Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0527

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/527/PESK tal- 24 ta’ Ottubru 2013 li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika

    ĠU L 284, 26.10.2013, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2015: This act has been changed. Current consolidated version: 25/09/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/527/oj

    26.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/527/PESK

    tal-24 ta’ Ottubru 2013

    li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-8 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/819/PESK (1) li taħtar lis-Sur Alexander RONDOS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta' Ottubru 2013.

    (2)

    Fil-11 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/450/PESK (2) li taħtar lis-Sinjura Rosalind MARSDEN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta' Ottubru 2013.

    (3)

    Il-mandat tar-RSUE għall-Qarn tal-Afrika, is-Sur Alexander RONDOS, għandu jiġi mkabbar biex jinkludi elementi dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 12-il xahar.

    (4)

    Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    1.   Il-mandat tas-Sur Alexander RONDOS bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika huwa b'dan estiż sal-31 ta' Ottubru 2014. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi terminat qabel dan, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

    2.   Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, il-Qarn tal-Afrika huwa definit bħala li jikkonsisti mir-Repubblika ta' Ġibuti, l-Istat tal-Eritrea, ir-Repubblika Demokratika Federali tal-Etjopja, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Repubblika Federali tas-Somalja, ir-Repubblika tas-Sudan, ir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel u r-Repubblika tal-Uganda. Għal kwistjonijiet b'implikazzjonijiet reġjonali aktar wesgħin, ir-RSUE għandu jipparteċipa ma' pajjiżi u entitajiet reġjonali lil hinn mill-Qarn tal-Afrika, kif adatt.

    Artikolu 2

    Objettivi ta’ politika

    1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika kif stabbilit fil-qafas strateġiku tiegħu adottat fl-14 ta’ Novembru 2011 u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti, biex jikkontribwixxi b’mod attiv għall-isforzi reġjonali u internazzjonali għall-kisba ta' koeżistenza paċifika u paċi, sigurtà u żvilupp dejjiema ġewwa u bejn il-pajjiżi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jimmira wkoll biex isaħħaħ il-kwalità, l-intensità, l-impatt u l-viżibilità tal-parteċipazzjoni f'diversi aspetti tal-Unjoni fil-Qarn tal-Afrika.

    2.   L-objettivi ta' politika tal-Unjoni jinkludu, fost oħrajn:

    (a)

    it-tkomplija tal-istabbilizzazzjoni tas-Somalja, b'mod partikolari l-perspettiva ta' dimensjoni reġjonali;

    (b)

    il-koeżistenza paċifika tas-Sudan u s-Sudan t'Isfel bħala żewġ stati vijabbli u għonja bi strutturi politiċi sodi u ta' min joqgħod fuqhom;

    (c)

    ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti attwali u l-evitar ta' kunflitti potenzjali bejn jew fi ħdan pajjiżi fir-reġjun;

    (d)

    is-sostenn lill-kooperazzjoni politika, ekonomika u ta' sigurtà reġjonali.

    Artikolu 3

    Mandat

    1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    jipparteċipa mal-partijiet interessati kollha tar-reġjun, il-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, bil-għan li jitkomplew l-objettivi ta' politika tal-Unjoni u jikkontribwixxi għal ftehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fir-reġjun;

    (b)

    jirrappreżenta lill-Unjoni f’fora internazzjonali rilevanti, kif adatt, u jiżgura l-viżibbiltà għall-appoġġ tal-Unjoni fl-immaniġġar ta' kriżijiet, kif ukoll fir-riżoluzzjoni u l-prevenzjoni tal-konflitti;

    (c)

    iħeġġeġ u jappoġġa l-kooperazzjoni politika u tas-sigurtà kif ukoll l-integrazzjoni ekonomika effettivi fir-reġjun permezz tas-sħubija tal-Unjoni mal-Unjoni Afrikana (UA) u l-organizzazzjonijiet sub-reġjonali, b'mod partikolari l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD);

    (d)

    isegwi l-iżviluppi politiċi fir-reġjun u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni lejn ir-reġjun, inkluż fir-rigward tas-Somalja, is-Sudan, is-Sudan t'Isfel, il-kwistjoni tal-fruntiera Etijopja-Eritrea u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Alġeri, l-inizjattiva dwar il-Baċin tan-Nil u tħassib ieħor f'dak ir-reġjun li għandu impatt fuq is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tiegħu;

    (e)

    fir-rigward tas-Somalja, u b'ħidma f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Mibgħut Speċjali tal-UE għas-Somalja u l-imsieħba reġjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Rappreżentant Speċjali għas-Somalja u l-Unjoni Afrikana, jikkontribwixxi b'mod attiv għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal stabbilizzazzjoni akbar u arranġamenti ta' wara t-transizzjoni għas-Somalja, b'enfasi fuq il-promozzjoni ta' approċċ internazzjonali koordinat u koerenti għas-Somalja, il-bini ta' relazzjonijiet ta' viċinat tajbin u l-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà fis-Somalja, inkluż, permezz tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għal-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali (EUTM Somalia), EUNAVFOR Atalanta, EUCAP Nestor u t-tkomplija tal-appoġġ tal-Unjoni għall-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri;

    (f)

    fir-rigward tas-Sudan u s-Sudan t'Isfel, u b'ħidma mill-qrib mal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE rispettivi, jikkontribwixxi għall-koerenza u l-effettività tal-politika tal-Unjoni għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel u jappoġġa l-koeżistenza paċifika tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Addis u r-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet li għadhom pendenti fir-rigward tal-Ftehim ta' Paċi Komprensiv, inkluż Abyei, soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitti li għaddejjin, b'mod partikolari fid-Darfur, il-Kordofan tan-Nofsinhar u l-Blue Nile, il-bini tal-istituzzjonijiet fis-Sudan t'Isfel u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali. F'dan ir-rigward, ir-RSUE ser jikkontribwixxi għal approċċ internazzjonali koerenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UA u b'mod partikolari l-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan (AUHIP), in-Nazzjonijiet Uniti u partijiet interessati reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra.

    (g)

    isegwi mill-qrib l-isfidi transkonfini li jolqtu l-Qarn tal-Afrika, inkluż it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni, is-sigurtà u l-piraterija marittima, il-kriminalità organizzata, il-kontrabandu tal-armi, il-flussi ta’ refuġjati u migrazzjoni u kwalunkwe konsegwenza politika u ta’ sigurtà tal-kriżijiet umanitarji;

    (h)

    jippromovi l-aċċess umanitarju fir-reġjun kollu;

    (i)

    jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Qarn tal-Afrika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK (3) u l-politika tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom u l-politika tal-Unjoni dwar ir-Riżoluzzjoni (UNSCR) 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz ta' monitoraġġ u rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll l-ifformular ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward.

    2.   Għall-fini tat-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost oħrajn:

    (a)

    jagħti parir u jirrapporta dwar id-definizzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni fil-fora internazzjonali, kif adatt, sabiex jippromovi b'mod proattiv l-approċċ komprensiv tal-Unjoni lejn il-Qarn tal-Afrika;

    (b)

    ikollu idea ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

    3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kummissjoni.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Novembru 2013 sal-31 ta' Ottubru 2014 għandu jkun ta' EUR 2 720 000.

    2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni dwar l-infiq kollu.

    Artikolu 6

    Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

    1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-għarfien espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika u ta’ sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jgħarraf fil-pront u regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea kkonċernata jew l-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibgħat, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tibgħat jew tas-SEAE, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kkollokat mad-dipartimenti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni rilevanti sabiex jikkontribwixxi għall-koerenza u konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjonijiet tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 (4).

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

    2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, kif meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u skont is-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (c)

    jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li ser jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona tal-missjoni, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

    (d)

    jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u li jipprovdi lill-Kunsill, ir-RGħ, u l-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rappurtar

    1.   Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b’rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill kif meħtieġ. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

    2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta dwar l-aħjar mod sabiex jintlaħqu l-inizjattivi tal-Unjoni, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi, u inkluż l-aspetti politiċi tal-proġetti ta’ żvilupp rilevanti tal-Unjoni, f’koordinazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjonijiet tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex ikun żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjoni tal-Istati Membri jiġu użati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta' RSUE oħra attivi fir-reġjun, b’mod partikolari mar-RSUE għall-UA u mal-Mibgħut Speċjali tal-UE għas-Somalja. Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi informazzjoni lill-missjonijiet tal-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

    2.   Fuq il-post tal-operazzjonijiet għandu jinżamm kollegament mill-qrib u komunikazzjoni mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu l-aqwa sforzi biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kmandant tal-Forzi tal-EUNAVFOR Atalanta, il-Kmandant tal-Missjoni tal-EUTM Somalia, il-Kap ta’ EUCAP Nestor u l-Kap ta' EUAVSEC fis-Sudan t'Isfel. Ir-RSUE, il-Kmandanti tal-Operazzjonijiet tal-UE u l-Kmandanti tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lill xulxin kif meħtieġ.

    3.   Ir-RSUE għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi involuti, in-NU, l-UA, l-IGAD, partijiet interessati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra, u wkoll mas-soċjetà ċivili fir-reġjun.

    Artikolu 13

    Analiżi

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu eżaminati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport ta' progress lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni sal-aħħar ta' April 2014 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. LINKEVIČIUS


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/819/PESK tat- 8 ta’ Diċembru 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (ĠU L 327, 9.12.2011, p. 62).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/450/PESK tal-11 ta’ Awwissu 2010 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan (ĠU L 211, 12.8.2010, p. 42).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal- 21 ta’ Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK (ĠU, L 76, 22.3.2011, 56-58).

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17).


    Top