Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0475

2013/475/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta' Settembru 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni skont il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, li tikkonċerna d-Deċiżjoni Nru 0004 li temenda l-Anness 1 għall-Ftehim

ĠU L 257, 28.9.2013, pp. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/475/oj

28.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Settembru 2013

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni skont il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, li tikkonċerna d-Deċiżjoni Nru 0004 li temenda l-Anness 1 għall-Ftehim

(2013/475/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/719/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (1) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2011.

(2)

Skont l-Artikolu 3.C.2 tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (2) (“il-Ftehim”), il-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 3.A tal-Ftehim jista’ jemenda l-Annessi għall-Ftehim skont l-Artikolu 19.B tiegħu.

(3)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni skont l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni 2011/719/UE fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 0004 tal-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni li temenda l-Anness 1 għall-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3.A tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Anness 1 għall-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni Nru 0004 tal-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)   ĠU L 291, 9.11.2011, p. 1.

(2)   ĠU L 291, 9.11.2011, p. 3.


ABBOZZ

IL-BORD BILATERALI TA’ SUPERVIŻJONI GĦALL-FTEHIM

Bejn l-istati uniti tal-amerika u l-komunità ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

Reġistrar tad-deċiżjoni

Deċiżjoni Nru 0004

F’konformità mal-Artikolu 19.B tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u dwar Kooperazzjoni fir-Regolamentazzjoni tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili (il-“Ftehim”), li jipprevedi emendi fl-Annessi għall-Ftehim li għandhom isiru permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-Ftehim, il-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni b’dan jiddeċiedi kif ġej:

1.

Li jiġi emendat l-Anness 1 tal-Ftehim billi jiżdied paragrafu ġdid 3.2.11 bit-test li ġej:

“3.2.11

(a)

Mill-1 ta’ Jannar 2014, id-drittijiet imposti matul kwalunkwe sena kalendarja minn xi Aġent Tekniku fuq applikant jew entità regolata għal validazzjoni mwettqa minn dak l-Aġent Tekniku skont 3.2.4 biex japprova

(i)

id-disinn ta’ inġenju tal-ajru, il-magna ta’ inġenju tal-ajru, skrun, jew tagħmir;

(ii)

ċertifikat tat-tip supplimentali;

(iii)

ċerti bidliet kbar fid-disinn tat-tip, kif definit fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni teknika; jew

(iv)

bidliet akustiċi u fl-emissjonijiet

ma għandhomx jaqbżu l-95 % tad-drittijiet li l-Aġent Tekniku kieku kien jimponi fuq l-applikant jew l-entità regolata matul dik l-istess sena kalendarja fil-ħruġ ta’ approvazzjoni ekwivalenti ta’ disinn, ċertifikat tat-tip supplimentali, bidla kbira, jew bidla akustika jew fl-emissjonijiet bl-użu ta’ proċess ta’ ċertifikazzjoni.

(b)

Id-drittijiet imposti matul kwalunkwe sena kalendarja minn xi Aġent Tekniku fuq applikant jew entità regolata għal validazzjoni mwettqa minn dak l-Aġent Tekniku skont 3.2.4 għandhom jirriflettu l-effiċjenzi miksuba bl-użu ta’ proċess ta’ validazzjoni minflok proċess ta’ ċertifikazzjoni. Tali effiċjenzi u tnaqqis ta’ drittijiet relatati għandhom jiġu ssostanzjati permezz ta’ dejta rilevanti. Għaldaqstant, il-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni għandu jirrevedi perjodikament, u permezz ta’ deċiżjoni jaġġusta kif xieraq, il-perċentwali f’(a) hawn fuq.”

2.

Ir-reviżjoni perjodika indikata fil-paragrafu l-ġdid 3.2.11 (b) għandha ssir fuq it-talba ta’ xi waħda mill-Partijiet iżda mhux aktar minn darba kull sentejn. Kif previst fil-paragrafu 2.2.1 tal-Anness 1 tal-Ftehim, il-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni għandu jiġi assistit mill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni fit-twettiq ta’ tali reviżjonijiet u fl-iżvilupp ta’ kwalunkwe deċiżjoni neċessarja. Ir-reviżjoni u d-deċiżjoni għandhom ikunu bbażati fuq dejta pprovduta mill-Aġenti Tekniċi.

L-emenda għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-aħħar firma hawn taħt.

Għall-Bord Bilaterali ta’ Superviżjoni:

AMMINISTRAZZJONI FEDERALI TAL-AVJAZZJONI

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

DIPARTIMENT TAT-TRASPORT

L-UNJONI EWROPEA

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

 

PERMEZZ TA’

:

_

PERMEZZ TA’

:

_

TITLU

:

Amministratur Assoċjat għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni

TITLU

:

Direttur, Affarijiet tal-Avjazzjoni u tat-Trasport Internazzjonali, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport

DATA:

DATA:

POST

:

Washington, DC

POST

:

Brussell, il-Belġju


Top