Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0440

    2013/440/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Awwissu 2013 li ttemm il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan

    ĠU L 223, 21.8.2013, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/440/oj

    21.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 223/13


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-20 ta’ Awwissu 2013

    li ttemm il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan

    (2013/440/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    (1)

    Fit-28 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea irċeviet ilment dwar l-allegat dumping dannuż ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), u t-Tajwan skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tagħmir Iwweldjat Tarf ma’ Tarf tal-Azzar li Ma Jsaddadx tal-Unjoni Ewropea (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f’dan il-każ aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx.

    (2)

    L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali li rriżultat minnu, li tqies biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċedura ta’ anti-dumping.

    (3)

    Fl-10 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, ħabbret, permezz ta’ avviż maħruġ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu ta’ proċediment ta’ anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), u t-Tajwan.

    (4)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-bidu tal-proċediment lill-esportaturi/produtturi fir-RPĊ u t-Tajwan, l-importaturi, l-utenti u xi assoċjazzjonijiet magħrufa li għandhom x’jaqsmu, l-awtoritajiet tar-RPĊ u l-produtturi kollha magħrufa tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu.

    (5)

    Il-partijiet kollha interessati li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari biex jinstemgħu ngħataw smigħ.

    B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TWAQQIF TAL-PROĊEDIMENT

    (6)

    Permezz tal-ittra tat-27 ta’ Ġunju 2013 indirizzata lill-Kummissjoni, l-ilmentatur irtira formalment l-ilment tiegħu.

    (7)

    Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    (8)

    L-investigazzjoni ma żvelat ebda konsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem imur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċediment preżenti għandu jintemm. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu l-ebda kummenti li jiġġustifikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (9)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-RPĊ u t-Tajwan għandu jintemm,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7307 23 10 u 7307 23 90, jintemm hawnhekk.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU C 342, 10.11.2012, p. 2.


    Top