This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013L0047
Commission Directive 2013/47/EU of 2 October 2013 amending Directive 2006/126/EC of the European Parliament and of the Council on driving licences Text with EEA relevance
Direttiva tal-Kummissjoni 2013/47/UE tat- 2 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan Test b’relevanza għaż-ŻEE
Direttiva tal-Kummissjoni 2013/47/UE tat- 2 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 261, 3.10.2013, p. 29–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.10.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 261/29 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2013/47/UE
tat-2 ta’ Ottubru 2013
li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/36/UE tad-19 ta' Novembru 2012 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan (2) tipprovdi għal adattament tekniku tal-Anness II tagħha f’rabta mal-ispeċifikazzjonijiet tal-vetturi ttestjati filwaqt li tikkunsidra l-evoluzzjoni teknika tal-klassijiet differenti tal-vetturi. |
(2) |
L-Anness II, I, B il-punt 5.2 tad-Direttiva 2006/126/KE, kif emendat permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/36/UE, jistabbilixxi li l-vetturi tal-Kategorija A użati fit-testijiet tal-ħiliet u l-aġir għandhom ikunu konformi ma’ ċerti kriterji minimi. B’mod partikolari, il-muturi użati għat-test għandu jkollhom massa mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 180 kg, b’rata tal-potenza ta’ mill-inqas 50 kW. Jekk il-mutur jaħdem b’magna interna kombustibbli, il-kapaċità kubika trid tkun milll-inqas 600 cm3. Jekk il-mutur jaħdem b’magna tal-elettriku, il-proporzjon ta’ potenza għall-piż tal-vettura għandu jkun ta’ mill-inqas 0,25 kW/kg; |
(3) |
Bil-ħsieb li s-settur tat-taħriġ jitħalla jadatta t-tagħmir tiegħu inkluż il-muturi għall-evoluzzjoni teknoloġika tal-vetturi disponibbli fis-suq, għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju biex jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw l-użu tal-muturi tal-Kategorija A f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kif kienu jeżistu qabel l-emendi introdotti permezz tad-Direttiva 2012/36/UE sal-31 ta’ Diċembru 2018. |
(4) |
Id-Direttiva 2006/126/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan, |
(5) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-liċenzji tas-sewqan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Anness II, I, B, il-punt 5.2 tad-Direttiva 2006/126/KE dwar il-vetturi għall-Kategorija A, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użu tal-muturi tal-Kategorija A li l-massa mingħajr tagħbija tagħhom hija ta’ inqas minn 180 kg, u b’rata tal-potenza ta’ mill-inqas 40 kW iżda inqas minn 50 kW, sal-31 ta’ Diċembru 2018.”
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18.
(2) ĠU L 321, 20.11.2012, p. 54.