EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0024

Direttiva tal-Kunsill 2013/24/UE tat- 13 ta' Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpanniji, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja

ĠU L 158, 10.6.2013, p. 365–367 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/24/oj

10.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/365


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/24/UE

tat-13 ta' Mejju 2013

li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpanniji, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50 tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, fejn l-atti tal-istituzzjonijiet adottati qabel l-adeżjoni jirrikjedu l-adattament minħabba l-adeżjoni, u l-adattamenti meħtieġa ma kinux previsti f'dak l-Att ta' Adeżjoni jew fl-Annessi tiegħu, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni għandu, għal dan il-għan, jadotta l-atti meħtieġa, jekk l-att oriġinali ma jkunx ġie adottat mill-Kummissjoni.

(2)

L-Att Finali tal-Konferenza li fasslet u adottat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja indika li l-Partijiet Kontraenti Għolja kienu laħqu qbil politiku dwar sett ta' adattamenti għal atti adottati mill-istituzzjonijiet li kienu meħtieġa minħabba l-adeżjoni, u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw dawk l-adattamenti qabel l-adeżjoni, kompluti u aġġornati fejn meħtieġ sabiex jittieħed kont tal-evoluzzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

(3)

Id-Direttivi 78/660/KEE (1), 83/349/KEE (2), 2009/101/KE (3), 2009/102/KE (4), 2011/35/UE (5) u 2012/30/UE (6) għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE, 2009/101/KE, 2009/102/KE, 2011/35/UE u 2012/30/UE huma emendati kif stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard mid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ soġġetta għal, u mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  Ir-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju tal-1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 17 Vol. 01 p. 21). Nota: It-titolu tad-Direttiva 78/660/KEE ġie aġġustat sabiex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona; ir-referenza oriġinali fih kienet għall-Artikolu 54(3)(g), tat-Trattat).

(2)  Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju tal-1983 ibbażata fuq l-Artikolu 50(2)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 17 Vol. 01 p. 58). Nota: It-titolu tad-Direttiva 83/349/KEE ġie aġġustat sabiex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona; ir-referenza oriġinali fih kienet għall-Artikolu 54(3)(g), tat-Trattat).

(3)  Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11). Nota: It-titolu tad-Direttiva 2009/101//KE ġie aġġustat sabiex jieħu kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona; ir-referenza oriġinali fih kienet għall-Artikolu 48, tat-Trattat).

(4)  Id-Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 20.)

(5)  Id-Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (ĠU L 110, 29.4.2011, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 74).


ANNESS

PARTI A

LIĠI DWAR IL-KUMPANNIJI

1.

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/101/KE, dan li ġej jiddaħħal wara l-entrata għal Franza:

“—

Il-Kroazja:

dioničko društvo, društvo s ograničenom odgovornošću;”.

2.

Fl-Anness I għad-Direttiva 2009/102/KE, dan li ġej jiddaħħal wara l-entrata għal Franza:

“—

Il-Kroazja:

društvo s ograničenom odgovornošću, dioničko društvo,”.

3.

Fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/35/UE, dan li ġej jiddaħħal wara l-entrata għal Franza:

“—

Il-Kroazja:

dioničko društvo.”.

4.

Fl-Anness I għad-Direttiva 2012/30/UE, dan li ġej jiddaħħal wara l-entrata għal Franza:

“—

Il-Kroazja:

dioničko društvo;”.

PARTI B

STANDARDS TA' KONTABBILTÀ

1.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/660/KEE huwa emendat kif ġej:

(a)

dan li ġej jiżdied mal-ewwel subparagrafu:

“—

fil-Kroazja:

dioničko društvo, društvo s ograničenom odgovornošću.”;

(b)

dan li ġej jiżdied mat-tieni subparagrafu:

“(ab)

fil-Kroazja:

javno trgovačko društvo, komanditno društvo,”.

2.

Fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 83/349/KEE, dan li ġej jiżdied mal-ewwel subparagrafu:

“(ab)

fil-Kroazja:

dioničko društvo, društvo s ograničenom odgovornošću.”.


Top