Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0728

    2013/728/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 2 ta’ Diċembru 2013 Li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-estensjoni tal-moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi u l-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet

    ĠU L 332, 11.12.2013, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/12/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/728/oj

    11.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-2 ta’ Diċembru 2013

    Li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-estensjoni tal-moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi u l-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet

    (2013/728/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi (“il-moratorju dwar il-kummerċ elettroniku”) b’effett illi l-membri tad-WTO għandhom ikomplu l-prattika preżenti li ma jimponux dazji doganali fuq trasmissjonijiet elettroniċi ġie adottat fil-forma ta’ dikjarazzjoni fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-1998.

    (2)

    Attwalment il-moratorju jieħu l-forma ta’ deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, li ġiet imġedda kull sentejn sa mill-1998. Il-moratorju ġie estiż l-aħħar fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Diċembru 2011 sal-2013.

    (3)

    L-ebda kunsens dwar il-projbizzjoni jew l-awtorizzazzjoni ta’ ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet skont il-Ftehim TRIPS ma kien possibbli, sa issa. Id-Dikjarazzjoni adotatta fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ħong Kong fl-2005 tiddikjara: “Aħna nieħdu nota tal-ħidma mwettqa mill-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ skont il-paragrafu 11.1 tad-Deċiżjoni ta’ Doha dwar Kwistjonijiet Relatati mal-Implimentazzjoni u Tħassib u l-paragrafu 1.h tad-Deċiżjoni adottata mill-Kunsill Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2004, u li nindirizzawha lejn it-tkomplija tal-analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-modalitajiet għall-ilmenti tat-tipi previsti taħt is-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII tal-GATT 1994 u nagħmlu rakkomandazzjonijiet għas-Sessjoni li jmiss tagħna. Huwa miftiehem li, sadanittant, il-Membri mhux se jniedu dawn l-ilmenti skont il-Ftehim TRIPS.”

    (4)

    Il-proċedura għall-estensjonijiet suċċessivi tal-moratorju fuq l-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u l-ilmenti dwar sitwazzjonijiet s’issa kienet permezz tal-adozzjonio ta’ deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO li ġiet wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill għal Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ.

    (5)

    Huwa fl-interess tal-Unjoni li tagħti l-appoġġ tagħha għall-estensjoni tal-moratorju dwar il-kummerċ elettroniku u l-moratorju dwar l-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u l-ilmenti dwar sitwazzjonijiet.

    (6)

    Huwa xieraq, għalhekk, li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fi ħdan il-Konferenza Ministerjali tad-WTO rigward l-estensjoni tal-moratorju fuq il-kummerċ elettroniku u l-moratorju dwar l-ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u l-ilmenti dwar sitwazzjonijiet,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tappoġġja l-estensjoni sal-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss, tal-moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi (“il-moratorju dwar il-kummerċ elettroniku”) u tal-moratorju dwar ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet, kif stabbiliti fl-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tad-WTO li ġejjin:

    ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet TRIPS […],

    kummerċ elettroniku […].

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. GUSTAS


    Top