiet tas-suq għall-manifatturi, u tanalizza għażliet alternattivi ta’ politika bħal dawk ipprovduti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, partikolarment id-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE. Ir-riżultati ta’ tali evalwazzjoni u valutazzjoni għandhom jiġu rrappurtati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-anqas sentejn qabel l-iskadenza tal-Ftehim.”;

    (11)

    L-Artikolu 14 huwa mħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta’ Frar 2013.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. CREIGHTON


    (1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 142.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012.

    (3)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1.

    (4)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 26.

    (5)  Ara paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (6)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

    (7)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

    (8)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

    (9)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.


    Top