EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0678

2013/678/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 316, 27.11.2013, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/11/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/678/oj

27.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/35


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Novembru 2013

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2013/678/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-8 ta’ April 2013, l-Italja talbet awtorizzazzjoni għal miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ċerti persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom jaqa’ taħt ċertu limitu, u biex iżżid dan il-limitu minn EUR 30 000 għal EUR 65 000. Permezz ta’ dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli jkunu eżenti minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal- VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(2)

Permezz tal-ittra datata l-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Italja. Permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

L-Istati Membri diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar skont it-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. Il-miżura estiża tagħti deroga mill-Artikolu 285 ta’ dik id-Direttiva fl-applikazzjoni tagħha għall-Italja biss sakemm il-limitu tal-fatturat annwali tal-iskema huwa ogħla mil-limitu ta’ EUR 5 000.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE (2), l-Italja kienet awtorizzata li teżenta, bħala miżura derogatorja, persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 30 000 sal-31 ta’ Diċembru 2010. L-applikazzjoni ta’ dik id-deroga sussegwentement kienet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2013 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE (3). Peress li dak il-limitu rriżulta f’obbligi tal-VAT imnaqqsa għan-negozji ż-żgħar, l-Italja għandha tiġi awtorizzata li tapplika dik il-miżura għal perjodu limitat ulterjuri, u li iżżid il-limitu għal EUR 65 000. Persuni taxxabbli għandhom xorta jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(5)

Sabiex il-miżura ssir disponibbli għal għadd ikbar ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u b’hekk tikkorrispondi mal-miri tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa”, l-Italja għandha tiġi awtorizzata li żżid il-limitu tal-fatturat annwali li taħtu ċerti persuni taxxabbli jistgħu jkunu eżenti mill-VAT minn EUR 30 000 għal EUR 65 000.

(6)

Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (4) bl-għan li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, li inkludiet dispożizzjonijiet immirati li jippermettu lill-Istati Membri biex jiffissaw limitu annwali ta’ fatturat għall-iskema ta’ eżenzjoni tal-VAT sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li jiġi aġġornat l-ammont kull sena. It-talba għall-estensjoni ppreżentata mill-Italja hija kompatibbli mal-proposta, li dwarha l-Kunsill għadu ma setax jilħaq ftehim.

(7)

Mill-informazzjoni provduta mill-Italja, il-miżura ta’ deroga għandha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum u ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 65 000.

L-Italja tista’ żżid dak il-limitu sabiex iżżomm il-valur tal-eżenzjoni f’termini reali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti tal-fatturat annwali li taħtu l-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT, jew sal-31 ta’ Diċembru 2016, jiddependi liema data tkun l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE tal-15 ta’ Settembru 2008 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13).

(3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE tal-15 ta’ Ottubru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 294, 12.11.2010, p. 12).

(4)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).


Top