EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0093

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2013 tal- 1 ta’ Frar 2013 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 33, 2.2.2013, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/08/2020; Imħassar b' 32020R1148

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/93/oj

2.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 93/2013

tal-1 ta’ Frar 2013

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (1), u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 jistabbilixxi l-produzzjoni tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum (HICP).

(2)

L-iffissar tal-indiċijiet tal-prezzijiet għad-djar u partikolarment għal abitazzjonijiet okkupati mis-sidien għandu jiġi esplorat sabiex jittejbu r-rilevanza u l-komparabbiltà tal-HICP.

(3)

Bl-għan li jiġu kkompilati l-indiċijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien, jeħtieġ li jiġu prodotti indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet. L-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar huma wkoll, fihom infushom, indikaturi importanti.

(4)

Il-gwida metodoloġika dwar il-kompilazzjoni tal-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien hija meħtieġa biex jiġu żgurati riżultati affidabbli u komparabbli mill-Istati Membri kollha.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea (il-Kumitat tas-SSE).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien bl-għan li jittejbu r-rilevanza u l-komparabbiltà tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum (“HICP”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“indiċi tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien” tfisser indiċi li jkejjel it-tibdil fil-prezzijiet tat-tranżazzjoni tad-djar ġodda għas-settur tal-unitajiet domestiċi u prodotti u servizzi oħra li l-unitajiet domestiċi jiksbu fir-rwol tagħhom bħala sidien okkupanti;

2.

“indiċi tal-prezzijiet tad-djar” tfisser indiċi li jkejjel it-tibdil fil-prezzijiet tat-tranżazzjoni tad-djar mixtrija mill-unitajiet domestiċi.

Artikolu 3

Kopertura

1.   Il-kategoriji tan-nefqa li ġejjin għandhom ikunu koperti mill-indiċi tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien:

O.1.

Infiq tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien

O.1.1.

Akkwisti tad-djar

O.1.1.1.

Djar ġodda

O.1.1.1.1.

Xiri ta’ djar ġodda

O.1.1.1.2.

Djar mibnija mill-individwi stess u rinnovazzjonijiet kbar

O.1.1.2.

Djar eżistenti ġodda għall-unitajiet domestiċi

O.1.1.3.

Servizzi oħra relatati mal-akkwist tad-djar

O.1.2.

Sjieda tad-djar

O.1.2.1.

Manutenzjoni u tiswijiet kbar

O.1.2.2.

Assigurazzjoni marbuta mad-djar

O.1.2.3.

Servizzi oħra relatati mas-sjieda tad-djar

2.   Il-kategoriji tan-nefqa li ġejjin għandhom jiġu koperti fl-indiċi tal-prezzijiet tad-djar:

H.1.

Xiri tad-djar

H.1.1.

Xiri ta’ djar ġodda

H.1.2.

Xiri ta’ djar eżistenti

3.   L-indiċi tal-prezzijiet tal-djar okkupati mis-sidien għandu jkun imsejjes fuq l-approċċ tal-“Akkwisti netti”, li jkejjel it-tibdil fil-prezzijiet reali mħallsa mill-konsumaturi għall-akkwist ta’ djar li huma ġodda għas-settur tal-unitajiet domestiċi kif ukoll it-tibdil fi spejjeż oħra marbuta mas-sjieda, u t-trasferiment tas-sjieda, tad-djar.

4.   Kull kategorija tan-nefqa marbuta mal-abitazzjonijiet, kif definita fl-Artikolu 3(1), li l-ponderazzjoni tagħha tirrappreżenta mill-inqas wieħed minn kull mija tan-nefqa totali marbuta mal-abitazzjonijiet O.1, għandha tkun koperta. Kull kategorija tan-nefqa marbuta mal-abitazzjonijiet, kif definita fl-Artikolu 3(2), li l-ponderazzjoni tagħha tirrappreżenta mill-inqas wieħed minn kull mija tan-nefqa totali marbuta mal-abitazzjonijiet H.1, għandha tkun koperta.

Artikolu 4

Manwal metodoloġiku

1.   Il-Kummissjoni (Eurostat), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi manwal li jipprovdi qafas metodoloġiku għall-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien prodotti skont dan ir-Regolament (minn hawn ‘il quddiem il-“manwal OOH-HPI”). Fejn ikun ġustifikat kif xieraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-manwal, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tas-SSE.

2.   Il-kriterji tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), għandhom japplikaw għall-kompilazzjoni tal-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat), fuq talba tagħha, bl-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta l-konformità tal-indiċijiet tad-djar u tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Rekwiżiti tad-dejta

1.   L-Istati Membri għandhom jikkompilaw u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’indiċijiet tal-prezzijiet għall-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 3 skont il-manwal OOH-HPI.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu indiċijiet tal-prezzijiet trimestrali. Minbarra l-indiċijiet trimestrali, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll indiċijiet mensili.

3.   L-indiċijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu pprovduti mit-tielet kwart tal-2014 relatati mat-tieni kwart tal-2014. L-indiċijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jiġu pprovduti mit-tielet kwart tal-2012 relatati mat-tieni kwart tal-2012.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bl-indiċijiet trimestrali fi skadenza li ma għandhiex tkun aktar minn 85 jum minn tmiem it-trimestru li miegħu huma relatati l-indiċijiet. Dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jipprovdu wkoll indiċijiet mensili, għandhom jipprovduhom fi żmien 30 jum minn tmiem ix-xahar li miegħu huma relatati l-indiċijiet.

5.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkompilaw u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’sett wieħed ta’ ponderazzjonijiet tan-nefqa għall-indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien u sett wieħed ta’ ponderazzjonijiet tan-nefqa għall-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar, kif definiti fil-manwal OOH-HPI u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/2010 (4).

Il-ponderazzjonijiet għall-indiċijiet trimestrali għandhom jiġu pprovduti mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju tas-sena li tiġi wara s-sena li magħha huma relatati l-ponderazzjonijiet.

L-Istati Membri li jipprovdu l-indiċijiet mensili għandhom jipprovdu l-ponderazzjonijiet korrispondenti mhux aktar tard mill-20 ta’ Frar tas-sena li tiġi wara s-sena li magħha huma relatati l-ponderazzjonijiet.

6.   L-Istati Membri għandhom jikkompilaw u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi stima tad-dejta retrospettiva li tibda bl-indiċi għall-ewwel kwart tal-2010 għall-indiċijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), mhux aktar tard mill-iskadenzi msemmija fl-Artikoli 5(3) u (4). L-Istati Membri għandhom jikkompilaw u jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi stima tad-dejta retrospettiva li tibda bl-indiċi għall-ewwel kwart tal-2008 għall-indiċijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2), mhux aktar tard mill-iskadenzi msemmija fl-Artikoli 5(3) u (4).

7.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta mitluba minn dan ir-Regolament u l-metadejta assoċjata skont standard ta’ skambju speċifikat mill-Kummissjoni (Eurostat). Id-dejta u l-metadejta għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni (Eurostat) permezz tas-servizzi ta’ Punt ta’ Kuntatt Waħdieni jew b’tali mod li l-Kummissjoni tkun tista’ taċċessahom permezz tas-servizzi ta’ Punt ta’ Kuntatt Waħdieni.

Artikolu 6

Miżuri tranżitorji

1.   Sena u tliet snin rispettivament wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bir-rapporti dwar il-kwalità tad-dejta, fuq il-bażi tal-istandards definiti fis-Sistema Statistika Ewropea u fil-manwal OOH-HPI.

2.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, tħejji rapport dwar l-indiċijiet stabbiliti skont dan ir-Regolament u b’mod partikolari dwar il-grad ta’ konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1749/96 (5) u mar-Regolament (UE) Nru 1114/2010. Ir-rapport għandu jindirizza wkoll l-adegwatezza tal-indiċijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien għall-integrazzjoni fil-kopertura tal-HICP.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta’ Settembru 2012. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.

(2)  Opinjoni mogħtija fil-19.10.2012 (L-opinjoni għandha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(4)  ĠU L 316, 2.12.2010, p. 4.

(5)  ĠU L 229, 10.9.1996, p. 3.


Top