Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0435

    2013/435/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Mejju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22843 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée u l-Compagnie Méridionale de Navigation (notifikata bid-dokument C(2013) 1926) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 220, 17.8.2013, p. 20–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 220, 17.8.2013, p. 20–20 (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/435/oj

    17.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 220/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-2 ta’ Mejju 2013

    dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22843 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée u l-Compagnie Méridionale de Navigation

    (notifikata bid-dokument C(2013) 1926)

    (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/435/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2)(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu (1),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 tal-Kunsill, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (2),

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-imsemmija Artikoli (3) u wara li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz tal-ittri tas-27 ta’ Settembru, tat-30 ta’ Novembru u tal-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment mill-kumpanija Corsica Ferries rigward għajnuniet illegali u mhux kompatibbli li minnhom is-Société nationale Corse-Méditerranée (minn hawn ’il quddiem l-“SNCM”) u l-Compagnie Maritime de Navigation (minn hawn ’il quddiem is-“CMN”) kienu qegħdin jibbenefikaw minħabba l-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku ffirmat bejn l-Awtorità territorjali ta' Korsika (minn hawn ’il quddiem is-“CTC”) u l-Uffiċċju tat-Trasport ta' Korsika (minn hawn ’il quddiem l-“OTC”), min-naħa, u l-SNCM u s-CMN, min-naħa l-oħra. Dan il-ftehim (minn hawn ’il quddiem l-“FDSP”) jirrigwarda l-konnessjoni marittima bejn Korsika u Marsilja għall-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2013. Permezz tal-ittri tal-20 ta’ Mejju 2010, tas-16 ta’ Lulju 2010, tat-22 ta’ Marzu 2011, tat-22 ta’ Ġunju 2011, tal-15 ta’ Diċembru 2011 u tal-10 ta’ Jannar 2012, l-ilmentatur bagħat informazzjoni oħra b’appoġġ għall-ilment tiegħu.

    (2)

    Permezz tal-ittri tas-17 ta’ Marzu 2008, tat-12 ta’ Novembru 2008, tat-13 ta’Ottubru 2011 u tal-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni lil Franza. L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw il-kummenti u t-tweġibiet tagħhom permezz tal-ittri tat-3 ta’ Ġunju 2008, tal-14 ta’ Jannar 2009, tas-7 ta’ Diċembru 2011 u tal-20 ta’ Jannar 2012 rispettivament.

    (3)

    Permezz tal-ittra datata s-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni għarrfet lil Franza dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-għajnuniet potenzjali favur l-SNCM u s-CMN fl-FDSP. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (minn hawn ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”) kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) fil-5 ta’ Ottubru 2012.

    (4)

    L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw il-kummenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet fid-deċiżjoni tal-ftuħ permezz tal-ittri tat-13 ta’ Lulju 2012, tas-7 ta’ Settembru 2012, tal-14 ta’ Novembru 2012 u tas-16 ta’ Jannar 2013.

    (5)

    Il-kumpaniji Corsica Ferries, l-SNCM u s-CMN ippreżentaw xi osservazzjonijiet matul il-perjodu maħsub għal dan fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Permezz tal-ittri tat-22 ta’ Ottubru 2012 u tal-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Franċiżi. Franza bagħtet il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi permezz tal-ittri tat-3 ta’ Jannar 2013 u tat-12 ta’ Frar 2013.

    2.   KUNTEST FATTWALI

    2.1.   IL-KONNESSJONI BEJN KORSIKA U L-KONTINENT

    (6)

    Kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-kontinwità territorjali bejn Korsika u Franza ġiet ipprovduta permezz tal-ewwel konċessjoni ta’ 25 sena ffirmata fl-1976 bejn l-SNCM u s-CMN, min-naħa, u l-Istat, min-naħa l-oħra. Mill-1 ta’ Jannar 2002, ir-rotot minn Marsilja biss kienu qegħdin jinqdew mill-SNCM u s-CMN b’kuntratt ta’ delega ta’ servizz pubbliku ffirmat mal-kollettività territorjali u l-OTC għall-perjodu ta' ħames snin.

    (7)

    Fil-każ tar-rotot l-oħrajn, ġiet implimentata skema ta’ għajnuna soċjali (5) b’mod parallel. Din l-iskema kif ukoll l-estensjoni tagħha għall-perjodu 2007-2013 ġew approvati mill-Kummissjoni (6).

    (8)

    Mill-1 ta’ Lulju 2007, l-SNCM u s-CMN ipprovdew is-servizzi bejn Marsilja u Korsika fil-qafas tal-FDSP, konluż fis-7 ta’ Ġunju 2007 (ara t-taqsima 2.5 hawn taħt). Dan il-ftehim jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    (9)

    Il-kumpaniji ewlenin li jaħdmu fis-suq tat-trasport marittimu bejn il-kontinent Franċiż u Korsika huma l-SNCM, is-CMN (ara t-taqsimiet 2.2 u 2.3 hawn taħt), u l-kumpanija Corsica Ferries, li topera servizzi minn Toulon u minn Nizza.

    (10)

    Is-servizz ta’ Korsika ilu kkaratterizzat minn diversi snin mill-istaġuni, bil-parti l-kbira tat-traffiku tal-passiġġieri tul ix-xhur tas-sajf. Matul is-snin 2000, it-tendenza prinċipali tas-swieq tat-trasport bejn Korsika u Franza kontinentali kienet l-iżvilupp tal-offerta ta’ trasport minn Toulon, li sar l-akbar servizz portwali ta’ Korsika f’dak li jirrigwarda t-traffiku. Huwa partikolarment importanti li wieħed jinnota li t-tendenza ta’ żieda fit-traffiku minn Toulon tmur lura għal qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna soċjali, fl-2002, u din kompliet minn dakinhar ’l hawn (7). Din it-tendenza hija konsistenti maż-żieda tas-sehem fis-suq tal-kumpanija Corsica Ferries.

    2.2.   L-SNCM

    (11)

    Magħżula fl-1976 mill-gvern Franċiż sabiex tiżgura l-kontinwità territorjali ma’ Korsika, l-SNCM hija kumpanija marittima li għandha l-uffiċċju ewlieni tagħha f’Marsilja. Hi tipprovdi servizz komplut lejn Korsika minn Marsilja u minn Nizza billi tgħaqqad dawn il-portijiet ma’ dawk ta’Ajaccio, Bastia, Calvi, Ile Rousse, Porto-Vecchio u Propriano.

    (12)

    L-SNCM tipprovdi wkoll is-servizz lil Sardinja (Porto Torres) minn Marsilja u minn Korsika (Ajaccio u Propriano). Fl-aħħar nett hija tgħaqqad ukoll l-Alġerija (Alġier, Skikda, Bejaia, Oran) u t-Tuneżija minn Sète, Marsilja u Toulon.

    (13)

    Sa Mejju 2006, 80 % tal-SNCM kienet proprjetà tal-Compagnie générale maritime et financière (CGMF) (8) u 20 % tas-Société nationale des chemins de fer (SNCF). Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-gvern Franċiż beda proċess ta’ privatizzazzjoni tal-SNCM li wassal sabiex ntgħażlet l-applikazzjoni ta’ Butler Capital Partners (38 % tal-ishma) assoċjata mal-grupp Connex, sussidjarja ta’ Veolia (28 % tal-ishma). L-impjegati taw 9 % tal-ishma, filwaqt li l-Istat żamm il-25 % li kien fadal permezz tas-CGMF.

    (14)

    Din il-privatizzazzjoni kienet tinkludi klawsola ta’ terminazzjoni favur Butler Capital Partners u Veolia, li setgħet tkun invokata b’mod partikolari mix-xerrejja fil-każijiet li ġejjin:

    f’każ ta’ deċiżjoni tas-CTC li tniedi konsultazzjoni dwar l-għoti ta’ ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku li jibda mill-1 ta’ Jannar 2007 li ma jikkonformax b’mod sostanzjali mal-linji gwida adottati mill-Assemblea Territorjali ta’ Korsika għat-tħaddim tar-rotot marittimi bejn Marsilja u Korsika mill-1 ta’ Jannar 2007 (9);

    f’każ li d-delega tingħata lil partijiet terzi jew lill-SNCM b’kundizzjonijiet ekonomiċi ferm eħżen.

    (15)

    It-trasferiment lis-settur privat kien akkumpanjat minn għadd ta’ miżuri ta’ ristrutturar soġġetti għal proċedura separata skont il-liġi tal-għajnuna mill-Istat (10).

    (16)

    Fl-10 ta’ Novembru 2008, Butler Capital Partners biegħet l-ishma tagħha lil Veolia Transport. Fl-2011, Veolia Transport ingħaqdet ma’ Transdev sabiex iffurmaw Veolia Transdev (11), li dak iż-żmien kellha 66 % tal-ishma. Fit-30 ta’ Marzu 2012, Veolia Environnement ikkonkludiet ftehim mas-CDC li skontu hija kellha terġa’ ssir is-sid tas-66 % tal-kapital tal-SNCM li qabel kienu miżmuma mill-impriża konġunta, għal prezz tat-trasferiment ta’ EUR 1.

    (17)

    Fil-preżent l-SNCM topera flotta ta’ 10 bastimenti, li minnhom sitta huma laneċ (12) u erbgħa huma vapuri tal-merkanzija mħalltin, il-Jean Nicoli  (13), il-Pascal Paoli, il-Paglia Orba u l-Monte d'Oro.

    2.3.   IS-CMN

    (18)

    Is-CMN hija kumpanija privata tat-tagħmir għall-bastimenti mwaqqfa fl-1931, li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha f’Marsilja, u li l-attività ewlenija tagħha hija s-servizz marittimu ta’ Korsika (merkanzija u passiġġieri), kif ukoll ta’ Sardinja.

    (19)

    Qabel it-2 ta’ Ottubru 2009, 53,1 % tas-CMN kienu tal-Compagnie Méridionale de Participations (CMP), 45 % tal-SNCM u 1,9 % tal-impjegati tagħha. Is-CMP innifisha kienet 55 % proprjetà tas-Société de travaux industriels et maritimes ta’ Orbigny (STIM ta’ Orbigny), sussidjarja tal-grupp STEF-TFE, u 45 % tal-Compagnie Générale de Tourisme et d'Hôtellerie (CGTH), 100 % sussidjarja tal-SNCM. Minn dik id-data, l-ishma li l-SNCM kellha direttament u indirettament fis-CMN inxtraw lura mill-grupp STEF. Il-grupp STEF issa għandu 97,9 % tal-kapital tas-CMN, flimkien mal-impjegati li għandhom 2,1 % tal-ishma.

    (20)

    Is-CMN tipprovdi parti mis-servizzi fuq tliet rotot bejn Korsika u Marsilja (Marsilja-Ajaccio, Marsilja-Bastia, u Marsilja-Propriano) taħt l-FDSP (ara t-taqsima 2.5 hawn taħt). Il-kumpanija topera b’mod parallel, barra d-delega ta’ servizz pubbliku, konnessjoni ma’ Sardinja (Porto Torres). Biex twettaq il-programm ta’ attivitajiet tagħha bħala parti mid- DSP, il-Méridionale għandha tliet bastimenti tal-merkanzija mħallta, il-Girolata, il-Piana (li ħa post l-iScandola) u l-Kalliste.

    2.4.   IL-KUNTRATT TA’ FTEHIM TA’ DELEGA TA’ SERVIZZ PUBBLIKU 2007-2013

    2.4.1.   IL-PROĊEDURA TA' AKKWIST TAL-FDSP

    (21)

    Hawnhekk il-Kummissjoni qiegħda tipprovdi biss ħarsa qasira lejn il-proċedura ta' akkwist tal-FDSP, li huwa s-suġġett ta’ deskrizzjoni in extenso fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (22)

    Fl-24 ta’ Marzu 2006, l-Assemblea ta’ Korsika approvat, bir-Riżoluzzjoni Nru 06/22, il-prinċipju ta’ tiġdid ta' delega ta’ servizz pubbliku tas-servizzi marittimi tal-portijiet ta’ Bastia, Ajaccio, Balagne (Ile-Rousse u Calvi), Porto-Vecchio u Propriano mill-port ta’ Marsilja mill-1 ta’ Jannar 2007.

    (23)

    Avviż ta’ sejħa pubblika għall-offerti ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU) fis-27 ta’ Mejju 2006 u fil-gazzetta Les Échos fid-9 ta’ Ġunju 2006. Ġew sottomessi erba offerti (14). Wara d-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2006 tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni (15) u d-deċiżjoni li ħa l-Kunsill tal-Istat fil-15 ta’ Diċembru 2006 (16), il-proċedura ta' akkwist tad-delega ta’ servizz pubbliku ġiet ikkanċellata kollha sabiex tiġi rrispettata l-konformità mal-obbligi tal-kompetizzjoni.

    (24)

    Permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 06/263 AC tat-22 ta’ Diċembru 2006, l-Assemblea ta’ Korsika ddeċidiet li tibda l-proċedura ta' akkwist tad-delega ta’ servizz pubbliku mill-ġdid u li testendi d-delega kurrenti sat-30 ta’ April 2007.

    (25)

    Għalhekk ġie ppubblikat avviż ieħor ta’ sejħa għall-offerti fit-30 ta’ Diċembru 2006 fil-ĠUUE, fl-4 ta’ Jannar 2007 f’Les Échos u fil-5 ta’ Jannar 2007 fil-Ġurnal tal-Marine Marchande. Żewġ kandidati ressqu l-offerti tagħhom, il-grupp bejn l-SNCM u s-CMN (17) minn naħa, u l-kumpanija Corsica Ferries (18) min-naħa l-oħra.

    (26)

    Il-parametri ekonomiċi proposti mill-grupp SNCM/CMN fl-offerta globali tiegħu ġew ippreżentati fid-deċiżjoni tal-ftuħ (19). Fit-28 ta’ Marzu 2007, il-grupp SNCM/CMN bagħat lill-OTC verżjoni mibdula tal-offerta tiegħu, li kienet tirriżulta b’mod partikolari fi tnaqqis sinifikanti tas-sussidju mitlub bħala kumpens tal-offerta globali. Dan wassal għal tibdil fil-livell stmat tat-traffiku, fil-valur tas-suq ta’ ċerti bastimenti tal-grupp, fid-data tal-kiri ta’ bastimenti ġodda, u kif ukoll fil-livell tal-iffrankar tal-kosti bejn l-offerta globali u l-offerti rotta b’rotta.

    (27)

    Wara li l-Assemblea ta’ Korsika aġġornat għall-1 ta’ Lulju 2007 id-data tal-bidu tad-delega l-ġdida u proċedura oħra ta’ negozjati, l-OTC ippropona li tiġi rrifjutata l-offerta ta’ Corsica Ferries (20).

    (28)

    Permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 07/108 tas-7 ta’ Ġunju 2007, l-Assemblea ta’ Korsika tat lill-grupp imsawwar mill-SNCM u mis-CMN id-delega ta’ servizz pubbliku għas-servizz marittimu bejn il-port ta' Marsilja u l-portijiet ta’ Korsika, u b’deċiżjoni fl-istess jum, il-president tal-kunsill eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Korsika ġie awtorizzat jiffirma l-FDSP (minn hawn ’il quddiem “iż-żewġ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Ġunju 2007”).

    2.4.2.   DUBJU DWAR IL-VALIDITÀ TAŻ-ŻEWĠ DEĊIŻJONIJIET TAS-7 TA’ ĠUNJU 2007

    (29)

    It-tribunal amministrattiv ta’ Bastia ma laqax fl-24 ta’ Jannar 2008 it-talba ta’ Corsica Ferries biex jannulla ż-żewġ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Ġunju 2007. Wara, il-Qorti amministrattiva tal-appell ta’ Marsilja annullat fis-7 ta’ Novembru 2011 is-sentenza tat-tribunal amministrattiv ta’ Bastia tal-24 ta’ Jannar 2008 kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Ġunju 2007.

    (30)

    Skont it-termini tas-sentenza tagħha, il-Qorti amministrattiva tal-appell stabbilixxiet il-ksur tar-Regolament Nru 3577/92 dwar il-kabotaġġ marittimu (21) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar il-kabotaġġ”) kif ukoll il-karattru illegali tal-għajnuna Statali tal-FDSP. F’dan ir-rigward is-sentenza tinvoka li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel punt tal-Artikolu 7 tal-FDSP jagħmlu lil din tal-aħħar inkonsistenti mat-tielet kriterju tal-ġurisprudenza Altmark  (22). Għaldaqstant, il-Qorti ordnat lill-Awtorità Reġjonali ta’ Korsika sabiex ittemm bi proċedura ta' ftehim reċiproku l-FDSP qabel l-1 ta’ Settembru 2012 (23).

    (31)

    Fuq appell tal-SNCM u tas-CMN, il-Kunsill tal-Istat annulla fit-13 ta’ Lulju 2012 is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2011 (24) mogħtija mill-Qorti Amministrattiva tal-Appell, u rrefera l-kawża lill-Qorti amministrattiva tal-Appell ta’ Marsilja.

    2.5.   TFAKKIRA TAD-DISPOŻIZZJONIJIET EWLENIN TAL-FDSP

    (32)

    L-FDSP ġie ffirmat għall-perjodu li jkopri mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-għan tal-FDSP bħala l-provvista ta’ servizzi marittimi regolari fir-rotot kollha tad-delega ta' servizz pubbliku (minn hawn ’il quddiem id-“DSP”) bejn il-port ta’ Marsilja u l-portijiet li ġejjin: Bastia, Ajaccio, Porto-Vecchio, Propriano u Balagne.

    (33)

    L-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness 1 tal-FDSP jiddefinixxu n-natura ta’ dawn is-servizzi. B’mod partikolari, dan jiddistingwi:

    (i)

    is-servizz permanenti “passiġġieri u merkanzija” (25) li l-grupp SNCM-CMN għandu jipprovdi matul is-sena kollha (minn hawn ’il quddiem “is-servizz bażiku”) u

    (ii)

    is-servizz kumplimentari tal-passiġġieri (26) li għandu jkun ipprovdut fl-eqqel tat-traffiku, għal perjodu ta’ madwar 37 ġimgħa fuq ir-rotot Marsilja-Ajaccio u Marsilja-Bastia u għall-perjodu li jkopri mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ Settembru għar-rotta Marsilja-Propriano (minn hawn ’il quddiem “is-servizz kumplimentari”).

    (34)

    L-Artikolu 2 tal-FDSP jippreċiża l-kumpens finanzjarju ta’ referenza li fuqu d-delegati jaqblu sakemm iddum id-delega. L-ammonti ta’ dan il-kumpens finanzjarju ta’ referenza huma miġbura fit-tabella Nru 4 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (35)

    L-Artikolu 3 tal-FDSP jippreċiża li d-DSP ma tagħtix lok għall-esklussività fuq ir-rotot ikkunsidrati, iżda jagħmilha possibbli għal kumpaniji oħrajn li jwettqu servizz regolari mingħajr kumpens finanzjarju. Madankollu, kompetitur ġdid eventwali jkun soġġett għal xi obbligi ppreżentati fid-deċiżjoni tal-ftuħ (27). Barra minn hekk, l-Artikolu 3 jistipula li t-talbiet għall-kumpens finanzjarju tad-delegati kienu ddeterminati skont l-iskema ta’ għajnuna soċjali (28).

    (36)

    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5.2 tal-FDSP, il-kumpens finanzjarju finali ta’ kull delegat għal kull sena huwa limitat għad-defiċit operattiv li jirriżulta mill-obbligi tal-ispeċifikazzjonijiet filwaqt li titqies produzzjoni ta’ 15 % tal-valur konvenzjonali tal-flotta fi proporzjon mal-jiem tal-użu effettiv tagħha għall-vjaġġi li jikkorrispondi għal dawn l-obbligi. Il-valur konvenzjonali huwa speċifikat fl-Anness III għall-FDSP (29).

    (37)

    L-Artikolu 7 tal-FDSP (minn hawn ’il quddiem “il-klawsola ta’ salvagwardja”) jippermetti t-tibdil tal-ammonti tas-somom f’daqqa annwali tal-kumpens finanzjarju mħallas lid-delegati konġunti, skont l-impenni tagħhom, stabbiliti sa tmiem l-FDSP fl-Artikolu 2 tiegħu.

    (38)

    L-Artikolu 7.1 jistipula li l-partijiet għandhom jiltaqgħu, f’każ ta’ tibdil kbir fil-kundizzjonijiet tekniċi, regolatorji jew ekonomiċi tal-kuntratt, sabiex jieħdu miżuri li jirrestawraw il-bilanċ finanzjarju inizjali, “speċjalment rigward it-tariffi massimi u l-adattament tas-servizzi”.

    (39)

    L-Artikolu 7.2 tal-FDSP ifakkar li l-ammonti tal-kumpens finanzjarju huma stabbiliti skont il-previżjonijiet tad-dħul mill-passiġġieri u mit-traffiku. Kull sena, fuq is-suppożizzjoni li l-valur assolut tad-differenza bejn id-dħul stmat (30) u d-dħul reali huwa ogħla minn 2 % tad-dħul stmat (31), jiġi pprovdut aġġustament ’l isfel jew ’il fuq tal-kumpens finanzjarju, għal kull kategorija ta’ dħul, u għal kull delegat (32).

    (40)

    Fl-FDSP (33) huwa previst li l-aġġustamenti tal-kumpens taħt din il-klawsola kellhom jingħataw limitu bi ftehim bejn il-partijiet matul it-tielet sena tal-implimentazzjoni tad-delega.

    (41)

    Id-dħul stmat għaż-żewġ tipi ta’ traffiku u ż-żewġ delegati huwa miġbur fil-qasir fit-tabella Nru 5 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (42)

    B’applikazzjoni tal-klawsola ta’ adattament, il-ftehim tad-delega ta’ servizz ġie modifikat permezz tal-emenda tat-28 ta’ Diċembru 2009. Din l-emenda wasslet sabiex jitneħħew 108 vjaġġ fis-sena bejn Marsilja u Korsika. In-numru ta’ postijiet disponibbli b’hekk naqas minn 9 000 għal 8 000 matul il-vaganzi tal-Milied, minn 3 500 għal 2 300 matul il-perjodu “rebbiegħa-ħarifa” u minn 85 000 għal 71 000 matul il-perjodu tas-“sajf” fuq ir-rotta Marsilja-Ajaccio. Il-kapaċità tas-servizz kumplimentari naqset b’7000 post fuq ir-rotta bejn Marsilja u Propriano.

    (43)

    L-OTC iddefinixxa wkoll mill-ġdid il-perjodi ta’ traffiku billi għamel distinzjoni bejn il-perjodu tal-eqqel staġun – perjodu ta’ 11-il ġimgħa tas-sajf, bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Settembru – u l-perjodu tal-istaġun medju – perjodu ta’ 22 ġimgħa minn April sa Ġunju u mill-bidu ta’ Settembru sal-aħħar ta’ Ottubru minbarra l-vaganzi tal-iskola fir-rebbiegħa u l-vaganzi tal-Qaddisin Kollha.

    (44)

    It-tariffi u l-kumpens finanzjarju nbidlu wkoll. Fir-rigward tat-tariffi finanzjarji ta’ referenza, il-korrezzjoni (valur tas-sena 2007) mill-2010 sal-2013 twassal għal tnaqqis tal-ammonti annwali ta’ EUR 6,5 miljun għaż-żewġ delegati. L-ammonti riveduti tal-kumpens u tad-dħul stmat huma ppreżentati fit-tabelli Nri 7 u 8 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (45)

    Skont il-FDSP (34), 95 % tal-ammonti ta’ kumpens stmati indiċjati huma mħallsa b’pagamenti kull xahar fi żmien sebat ijiem wara t-trażmissjoni ta’ rapport qasir dwar l-implimentazzjoni tas-servizzi. Il-kumpens li jifdal, miżjud jew imnaqqas bl-aġġustamenti, jitħallas fis-sena, fi żmien 15-il jum wara t-trażmissjoni tar-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tas-servizzi.

    (46)

    It-total tal-kumpensi provviżorji kien ta’ EUR 659 miljun fl-2007. Minħabba l-klawsoli ta’ eskalazzjoni (inflazzjoni) u ta’ aġġustament (differenza bejn id-dħul reali u previst, il-bidliet fil-prezzijiet tal-fjuwil, il-penali), l-ammont tal-kumpens attwalment imħallas sal-2011 huwa dan li ġej:

    K€

    2007

    2008

    2009

    2010

    2011

    Total

    Total SNCM

    34,242

    77,779

    82,672

    78,577

    87,275

    360,545

    li minnhom għas-servizz bażiku

    20,453

    39,343

    41,818

    39,423

    46,123

    187,160

    li minnhom għas-servizz kumplimentari

    13,764

    38,415

    40,738

    39,018

    40,839

    172,774

    CMN

    12,525

    28,067

    29,270

    29,184

    33,853

    132,899

    Total

    46,766

    105,846

    111,942

    107,761

    121,128

    493,443

    (47)

    Il-kumpens imħallas lill-SNCM, stabbilit b’mod globali permezz tal-Artikolu 2 tal-FDSP, huwa maqsum bejn is-servizz bażiku (mogħti mill-bastimenti tal-merkanzija mħallta) u s-servizz kumplimentari (mogħti mill-vapuri tal-passiġġieri) skont sett ta’ regoli ta’ allokazzjoni li jipprovdu primarjament distribuzzjoni pro rata tar-riżultat – negattiv (35) – qabel il-kumpens finanzjarju ta’ kull wieħed mit-tipi ta’ servizz, kif stipulat fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-offerta tal-grupp SNCM-CMN (36).

    3.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA FORMALI TA’ EŻAMINAZZJONI

    (48)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-obbligu ta’ servizz pubbliku stabbilit, b’mod partikolari peress li dan jinkludi fl-istess waqt is-servizz bażiku u s-servizz kumplimentari. Il-Kummissjoni sabet li l-inklużjoni fid-DSP tas-servizz kumplimentari setgħet tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 3577/92 imsemmi qabel, li jwassal għan-nuqqas ta’ rispett tal-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark (obbligi ta’ servizz pubbliku definiti b’mod ċar). Il-Kummissjoni fil-fatt innutat li l-awtoritajiet Franċiżi ma wrewx il-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku għas-servizz kumplimentari u li dan ma kienx jidher indispensabbli għat-twettiq tajjeb tas-servizz bażiku.

    (49)

    It-tieni, il-Kummissjoni wriet dubji dwar il-parametri tal-kumpens tas-servizz pubbliku previsti mill-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku (ara l-premessi 86 sa 94 tad-deċiżjoni tal-ftuħ) u l-konformità tagħhom mat-tieni kriterju tas-sentenza Altmark (parametri stabbiliti minn qabel biex ikun iddeterminat l-ammont tal-kumpens). Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet b’mod preliminari li l-varjazzjonijiet fl-ammont ta’ dħul stmat bejn l-offerti differenti magħmula mid-delegati seta' kellhom bħala effett li jagħmlu l-parametri tal-mekkaniżmu ta’ kumpens inqas trasparenti. Fl-aħħar nett, ċerta informazzjoni kienet tindika li seta’ ngħata xi kumpens finanzjarju lid-delegati barra mill-qafas tal-FDSP.

    (50)

    It-tielet, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm ġie rrispettat it-tielet kriterju tas-sentenza Altmark (kumpens ġust għall-kosti mġarrba mill-obbligi ta’ servizz pubbliku). Qalet li ma kellhiex l-informazzjoni meħtieġa li tindika li l-kodelegati ma rċevew l-ebda kumpens żejjed, b’mod partikolari fid-dawl tal-valutazzjoni tal-qligħ raġonevoli. Hija kienet imħassba wkoll b’mod partikolari dwar jekk l-Artikolu 5.2 tal-FDSP (ara l-premessi 95 sa 102 tad-deċiżjoni tal-ftuħ) kienx biżżejjed sabiex jevita kull kumpens żejjed għall-kosti tal-fornituri.

    (51)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni wriet dubji dwar kemm kienet reali u miftuħa l-kompetizzjoni permessa mill-proċedura ta' akkwist, li hekk biss kienet twassal għall-għażla tal-offerent li jkun kapaċi jipprovdi s-servizzi inkwistjoni bl-inqas kost għall-komunità, skont ir-rekwiżiti tar-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark (l-għażla tal-fornitur tas-servizz). Il-Kummissjoni ma kinitx eskludiet b’mod partikolari li r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet, inklużi dawk relatati mal-età massima tal-flotta u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata offerta komprensiva fuq ir-rotot kollha servuti, seta' kellhom l-effett li jipprevjenu kompetizzjoni effettiva għall-għoti tal-FDSP.

    (52)

    B’hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha dwar jekk l-FDSP kienx jissodisfa l-kriterji kollha tas-sentenza Altmark. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-SNCM u s-CMN gawdew minn vantaġġ selettiv mogħti permezz tal-FDSP. Barra minn hekk, minħabba li ż-żewġ kumpaniji joperaw fuq suq liberalizzat għal kollox mill-1 ta’ Jannar (37), il-Kummissjoni sabet ukoll li dan il-vantaġġ selettiv seta’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (53)

    Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li ma setgħetx teskludi li l-kumpens riċevut mill-SNCM u mis-CMN fil-kuntest tal-FDSP kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha li, sakemm ma tkunx tista’ tikkonkludi li l-obbligi ta’ servizz pubbliku ġew definiti tajjeb, ir-regoli speċifiċi relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE jistgħu japplikaw. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni kienet identifikat il-Qafas tal-Unjoni Ewropea tal-2011 applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku (38), minn hawn ’il quddiem “il-Qafas SIEĠ”, bħala l-bażi ġuridika applikabbli, mingħajr ħsara għal xi bażi oħra ta’ kompatibbiltà possibbli, li Franza setgħet tinvoka.

    4.   IL-KUMMENTI TA’ FRANZA

    (54)

    L-awtoritajiet Franċiżi l-ewwel jirrimarkaw li r-rotot barra d-DSP għandhom kontijiet analitiċi separati mir-rotot operati b’delega.

    (55)

    Imbagħad jenfasizzaw li l-protokoll ta’ privatizzazzjoni jinkludi klawsola ta’ terminazzjoni waħda biss. Din il-klawsola setgħet b’mod partikolari tiġi implimentata f’każ li s-CTC tiddeċiedi li tniedi konsultazzjoni dwar l-għoti tal-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, f’każ li din id-delega ta’ servizz pubbliku ma tkunx konformi b’mod sostanzjali mal-linji gwida adottati mill-Assemblea Territorjali ta’ Korsika (39). L-awtoritajiet Franċiżi jgħidu li l-imsemmija klawsola tista’ tiġi implimentata wkoll fil-każ tal-għoti tad-delega lil parti terza, jew lill-SNCM f’kundizzjonijiet ekonomiċi konsiderevolment ħżiena.

    (56)

    L-awtoritajiet Franċiżi jinnutaw ukoll li l-SNCM m’għadx għandha interess indirett fis-CMN mit-2 ta’ Ottubru 2009, u b’hekk kwalunkwe relazzjoni finanzjarja bejn iż-żewġ kodelegati ġiet eliminata.

    (57)

    Huma jsemmu wkoll li t-tibdil tal-parametri tal-offerta tal-grupp SNCM/CMN bejn Frar 2007 u t-28 ta’ Marzu 2007 kien dovut għall-konsiderazzjoni tal-emendi relatati mal-livell previst tat-traffiku u mal-livell tal-kosti operattivi. Skonthom, il-valutazzjoni tal-valur tas-suq kienet ir-riżultat tal-valutazzjoni ta’ ditta ta’ senserija internazzjonali indipendenti, li sadanittant għamlet reviżjoni tal-istima tagħha bejn iż-żewġ offerti tal-SNCM.

    4.1.   DWAR IL-KWALIFIKA TAL-GĦAJNUNA

    (58)

    Franza ssottomettiet il-kummenti li ġejjin dwar il-valutazzjoni preliminari tal-issodisfar tal-kriterji tas-sentenza Altmark li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (59)

    Dwar l-eżistenza possibbli ta’ elementi ta’ għajnuna mill-Istat fl-FDSP, l-awtoritajiet Franċiżi jirreferu l-ewwel nett għas-sentenza mogħtija mill-Kunsill tal-Istat fit-13 ta’ Lulju 2012 (40) li permezz tagħha ġie deċiż li l-klawsola li tawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri biex jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ fiskali inizjali ma tikkostitwixxix fiha nfisha għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 tat-TFUE.

    4.1.1.   DWAR IL-FIRXA TAS-SERVIZZ PUBBLIKU U L-EWWEL KRITERJU TAS-SENTENZA ALTMARK

    (60)

    L-awtoritajiet Franċiżi jikkontestaw id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn “servizz bażiku” u “servizz kumplimentari”. Minflok, huma jqisu li l-FDSP jiddefinixxi żewġ staġuni u programmi li għalihom jikkorrispondu volumi ta’ offerti differenti skont l-aktar perjodi intensivi. Kollha f’daqqa jikkorrispondu għal servizz permanenti flimkien mal-kapaċitajiet minimi addizzjonali minħabba l-evoluzzjoni tat-traffiku.

    (61)

    Rigward l-issodisfar tal-ewwel kundizzjoni stabbilita mill-Qorti fis-sentenza Altmark, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta’ SIEĠ. Huma jenfasizzaw li l-kontroll tal-Kummissjoni huwa limitat għal dak li jawtorizza l-valutazzjoni tal-iżball manifest.

    (62)

    Huma jżidu li s-servizz permanenti huwa inseparabbli mis-servizz kumplimentari. L-awtoritajiet Franċiżi jirreferu għas-sentenza msemmija qabel tal-Kunsill tal-Istat li tikkonkludi li r-Regolament 3577/92 ma jipprekludix li l-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku tiġi vvalutata globalment, mingħajr ma jkun hemm bżonn jiġi eżaminat jekk din il-ħtieġa hijiex iġġustifikata f’kull ħin. L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw f’dan ir-rigward l-importanza li l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku ma jiġix limitat għall-attivitajiet li ma jagħmlux qligħ sabiex jiżguraw ekwalizzazzjoni. Huma jiddikjaraw insostenn tal-pożizzjoni tagħhom li l-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP ma jirrikjedux l-użu ta’ bastimenti differenti għas-servizz permanenti u għas-servizz kumplimentari.

    (63)

    Rigward il-kapaċità tal-operaturi tas-suq li jipprovdu s-servizz ta’ trasport marittimu, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-evoluzzjoni tat-traffiku tar-rotta bejn Marsilja u Korsika mqabbla ma’ dik tar-rotta bejn Toulon u Korsika ma tistabbilixxix fiha nnifisha żball manifest fid-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tas-SIEĠ. Huma jfakkru li f’deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2006 (41), il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonkluda dwar in-nuqqas ta’ sostitwibbiltà bejn is-swieq tad-diversi servizzi ta’ Korsika. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li r-rotot marittimi minn Marsilja huma suq rilevanti.

    (64)

    L-awtoritajiet Franċiżi jemmnu wkoll li x-xejra negattiva tat-traffiku minn Marsilja fl-2004 u fl-2005 kienet ġejja mill-qtugħ tas-servizz għal aktar minn xahar minħabba movimenti soċjali fl-SNCM. Għall-kuntrarju, iż-żieda fit-traffiku minn Toulon hija parzjalment dovuta għal effett tal-assorbiment tad-domanda mill-portijiet tal-Italja.

    (65)

    Fl-aħħar nett huma jsostnu li s-CTC ma għamlet l-ebda oversizing tal-offerta. Il-livell tal-kapaċitajiet kien ġej b’mod partikolari mill-ħtieġa ta’ kontinwità tas-servizz pubbliku, kif ukoll, b’mod aktar ġenerali, mid-dispożizzjonijiet tal-FDSP li jimponu obbligi ta’ tariffi u ta’ kwalità tas-servizz.

    4.1.2.   DWAR IL-KRITERJI L-OĦRAJN TAS-SENTENZA ALTMARK

    (66)

    Rigward il-konformità mat-tieni u t-tielet kriterji tas-sentenza Altmark imsemmija qabel, l-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw l-ewwel nett li l-Artikolu 7.1 tal-FDSP, li jippermetti lill-partijiet jiltaqgħu sabiex jiddeterminaw il-miżuri biex jirrestawraw il-bilanċ finanzjarju tal-bidu, m’għandux jiddetermina minn qabel il-forma ta’ dan l-adattament. Din il-libertà hija kundizzjoni meħtieġa għall-flessibbiltà tas-servizz skont l-ambjent tiegħu. Imbagħad l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li dawn l-emendi fl-FDSP jistgħu kemm iżidu kif ukoll inaqqsu l-kumpens finanzjarju mħallas, iżda li huma jirrigwardaw l-aktar l-obbligi tad-delegati jew il-prezzijiet imħallsa mill-utenti. Għall-awtoritajiet Franċiżi, fil-każ li kellha tiġi deċiża żieda tal-kumpens imħallas mis-CTC, aktarx li din il-miżura kienet tkun dik ivvalutata fid-dawl tal-kriterji tas-sentenza Altmark imsemmija qabel, u mhux l-Artikolu 7.1 tal-FDSP innifsu.

    (67)

    Rigward l-issodisfar tar-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark iċċitata aktar ’il fuq, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw il-grad ta’ kompetizzjoni pprovdut mill-proċedura ta' akkwist bħala suffiċjenti. Huma jargumentaw ukoll li din il-proċedura rriżultat f’diversi applikazzjonijiet u offerti, li ma ġiet irreġistrata l-ebda talba jew rikors kontra l-kundizzjonijiet imposti mill-ispeċifikazzjonijiet, li l-offerti kollha kienu nnegozjati b’mod attiv, fejn il-president tas-CTC għamel għażla bejn diversi offerti, u li d-differenzi tagħhom fit-termini ta’ kwalità ma jappoġġjawx it-teżi ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva, u li s-suċċessjoni ta’ tilwim dwar id-DSP inkwistjoni tistabbilixxi fiha nfisha r-realtà tal-kompetizzjoni fl-azzjoni.

    (68)

    Barra minn hekk l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw l-indipendenza bejn il-proċedura ta’ privatizzazzjoni tal-SNCM u l-proċedura ta’ delega tas-servizz pubbliku kif ukoll ir-responsabbiltà sħiħa u unika tas-CTC f’dak li jirrigwarda s-servizz marittimu ta’ Korsika.

    (69)

    Finalment, bi tweġiba għad-dubji tal-Kummissjoni mfakkra fil-premessa 51 aktar ’il fuq, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw li l-Istati Membri jistgħu b’mod leġittimu (42), fid-definizzjoni ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport marittimu, jimponu obbligi li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet li jirrigwardaw 1/il-portijiet li jingħataw is-servizz, 2/ir-regolarità, 3/il-kontinwità, 4/il-frekwenza, 5/il-kapaċità ta’ provvista tas-servizz, 6/it-tariffi użati u 7/l-ekwipaġġ tal-bastiment.

    4.2.   KOMPATIBBILTÀ MAS-SUQ INTERN

    (70)

    B’mod sussidjarju, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-kundizzjonijiet kollha tal-Qafas SIEĠ, jekk hija d-definizzjoni tas-SIEĠ, il-preċiżjoni tal-mandat, it-tul mhux eċċessiv tiegħu, il-konformità mad-Direttiva 2006/111/KE dwar it-trasparenza finanzjarja (43) kif ukoll n-nuqqas ta’ kumpens żejjed, huma rrispettati f’dan il-każ partikolari.

    5.   OSSERVAZZJONIJIET MILL-PARTIJIET TERZI INTERESSATI

    5.1.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-KUMPANIJA CORSICA FERRIES

    (71)

    Corsica Ferries tfakkar l-ewwel nett il-kwistjoni ekonomika tat-trasport marittimu lejn Korsika għall-atturi tas-suq, filwaqt li tenfasizza b’mod partikolari li l-użu tal-linji kkunsidrati ġeneralment jirrappreżenta sehem mill-introjtu nett tal-operaturi ogħla mill-fatturat tagħhom li jirriżulta minn din l-attività (44).

    5.1.1.   DWAR IL-KWALIFIKA TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT TAL-FDSP

    (72)

    L-ewwel nett Corsica Ferries tikkumenta dwar il-kwalifika tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat. Tqis li l-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati f’dan il-każ u tqis b’mod partikolari li l-għajnuna mogħtija mill-OTC hija ta' vantaġġ selettiv għall-benefiċjarji tagħha, li jista’ joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Rigward l-erba’ kriterji tas-sentenza Altmark, hija tagħmel dawn il-kummenti li ġejjin.

    5.1.1.1.    Dwar l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark

    (73)

    Fuq is-separabbiltà tas-servizz bażiku mis-servizz kumplimentari, Corsica Ferries tqis li mill-FDSP stess kif ukoll mill-implimentazzjoni tiegħu, jirriżulta li dawn l-attivitajiet huma separabbli. B’mod ġenerali, hija tenfasizza li l-obbligi ta’ servizz pubbliku meħtieġa jkunu aktar eżiġenti fir-rigward tas-servizz bażiku, skont sett ta’ kriterji dettaljati hawn taħt:

    Paragun tar-rekwiżiti tekniċi għas-servizz bażiku u s-servizz kumplimentari fuq ir-rotot ta’ Marsilja lejn Ajaccio u Bastia

     

    Servizz bażiku

    Merkanzija u passiġġieri

    Servizz kumplimentari

    Passiġġieri

    Perjodu

    Kuljum sakemm idum l-FDSP

    Milied/Frar

    22 ġimgħa fir-rebbiegħa

    11-il ġimgħa fis-sajf

    Ħin

    Tluq bejn is-sitta u t-tmienja ta’ filgħaxija

    Wasla bejn is-sitta u t-tmienja ta’ filgħodu

    Libertà mogħtija lill-kuntratturi

    Frekwenza

    365 jum fis-sena

    Libertà mogħtija lill-kuntratturi

    Kapaċità ta’ vetturi

    Stabbli matul l-FDSP u ddeterminata skont il-vjaġġ

    Varjabbli skont il-perjodi u libera skont il-vjaġġ

    Kabini

    Stabbli matul l-FDSP u ddeterminata skont il-vjaġġ

    Varjabbli skont il-perjodi u liberi skont il-vjaġġ

    Servizzi ta' merħba u ristoranti

    Ristorant wieħed

    Minimu ta’ żewġ tipi ta’ ristoranti

    Vjaġġ

    Mingħajr waqfiet

    Possibbiltà ta’ waqfiet

    (74)

    B’mod aktar speċifiku, Corsica Ferries tikkontesta li s-servizz kumplimentari jista’ jitqies bħala teknikament essenzjali għas-servizz bażiku. Hija tosserva li l-bastimenti tas-servizz kumplimentari (car-ferries) ma jistgħux jintużaw għall-operat tas-servizz bażiku (merkanzija mħallta), li l-persunal impjegat għall-operat ta’ dawn l-attivitajiet huwa differenti u li l-ispeċifikazzjonijiet jafdaw l-operat tas-servizz kumplimentari lill-SNCM biss. Hija tinnota wkoll li l-ispeċifikazzjonijiet, kif previst għall-perjodu ta’ wara l-2013, jipprovdu li d-delegat se jkun responsabbli biss għas-servizz bażiku.

    (75)

    Dwar in-nuqqas ta’ inizjattiva privata, Corsica Ferries tgħid li l-awtoritajiet Franċiżi ma wrewx li l-offerta tas-servizz kif tkun teżisti f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa ma tissodisfax il-ħtiġijiet definiti ta’ servizz pubbliku.

    (76)

    Hija tqis l-ewwel nett li, minħabba l-obbligi li jakkumpanjawh, huwa biss is-servizz bażiku li jwieġeb għal ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku. Għall-kuntrarju, is-servizz kumplimentari jiddevja minn dan għaliex jirrigwarda biss it-trasport tal-passiġġieri, matul ċerti perjodi tas-sena, għal tliet portijiet biss mis-sitta li hemm f'Korsika. Għal Corsica Ferries, din il-valutazzjoni hija kkonfermata miż-żieda ta’ 40 % tal-limiti massimi tat-tariffi tul il-perjodu tas-sajf u mill-fatt li l-passiġġieri tas-servizz kumplimentari ikunu essenzjalment turisti li għalihom huwa irrilevanti jekk iżurux Korsika billi jitilqu mill-portijiet ta’ Marsilja jew ta’ Toulon. Għall-kuntrarju, il-passiġġieri tas-servizz bażiku huma essenzjalment residenti ta’ Korsika jew tan-Nofsinhar ta’ Franza, li jimpurtahom aktar mill-qrubija tal-port tat-tluq għad-dar tagħhom.

    (77)

    Skont Corsica Ferries, l-evoluzzjoni tat-traffiku bejn l-2002 u l-2005, ikkaratterizzata minn żieda żgħira fit-traffiku fuq is-servizz bażiku (45), tnaqqis kbir mit-traffiku fuq is-servizz kumplimentari (46) u żieda fit-traffiku bejn Toulon u Korsika (47), tenfasizza l-kompetizzjoni diretta bejn l-offerta tas-servizz kumplimentari u l-offerta tagħha stess ta’ tluq minn Toulon. Din il-kompetizzjoni tikkonferma n-natura kummerċjali u kompetittiva tas-servizz kumplimentari li, għalhekk, ma jissodisfax ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku.

    (78)

    It-tieni nett, Corsica Ferries tqis li s-servizz kumplimentari kif stabbilit mill-FDSP mhuwiex proporzjonat fir-rigward tas-sentenza Analir  (48), għaliex huwa ovvjament eċċessiv meta mqabbel mat-traffiku tar-rotot marittimi bejn Marsilja u Korsika.

    (79)

    Fl-aħħar nett, Corsica Ferries tgħid li, fid-data tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea ta’ Korsika fl-24 ta’ Marzu 2006, is-servizz kumplimentari ma setax jitqies bħala li jwieġeb għal xi nuqqas tal-inizjattiva privata. Hija tenfasizza wkoll li għalkemm il-livell tal-offerta tagħha żdied b’455 % bit-tluq minn Toulon bejn is-sena 2000 u l-2007, hija tillimita minn jeddha din l-offerta minħabba l-eżistenza ta’ servizz kumplimentari ssussidjat. Hija tgħid li l-kapaċitajiet li hija toffri għall-perjodi tas-sajf u tar-rebbiegħa u l-ħarifa, assoċjati ma’ dawk korrispondenti għas-servizz bażiku offrut mid-delegat, ikunu biżżejjed sabiex jissodisfaw id-domanda. Għalhekk tindika li r-rata ta’ mili tal-bastimenti għad-delegat li għandu s-servizz kumplimentari fuq id-DSP 2007-2013 inizjalment ma kinitx taqbeż it-30 % (49). Minn dan Corsica Ferries tikkonkludi li n-nuqqas tal-inizjattiva privata ma setax ikun ivvalutat bl-istess mod meta ġew adottati l-ispeċifikazzjonijiet tad-DSP 2007-2013 u fil-perjodu ta’ qabel.

    (80)

    Barra minn hekk, Corsica Ferries tqis li l-argument tagħha japplika parzjalment ukoll għat-traffiku tal-merkanzija. Hija tinnota li l-iżvilupp tas-suq tal-merkanzija li titlaq minn Toulon ma kellux impatt negattiv fuq il-volumi trasportati fil-qasam tad-DSP, li jenfasizza l-ħolqien ta’ servizz li jkun jirrispetta l-ħtiġijiet ta’ kontinwità u ta’ kwalità tas-servizz u kien ikun jissodisfa ħtieġa mhux issodisfata.

    (81)

    Corsica Ferries tqis li minn dan li ntqal jirriżulta li l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark mhuwiex issodisfat f’dan il-każ.

    5.1.1.2.    Dwar it-tieni kriterju tas-sentenza Altmark

    (82)

    Dwar l-ammont tal-kumpens, Corsica Ferries tikkunsidra li dan għandu jiġi vvalutat fid-dawl tar-regolamentazzjoni applikabbli li tkun telimina kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni mal-kodelegati.

    (83)

    Corsica Ferries tikkunsidra l-ewwel nett li l-kumpens tas-servizz pubbliku ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eżattezza, oġġettività u trasparenza. Tqis li r-referenza għaż-żieda “anormali, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tat-trasportaturi” li tista’ tiġġustifika l-evoluzzjoni tal-ogħla tariffi mhijiex eżatta biżżejjed. B’mod ġenerali, il-kumpens finanzjarju jiżdied aktar malajr milli jonqos id-dħul reali, u viċi versa.

    (84)

    Hija żżid li r-reviżjoni ’l fuq tad-dħul stmat bejn l-offerta ta’ Diċembru 2006 u l-offerta ta’ Marzu 2007 kellha l-għan, b'applikazzjoni tal-klawsola ta’ salvagwardja tad-dħul (Artikolu 7 tal-FDSP), li twassal għall-ħlas ta’ kumpens addizzjonali għas-sussidju operattiv. Barra minn hekk, hija tqis li l-bażi li sservi ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-valur tal-bastimenti tal-SNCM la hija oġġettiva u lanqas trasparenti, peress li din il-bażi inbidlet b’mod sostanzjali bejn l-offerti differenti magħmula mill-kumpanija.

    (85)

    Corsica Ferries tqis ukoll li l-parametri tal-kalkolu tal-kumpens marbut mal-implimentazzjoni tal-klawsola ta’ salvagwardja ma ġewx stabbiliti. Din l-inċertezza kienet tirriżulta f’finanzjament addizzjonali mogħti lill-kodelegati. Tqis li l-kumpens parzjali tad-differenza bejn id-dħul stmat u d-dħul reali ġie kkalkolat b’referenza għal stima għolja tat-traffiku.

    5.1.1.3.    Dwar it-tielet kriterju tas-sentenza Altmark

    (86)

    Min-naħa, Corsica Ferries tqis li rata ta’ redditu tal-kapital investit ta’ 15 % tkun eċċessiva fir-rigward tal-istandards ta’ trasport marittimu. Tqis li dan l-effett żdied minħabba l-livell li bih l-SNCM ivvalutat il-valur tas-suq tal-bastimenti tagħha.

    (87)

    Min-naħa l-oħra, tqis li ma ġie implimentat l-ebda mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv sabiex ikun garantit in-nuqqas ta’ kumpens żejjed.

    5.1.1.4.    Dwar ir-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark

    (88)

    Corsica Ferries issostni li l-proċedura ta' akkwist tad-DSP ma kinitx tiggarantixxi kompetizzjoni reali u miftuħa biżżejjed. Hija tqis li r-riżultat ta’ din il-proċedura kien influwenzat mill-konsegwenzi ekonomiċi li kkawżat l-implimentazzjoni tal-klawsola ta’ terminazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ tiġdid tad-DSP. Tqis ukoll li l-kundizzjonijiet imposti mill-ispeċifikazzjonijiet ma pprovdewx kompetizzjoni effettiva. Hija ssemmi l-klawsola li tevita ħsara lill-kundizzjonijiet ekonomiċi tad-delegat (50), il-portata tal-obbligi tas-servizz pubbliku imposti, in-nuqqas ta’ kumpens finanzjarju għall-benefiċċju tal-kumpaniji li jikkompetu mal-kodelegati, is-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-OTC dwar id-derogi għar-regolament speċifiku tas-sejħa għall-offerti (RSSO) u għall-ispeċifikazzjonijiet, l-obbligu li jintużaw il-bastimenti mdaħħla fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 1987, l-oversizing tas-servizz pubbliku tas-servizzi marittimi, in-nuqqas ta’ allokazzjoni bejn is-servizz bażiku u s-servizz kumplimentari u l-interpretazzjoni tal-RSSO rigward il-preżentazzjoni ta’ offerta li tinvolvi bastimenti mhux imsemmija.

    (89)

    Barra minn hekk, Corsica Ferries tenfasizza li l-proċedura ta' akkwist tad-DSP ma wasslitx biex tintgħażel l-orħos offerta. L-offerta tal-grupp SNCM/CMN wasslet għal ħlas ta’ sussidju li kien jaqbeż bi EUR 15-il miljun fis-sena dik li kienet tirriżulta minn taħlita mal-offerta ta’ Corsica Ferries.

    (90)

    Għaldaqstant, Corsica Ferries tenfasizza li l-livell ta’ kumpens kellu jkun iddeterminat b’referenza għal impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat bil-mezzi meħtieġa. Filwaqt li temmen li hija tista’ tkun din ir-referenza, hija tqis ukoll li setgħet kienet kapaċi sservi l-portijiet ta’ Ajaccio, ta’ Propriano u ta’ Porto-Vecchio b'kost li kien ikun inqas min-nofs dak propost mill-grupp SNCM/CMN.

    5.1.2.   RIMARKI DWAR L-ISKEMA TA’ GĦAJNUNA SOĊJALI

    (91)

    Corsica Ferries tenfasizza li l-iskema ta’ għajnuna soċjali tippreżenta l-vantaġġ li jitħallas biss ir-rimborż tal-vjaġġi li effettivament ikunu saru mill-passiġġieri eliġibbli, kuntrarjament għad-DSP li jiffinanzja kapaċità tat-trasport. Din l-iskema ta’ għajnuna soċjali tiffinanzja l-obbligi ta’ servizz pubbliku b'kost sostanzjalment aktar baxx minn dak implikat mis-sistema ta’ DSP.

    5.2.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-SNCM U TAL-CMN

    5.2.1.   DWAR IL-FIRXA TAS-SERVIZZ PUBBLIKU U L-EWWEL KRITERJU TAS-SENTENZA ALTMARK

    (92)

    L-SNCM u s-CMN jikkunsidraw l-ewwel net li l-FDSP ma jagħmilx distinzjoni bejn servizz bażiku u servizz kumplimentari. L-istess bħall-awtoritajiet Franċiżi, huma jqisu li l-FDSP jiddefinixxi żewġ staġuni-programmi li għalihom jikkorrispondu volumi ta’ offerti differenti minħabba l-perjodi l-aktar intensivi. Skont l-SNCM, m'hemmx dubju li l-komunità għandha tħallas il-kosti fissi imposti fuq id-delegati s-sena kollha sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet speċifiċi tad-delega.

    (93)

    L-SNCM tfakkar f’dan il-kuntest li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tas-SIEĠ li tista’ tiġi kkontestata biss mill-Kummissjoni meta jkun hemm żball manifest tal-valutazzjoni. Temmen f’dan ir-rigward li jkun eċċessiv, f’termini ta’ piż tal-prova, li wieħed jitlob lill-Istat Membru kkonċernat li juri li s-servizzi regolari tat-trasport kif ipprovduti f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa ma jissodisfawx il-ħtiġijiet definiti bħala servizz pubbliku.

    (94)

    L-SNCM tikkunsidra wkoll li mill-Artikolu 4 tar-Regolament 3577/92 ma jirriżultax li l-kriterju tal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku marbut ma’ nuqqas ta’ inizjattiva privata huwa regola ġenerali applikabbli f’dan il-każ. Hija tqis li l-interpretazzjoni li kienet saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Analir  (51) ma tikkundizzjonax b’mod ġenerali dan il-kriterju bil-kapaċità tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku.

    (95)

    L-SNCM u s-CMN iqisu wkoll, bħall-awtoritajiet Franċiżi, li jekk il-Kummissjoni ma tagħżilx din l-interpretazzjoni, il-ħtieġa ta’ servizz pubbliku marbut ma’ nuqqas ta’ inizjattiva privata għandha tkun ivvalutata globalment għall-perjodu kollu ta’ twettiq tal-kuntratt. Din il-valutazzjoni globali b’hekk tnaqqas il-piż tas-servizz pubbliku permezz tal-kumpens bl-introjtu mill-aktar staġun intensiv. Għalhekk huwa kruċjali li wieħed jivvaluta jekk l-operatur privat għandux il-kapaċità li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ regolarità, kontinwità u frekwenza tas-servizz tul is-sena kollha. Is-CMN tqis ukoll li l-servizz bażiku huwa inseparabbli mis-servizz kumplimentari.

    (96)

    L-SNCM tinnota f’dan il-kuntest li l-ispeċifikazzjonijiet tad-DSP ma jeżiġux l-użu ta’ bastimenti differenti għas-servizz permanenti u s-servizz kumplimentari.

    (97)

    Hija tqis ukoll li l-paragun tat-traffiku fuq ir-rotot bejn Marsilja u Korsika u Toulon u Korsika mhuwiex biżżejjed sabiex ikun stabbilit żball manifest ta’ valutazzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kapaċità tal-offerta privata li twieġeb għall-bżonn kif definit mill-OSP. Barra minn hekk, it-tnaqqis tat-traffiku globali pprovdut mill-kodelegati matul is-snin 2004-2005 huwa marbut, kif jaħsbu l-awtoritajiet Franċiżi, mal-interruzzjoni tas-servizz tal-SNCM minħabba l-movimenti soċjali. Għall-kuntrarju, it-tkabbir tat-traffiku li jitlaq minn Toulon huwa marbut mal-effett ta’ assorbiment tad-domanda mill-Italja.

    (98)

    Rigward il-possibbiltà ta’ oversizing tal-offerta tas-servizz tal-FDSP, l-SNCM tqis li l-perjodu ta’ referenza m’għandux jinkludi s-snin 2004 u 2005 minħabba l-movimenti soċjali msemmija aktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-laneċ tal-passiġġieri huma meħtieġa sabiex jassorbu t-traffiku tal-aktar staġun intensiv. Is-CMN tiddikjara wkoll li s-sizing tal-offerta kien ibbażat fuq l-ambjent ekonomiku, it-tfixkil fis-servizz u d-direzzjoni tat-traffiku fl-aktar staġun intensiv li jirriżultaw mill-vjaġġi b’għadd żgħir ta’ passiġġieri.

    (99)

    L-SNCM u s-CMN jinnotaw ukoll li s-servizzi offruti minn Corsica Ferries minn Toulon mhumiex soġġetti għall-istess obbligi ta’ dawk imposti fuq il-kodelegati b'applikazzjoni tal-FDSP. Fis-settur tal-merkanzija, l-SNCM u s-CMN jenfasizzaw l-obbligi tal-ħin, tal-kapaċitajiet ta’ piż tat-tagħbija u ta’ tariffi li huma soġġetti għalihom. Fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri, l-SNCM tqis li r-restrizzjonijiet ta’ ħin jillimataw l-għadd ta’ rotazzjonijiet, li r-restrizzjonijiet baxxi tat-tariffi ta’ Corsica Ferries jagħtuha libertà kummerċjali akbar u li l-obbligi ta’ kwalità tas-servizz iwasslu għal kosti ogħla sostnuti mill-kodelegati. Bl-istess mod, l-SNCM issemmi l-ispeċifiċità tad-destinazzjonijiet dipartimentali inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet kif ukoll l-obbligi tagħha ta’ rotazzjonijiet kuljum, kif tfakkar Corsica Ferries.

    (100)

    B’mod sussidjarju, l-SNCM tenfasizza li s-sussidji li minnhom ibbenefikaw l-atturi l-oħra fuq is-suq, u b’mod partikolari l-għajnuna soċjali, setgħu kellhom rwol fl-evoluzzjoni tat-traffiku. Għalhekk, dan tal-aħħar ma jurix kapaċità mnaqqsa tad-delegati li jirrispettaw l-obbligi tagħhom.

    (101)

    Fl-aħħar nett, l-SNCM tinnota li l-offerta ta’ servizz ġiet iddeterminata fl-2007. B’hekk, it-tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-OTC fl-2009 huwa primarjament marbut mal-kuntest tal-kriżi ekonomika kif ukoll mal-investimenti magħmula mill-kumpanija Corsica Ferries.

    5.2.2.   DWAR IT-TIENI KRITERJU TAS-SENTENZA ALTMARK

    (102)

    L-istess bħall-awtoritajiet Franċiżi (ara l-premessa 66 hawn fuq), l-SNCM tqis li l-Artikolu 7.1 tal-FDSP huwa biżżejjed sabiex jiddetermina l-parametri li fuq il-bażi tagħhom ġie kkalkolat il-kumpens. Barra minn hekk, il-miżura adottata biss fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni x’aktarx tkun soġġetta għal kontroll, b’esklużjoni tal-eżistenza tal-Artikolu 7.1 innifsu.

    (103)

    L-SNCM u s-CMN jikkunsidraw ukoll li r-raġunament użat minn Franza fil-premessa msemmija qabel tapplika wkoll għall-kwistjoni tal-aġġustament tal-kumpens skont id-dħul reali previst mill-FDSP. L-applikazzjoni ta’ din il-klawsola hija awtomatika u ma tagħti ebda lok ta’ interpretazzjoni soġġettiva. Imbagħad, min-naħa tagħha, il-klawsola ta’ salvagwardja “fjuwil” tiġi ġġustifikata mill-impossibbiltà li titbassar l-evoluzzjoni tas-swieq u l-impatt tal-bdil fir-regolamentazzjonijiet. Is-CMN tenfasizza fl-aħħar nett li l-klawsola ta’ salvagwardja tad-dħul tapplika fir-rigward tat-tnaqqis iżda wkoll taż-żieda ta’ dawn tal-aħħar.

    (104)

    L-SNCM tqis li l-varjazzjoni fl-ammont tad-dħul stmat bejn id-diversi offerti proposti mill-kodelegati ma tipperikolax it-trasparenza tal-parametri tal-mekkaniżmu ta’ kumpens.

    (105)

    Il-kumpanija SNCM tispeċifika wkoll li ma tħallas l-ebda kumpens finanzjarju barra l-qafas previst mid-DSP. Tisħaq li, f’ċerti każijiet ta’ tfixkil fis-servizz, l-FDSP jipprovdi li l-ispejjeż imġarrba mid-delegat għall-implimentazzjoni tal-mezzi ta’ sostituzzjoni jew bħala kumpens għall-klijenti, jitnaqqsu mill-penali kuntrattwali mitluba mill-OTC lid-delegati. Madankollu, kieku t-talba mibgħuta mill-SNCM lill-OTC bħala tali tammonta effettivament għal EUR 600 000, din ma kinitx titħallas u kienet tikkorrispondi biss għal dispożizzjoni li tistma l-kumpens imħallas mill-SNCM minħabba l-moviment soċjali tal-2010.

    5.2.3.   RIGWARD IL-KRITERJI L-OĦRA TAS-SENTENZA ALTMARK

    (106)

    Dwar il-livell ta’ kumpens għall-kosti maħluqa mill-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-SNCM u s-CMN iqisu li ma bbenefikaw minn ebda kumpens żejjed. Fir-rigward tal-ħtiġijiet applikabbli għar-redditu fuq il-kapital, għall-kuntrarju, l-SNCM tisħaq li l-kosti ġġenerati mill-obbligi ta’ servizz pubbliku ma kinux ikkumpensati biżżejjed, u dan wassal għal riżultat negattiv wara l-imposti tal-kapital.

    (107)

    Dwar il-proċedura tal-għażla tal-fornitur tas-servizz, l-SNCM tfakkar li l-protokoll tal-privatizzazzjoni kien jinkludi klawsola ta’ terminazzjoni unika. Din għandha tkun analizzata fl-istess termini bħal dawk imressqa mill-awtoritajiet Franċiżi msemmija fil-premessa 55 hawn fuq. Hija temmen ukoll li l-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-SNCM, li ma setax jimpenja lis-CTC, ma kellu l-ebda influwenza fuq il-proċess tal-allokazzjoni tad-DSP.

    (108)

    L-SNCM u s-CMN iqisu wkoll li l-ħtiġijiet tal-ispeċifikazzjonijiet ma kkuntestawx in-natura kompetittiva tal-proċedura ta' akkwist tad-delega. Huma jqisu li l-kontroll tas-sodisfar tar-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark ma jaffettwax l-adegwatezza tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-operaturi terzi tad-DSP.

    (109)

    L-SNCM u s-CMN jenfasizzaw ukoll li l-limitazzjonijiet magħmula fil-kontenut tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku mir-Regolament 3577/92 ma jimpedixxux lill-Istati Membri li jżidu rekwiżiti oħra fihom.

    (110)

    Filwaqt li tibbaża fuq l-argumenti kollha sostnuti mill-awtoritajiet Franċiżi u ppreżentati fil-premessa 67 hawn fuq, l-SNCM tqis ukoll li l-proċedura tal-għażla tad-delegat ma kinitx diskriminatorja. Il-fatt li Corsica Ferries tikkontesta l-imparzjalità tat-Tribunal Amministrattiv ta’ Bastia u tas-CTC hija konferma għall-SNCM.

    (111)

    B’mod sussidjarju, l-SNCM u s-CMN iqisu li, jekk wieħed jassumi li l-kriterji tas-sentenza Altmark mhumiex issodisfati, il-kumpens riċevut għandu jitqies bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern fir-rigward tal-Qafas tas-SIEĠ. F’dan ir-rigward, huma jemmnu li t-tul tad-delega huwa raġonevoli u li s-servizzi barra d-DSP għandhom kontijiet analitiċi separati mir-rotot operati taħt id-delega, u b’hekk jikkonformaw mad-Direttiva 2006/111/KE dwar it-trasparenza finanzjarja.

    6.   IL-KUMMENTI TA’ FRANZA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    6.1.   DWAR IL-FIRXA TAS-SERVIZZ PUBBLIKU U L-EWWEL KRITERJU TAS-SENTENZA ALTMARK

    (112)

    Dwar l-osservazzjonijiet ta’ Corsica Ferries rigward is-sodisfar tal-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark imsemmi qabel, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru l-ewwel nett il-pożizzjoni tagħhom dwar in-natura inseparabbli tas-servizz bażiku mis-servizz kumplimentari. Iqisu li l-użu ta’ persunal temporanju għall-operat tas-servizz kumplimentari mhuwiex prova kontrarja.

    (113)

    Imbagħad ma jaqblux mad-dikjarazzjoni ta’ Corsica Ferries li l-kriterju tal-kapaċità huwa l-uniku rekwiżit fis-servizz kumplimentari. Ifakkru li l-kriterju tal-kwalità stabbilit mill-ispeċifikazzjonijiet huwa ugwalment applikabbli.

    (114)

    Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tad-DSP ma jeżiġux l-użu ta’ bastimenti differenti għas-servizz permanenti u s-servizz kumplimentari.

    (115)

    Jemmnu wkoll li huwa infondat li wieħed jillimita l-analiżi ta’ nuqqas possibbli tal-inizjattiva privata għall-perjodi li jaqgħu taħt is-servizz kumplimentari biss. Huma jemmnu li ċ-ċaħda tal-kwalifika ta’ servizz pubbliku għas-servizz kumplimentari għaliex jintuża l-iktar għat-trasport tat-turisti hija mingħajr bażi, peress li l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi l-kontinwità territorjali u li jtaffi r-restrizzjonijiet maħluqa mill-insularità ta’ Korsika.

    (116)

    L-awtoritajiet Franċiżi ma jaqblux mal-analiżi ta’ Corsica Ferries rigward l-adegwatezza tal-livell tal-offerta magħżula mill-FDSP għas-servizz addizzjonali. Huma jqisu li l-perjodu ta’ referenza għat-traffiku tal-passiġġieri għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ wara l-2006, peress li s-snin 2002 sal-2005 kienu kkaratterizzati minn tfixkil fis-servizz marbut ma’ xi movimenti soċjali. Huma jattribwixxu wkoll l-oversizing globali tal-offerta tul il-perjodu 2010-2013 għall-ikkummissjonar tal-bastiment Smeralda minn Corsica Ferries.

    (117)

    Finalment, l-awtoritajiet Franċiżi jinnotaw li Corsica Ferries hija l-benefiċjarja ewlenija tal-iskema ta’ għajnuna soċjali peress li l-ammont tagħha jiddependi mill-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati. Barra minn hekk, Corsica Ferries qiegħda tqis biss il-kapaċità ta’ trasport mingħajr ma tirreferi għall-kriterji l-oħrajn bħal dak tal-kwalità tas-servizz.

    6.2.   DWAR IL-KRITERJI L-OĦRAJN TAS-SENTENZA ALTMARK

    (118)

    Rigward l-osservazzjonijiet ta’ Corsica Ferries dwar il-konformità mat-tieni u t-tielet kriterju tas-sentenza Altmark imsemmija aktar ’il fuq, l-awtoritajiet Franċiżi jiddikjaraw li t-tibdil permezz ta’ emenda tad-DSP li sar fit-28 ta’ Diċembru 2009 jirriżulta mid-differenza bejn it-traffiku previst stabbilit fuq il-bażi ta’ miri ambizzjużi ta’ żvilupp ekonomiku u r-realtà li rriżultat mill-kuntest ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika u miż-żieda fl-offerta ta’ trasport marittimu. Jisħqu li l-kontroll tas-sistema ta’ kumpens li jsir mill-awtoritajiet finanzjarji ma jindirizzax il-konformità tagħha mal-liġi applikabbli ta’ għajnuna mill-Istat iżda jindirizza r-regolarità, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ġestjoni tagħha. L-awtoritajiet Franċiżi jisħqu wkoll li l-osservazzjonijiet magħmula kienu jirrigwardaw ukoll is-sistema ta’ għajnuna soċjali li minnha tibbenefika primarjament Corsica Ferries, li l-ammonti ddedikati għaliha telgħu minn EUR 13,8 miljun għal EUR 20,8 miljun bejn l-2002 u l-2009 skont l-awtoritajiet Franċiżi.

    (119)

    Rigward l-osservazzjonijiet ta’ Corsica Ferries dwar il-konformità mar-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012 mill-Qorti tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-565/08 m’għandha l-ebda konnessjoni mal-għoti tad-DSP. Għaldaqstant huma jikkontestaw l-interpretazzjoni li Corsica Ferries tat lil din is-sentenza u jqisu f’dan ir-rigward li l-klawsola ta’ terminazzjoni tista’ tiġi biss eżerċitata fl-ipotesi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tikkonstata l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern jew fil-każ li l-SNCM ma tingħatax il-kuntratt ta’ delega ta’ servizz pubbliku.

    (120)

    Finalment, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li, li wieħed jibbaża fuq id-dikjarazzjoni tal-President tal-Assemblea Territorjali sabiex jiġġudika l-grad ta’ kompetizzjoni effikaċi mhuwiex konformi mal-liġi applikabbli, peress li din l-awtorità m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tadotta waħedha l-ispeċifikazzjonijiet tad-DSP. Sadanittant, josservaw li l-analiżi tal-offerti wasslet biex wieħed jikkunsidra li Corsica Ferries ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, ma kinitx tipprovdi l-kriterji ta’ valutazzjoni tad-dejn finanzjarju tagħha u lanqas ma kienet tiggarantixxi r-rilevanza tat-tbassir tal-profitt u t-telf tagħha.

    7.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

    7.1.   EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

    (121)

    Skont it-termini tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot l-iskambji kummerċjali bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

    (122)

    Il-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat tippresupponi li l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin ikunu ssodisfati, jiġifieri: 1) il-benefiċjarju jew benefiċjarji huma impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, 2) il-miżura inkwistjoni tingħata permezz ta’ riżorsi statali u tkun imputabbli lill-Istat, 3) il-miżura tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju jew benefiċjarji tagħha u 4) il-miżura toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, u tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (52).

    7.1.1.   KUNĊETTI TA’ IMPRIŻA U TA’ ATTIVITÀ EKONOMIKA

    (123)

    Kif enfasizzat id-deċiżjoni tal-ftuħ (premessa 62), l-SNCM u s-CMN huma żewġ operaturi involuti fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu u, bħala tali, iwettqu attivitajiet ekonomiċi.

    7.1.2.   RIŻORSI TAL-ISTAT U IMPUTABBILTÀ LILL-ISTAT

    (124)

    Kif spjegat fid-deċiżjoni tal-ftuħ (premessi 63 sa 65), id-deċiżjoni ta’ konklużjoni tal-FDSP għaddiet mill-Assemblea ta’ Korsika, u r-riżorsi tal-OTC, awtorità pubblika, huma riżorsi pubbliċi, li ġejjin b’mod partikolari mill-allokazzjoni tal-kontinwità territorjali mħallsa mill-Istat. Għaldaqstant, il-kumpens imħallas skont id-DSP huwa trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Istat.

    7.1.3.   VANTAĠĠ SELETTIV GĦALL-KODELEGATI

    (125)

    Biex wieħed jivvaluta jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna lil xi impriża, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża inkwistjoni tgawdix minn vantaġġ ekonomiku li jevitalha kosti li normalment ikollhom jitħallsu mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħha jew jekk tibbenefikax minn vantaġġ li ma kinitx tgawdi minnu fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (53).

    (126)

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li, kuntrarjament għal dak li tgħid is-CMN, il-qligħ fl-ishma tas-suq tal-operaturi kompetituri ma jistabbilixxu l-ebda nuqqas ta’ vantaġġ mogħti lill-kodelegati. Tabilħaqq, huwa ċar li d-delegati ma kinux jibbenefikaw, mingħajr l-intervent pubbliku, mill-kumpens għall-kosti operattivi tagħhom kif previst mill-FDSP.

    (127)

    Franza tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-Kunsill tal-Istat tat-13 ta’ Lulju 2012 imsemmija qabel, sabiex tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ elementi ta’ għajnuna mill-Istat fl-FDSP sħiħ. Madankollu l-Kummissjoni tosserva li, permezz tas-sentenza tagħha, il-qorti nazzjonali sempliċiment iġġudikat li l-klawsola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 7.1 tal-FDSP (54), meqjusa għaliha, ma setgħetx tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat (55). Peress li l-Kummissjoni mhijiex teżamina l-klawsola ta’ salvagwardja għaliha, iżda qiegħda tieħu inkunsiderazzjoni l-FDSP sħiħ, hija tqis li r-raġunijiet ta’ din is-sentenza dwar il-klawsola msemmija hawn fuq mhumiex rilevanti sabiex wieħed jistabbilixxi jekk l-FDSP jinkludix, b’mod ġenerali, elementi ta’ għajnuna mill-Istat. Hi se teżamina l-mertu tal-argumenti ppreżentati minn din is-sentenza fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tad-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku koperti mill-FDSP (ara t-taqsima 7.1.3.1 hawn taħt).

    (128)

    Dment li Franza targumenta li tali kumpens ma jirriżultax f’vantaġġ selettiv għall-benefiċjarji tiegħu skont il-każistika Altmark imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk, kif allegat mill-awtoritajiet Franċiżi u l-kodelegati, il-kriterji kollha tas-sentenza Altmark humiex issodisfati mill-kumpens mogħti skont l-FDSP.

    (129)

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti ddeċidiet f’din is-sentenza (56) li l-kumpens mogħti għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE meta l-erba’ kriterji jkunu ssodisfati kollha f’daqqa:

    l-impriża li tirċievi trid tkun fil-fatt ġiet inkarigata bl-obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi jridu jkunu ddefiniti biċ-ċar (l-1el kriterju);

    il-parametri li fuq il-bażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens iridu jkunu ġew stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, (it-2ni kriterju);

    il-kumpens ma jistax ikun ogħla milli hemm bżonn biex ikopri parti mill-kosti mġarrba għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jew kollha kemm huma, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dħul rilevanti u l-qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi (it-3et kriterju);

    meta l-għażla tal-impriża responsabbli għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ma tkunx saret fil-qafas ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, il-livell tal-kumpens meħtieġ ikun ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-kosti li impriża tipika, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ servizz pubbliku, kien ikollha tagħmel sabiex twettaq l-obbligi, filwaqt li jitqiesu d-dħul rilevanti kif ukoll il-qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi (ir-4a’ kriterju).

    (130)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal kumpens mogħti għall-forniment ta’ SIEĠ (57) (minn hawn ’il quddiem “il-Komunikazzjoni SIEĠ”), il-Kummissjoni pprovdiet linji gwida sabiex tiċċara r-rekwiżiti għall-kumpens ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Din il-Komunikazzjoni tindirizza l-ħtiġijiet differenti stabbiliti fil-ġurisprudenza Altmark, jiġifieri l-kunċett ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106 tat-TFUE, il-ħtieġa ta’ mandat, l-obbligu li jiġu definiti l-parametri tal-kumpens, il-prinċipji dwar il-ħtieġa li jiġi evitat kumpens żejjed u l-prinċipji dwar l-għażla tal-fornitur.

    (131)

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġu analizzati l-ewwel u r-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark.

    7.1.3.1.    Definizzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (l-1el kriterju)

    Qafas tal-analiżi

    (132)

    Għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta’ SIEĠ hija limitata għall-verifika li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx wettaq żball manifest ta’ valutazzjoni meta jikkwalifika servizz bħala SIEĠ (58).

    (133)

    Barra minn hekk, meta jkunu jeżistu regoli speċifiċi fil-livell tal-Unjoni, dawn jorbtu d-diskrezzjoni tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar jekk is-SIEĠ kienx definit b’mod korrett għall-fini ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (59). Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet sostanzjalment qieset f’dan ir-rigward, li l-firxa tas-servizz pubbliku, biex tkun aċċettabbli fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, għandha tirrispetta r-Regolament 3577/92 kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti (60). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet indikat li hija sejra tanalizza jekk il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku kif iddefinit mill-FDSP kienx meħtieġ u proporzjonat meta mqabbel mal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, li dehret min-nuqqas ta’ servizzi regolari ta’ trasport f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa.

    (134)

    Għalhekk, f’dan il-każ, fil-każ ta’ nonkonformità mal-kriterji sostantivi tar-Regolament 3577/92 kif interpretati mill-ġurisprudenza, il-kumpens inkwistjoni ma jistax jiġi ddikjarat kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE. Għaldaqstant, il-konformità mar-Regolament 3577/92 hija kundizzjoni meħtieġa sabiex wieħed japplika l-Qafas tas-SIEĠ f’dan il-każ (61).

    (135)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-FDSP jikkostitwixxi b’mod ċar “kuntratt ta’ servizz pubbliku” fis-sens tar-Regolament 3577/92 (62). Hija temmen f’dan il-kuntest li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Analir imsemmija qabel huma ta’ rilevanza partikolari għall-analiżi ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku bħal dan. Tabilħaqq, il-kumpens ta’ obbligi speċifiċi fil-qafas ta' kuntratt ta’ servizz pubbliku, bl-għoti ta’ sussidju lil offerta ta’ servizzi, jikkostitwixxi b’mod ċar restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi (63). Din ir-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss taħt kundizzjonijiet restrittivi li jiżguraw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tad-definizzjoni tas-servizzi kollha meħuda mill-kompetizzjoni libera meta mqabbla ma’ ħtieġa reali ta’ trasport, mhux issodisfat f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa.

    (136)

    B’hekk il-Kummissjoni tikkunsidra, b’analoġija mas-sentenza Analir imsemmija hawn fuq, li l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku kif definit minn kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkun meħtieġ u proporzjonat mal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku, muri min-nuqqas ta’ servizzi regolari ta’ trasport f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

    Analiżi separata tas-servizz bażiku u tas-servizz kumplimentari

    (137)

    L-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw qabel kollox li s-servizz bażiku u s-servizz kumplimentari, kif definiti fid-deċiżjoni tal-ftuħ u mfakkra hawn fuq, mhumiex servizzi separati. Madankollu, bħala tali, il-Kummissjoni tqis li d-distinzjoni bejn is-servizzi ta’ trasport li għandhom ikunu pprovduti tul is-sena kollha bħala parti mis-servizz bażiku u l-kapaċitajiet addizzjonali li għandhom ikunu pprovduti fil-perjodu l-aktar intensiv hija riflessa b’mod ċar fl-ispeċifikazzjonijiet tad-DSP (64).

    (138)

    L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu wkoll li l-firxa tas-servizz pubbliku għandha tkun ivvalutata b’mod globali għaż-żewġ servizzi. Għal dan il-għan, huma jirreferu għas-sentenza tal-Kunsill tal-Istat tat-13 ta’ Lulju 2012 imsemmija qabel, li permezz tagħha il-qorti nazzjonali ddeċidiet li r-Regolament 3577/92 imsemmi qabel ma kienx kontra li l-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku tiġi vvalutata globalment għal kull rotta, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk din il-ħtieġa tibqax dejjem iġġustifikata. Il-Kunsill tal-Istat ikkonkluda minn dan li r-Regolament 3577/92 ma kienx jimponi li s-servizz kumplimentari jissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku separata mill-ħtieġa ssodisfata mis-servizz bażiku.

    (139)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra fil-fatt, skont il-prassi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha (65), li, sabiex jiġi evitat xkumar (66) negattiv kemm tal-effiċjenza ekonomika tat-twettiq tas-servizzi, kif ukoll tal-kwalità tiegħu u tal-vijabbiltà ekonomika tiegħu, jista’ jkun xieraq, fiċ-ċirkostanzi fejn id-domanda ta’ trasport tindika dipendenza ovvja fuq l-istaġuni, li wieħed jinkludi fil-firxa tas-servizz pubbliku, servizzi li jirrigwardaw kemm il-perjodi intensivi kif ukoll dawk kwieti. Fiċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jkunx leġittimu li wieħed iqis li s-servizz kumplimentari jista’ jkun iġġustifikat mill-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku ssodisfata mis-servizz bażiku biss, jekk ikun stabbilit li t-twettiq tiegħu huwa, kif isostnu l-awtoritajiet Franċiżi, indispensabbli għal dak tas-servizz bażiku, abbażi ta’ sett ta’ konsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi.

    (140)

    Madankollu, kuntrarjament għal dak li qed jallegaw Franza, l-SNCM u s-CMN, it-twettiq tas-servizz kumplimentari ma jidhirx f’dan il-każ li huwa indispensabbli għat-twettiq tas-servizz bażiku.

    (141)

    Il-Kummissjoni tfakkar li estensjoni tal-firxa tas-servizz pubbliku tista’, f’ċerti kundizzjonijiet, tkun iġġustifikata fil-preżenza ta’ kumplimentaritajiet tekniċi u kunsiderazzjonijiet ta’ effikaċja ekonomika (sinerġiji) stabbiliti sew. Madankollu, f’dan il-każ, m’hemm l-ebda kumplimentarità teknika stabbilita bejn is-servizz bażiku u s-servizz kumplimentari. Fil-fatt, il-Kummissjoni tinnota li l-obbligi li japplikaw għalihom huma differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħinijiet u l-frekwenza. Rigward il-ħinijiet, filwaqt li d-definizzjoni tas-servizz bażiku kienet timponi ħinijiet ta’ tluq minimi u firxa ta’ ħinijiet ta’ wasla stretti (67), id-definizzjoni tas-servizz kumplimentari ma kienet tistipula l-ebda obbligu ta’ ħinijiet. Rigward il-frekwenza, m’hemm l-ebda obbligu impost fuq is-servizz kumplimentari mill-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP, minħabba li l-kapaċità tat-trasport hija definita kull sena fuq il-perjodi l-aktar intensivi. Barra minn hekk, l-operat tas-servizzi organizzati skont distinzjoni simili (68) sar b’bastimenti u ekwipaġġi separati fil-perjodu ta’ bejn l-2002 u l-2006.

    (142)

    Huwa importanti li wieħed jinnota f’dan ir-rigward li l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li l-ispeċifikazzjonijiet ma kinux jimponu l-użu ta’ tipi ta’ bastimenti differenti ma jxekkilx lil din il-konklużjoni minħabba li l-esperjenza tad-DSP preċedenti matul il-perjodu 2002-2006 kienet tistabbilixxi li ż-żewġ tipi ta’ servizzi setgħu jsiru b’bastimenti differenti (69).

    (143)

    Barra minn hekk fir-rigward tal-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li l-inklużjoni tas-servizz kumplimentari jkun iġġustifikat minn ekwalizzazzjoni finanzjarja mas-servizz bażiku, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-kontabilità tal-kosti tal-SNCM turi b’mod permanenti, fir-rigward ta' dan l-aħħar servizz, defiċit operatorju (70). Għalhekk dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

    (144)

    Minn dan isegwi li fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-implimentazzjoni tas-servizz kumplimentari hija indispensabbli għat-twettiq xieraq tas-servizz bażiku u li l-ebda argument imressaq f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Franċiżi u mid-delegati ma jista’ jinvalida din il-konklużjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kwalifika ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għandha tkun ivvalutata b’mod separat għaż-żewġ tipi ta’ servizz inkwistjoni.

    Analiżi tas-servizz bażiku

    (145)

    Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li, skont il-ġurisprudenza (71) u l-prassi tat-teħid ta' deċiżjonijiet f’dan il-qasam (72), il-politika ta’ kontinwità territorjali segwita mill-awtoritajiet Franċiżi hija parti minn interess pubbliku leġittimu, jiġifieri li tiġi żgurata l-adegwatezza tas-servizzi tat-trasport b’mod li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Korsika. Għalhekk jidher li l-provvista ta’ servizz minimu ta’ kontinwità territorjali bejn Marsilja u l-ħames portijiet ta’ Korsika inkwistjoni tissodisfa l-ħtieġa ta’ servizz pubbliku definit b’mod ċar.

    (146)

    Dwar l-eżistenza tan-nuqqas tal-inizjattiva privata fir-rigward tas-servizz bażiku, l-operaturi l-oħrajn tas-suq jammettu huma stess li ma kinux kapaċi jipprovdu dan is-servizz (73).

    (147)

    B’mod partikolari, rigward il-perjodu li matulu jiġi osservat dan in-nuqqas, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konstatazzjoni, fuq kull rotta kkonċernata, ta’ nuqqas tal-inizjattiva privata fir-rigward ta’ ħtieġa ta’ trasport identifikata sew matul il-perjodi kwieti biss tas-sena hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-inklużjoni tas-servizz bażiku għas-sena kollha għal dawn ir-rotot kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, kunsiderazzjonijiet ovvji ta’ effiċjenza teknika u ekonomika jiġġustifikaw in-natura permanenti tas-servizz bażiku, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li wieħed jikkaratterizza nuqqas ta’ servizzi tat-trasport matul is-sena. L-użu mill-ġdid ta’ ċerti bastimenti tul is-sena f’dan ir-rigward kien jimponi piż ekonomiku addizzjonali fuq id-delegati, filwaqt li jċaħħadhom minn dħul konsiderevoli fil-perjodi l-aktar intensivi.

    (148)

    Finalment, kif innutat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni interpretattiva tagħha (74) dwar ir-Regolament 3577/92, ir-raggruppament tar-rotot f’servizz wieħed mhuwiex fih innifsu kuntrarju għar-Regolament imsemmi. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, ir-raggruppament tal-ħames rotot jippermetti l-ġbir flimkien tal-mezzi nawtiċi b’tali mod li titjieb il-kwalità tas-servizz inkwistjoni (75) u li jitnaqqsu l-kosti, peress li r-rekwiżiti tekniċi imposti fuq ir-rotot lejn il-ħames portijiet ta’ Korsika bħala parti mis-servizz bażiku huma b’mod partikolari komparabbli f’termini ta’ ħinijiet, tul tal-vjaġġ u tqassim tal-kapaċitajiet bejn merkanzija u passiġġieri (76). Fil-fatt, il-FDSP (77) jinkludi kemm l-użu ta’ ċerti bastimenti fuq diversi rotot separati tas-servizz bażiku, kif ukoll l-użu ta’ diversi bastimenti differenti fuq l-istess rotta (78).

    (149)

    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 3577/92, l-FDSP u l-annessi għalih jistabbilixxu standards ċari ta’ kontinwità, ta’ regolarità, ta’ kapaċità u ta’ tariffi li d-delegati għandhom jirrispettaw sabiex jassiguraw is-servizz bażiku (ara t-taqsima 2.5).

    (150)

    Minn dan isegwi li l-inklużjoni tas-servizz bażiku fil-firxa tal-FDSP hija meħtieġa u proporzjonata meta mqabbla mal-ħtieġa reali tas-servizz pubbliku.

    Analiżi tas-servizz kumplimentari

    (151)

    Il-Kummissjoni tqis li, fir-rigward tas-servizz kumplimentari, l-inklużjoni ta’ dan is-servizz fil-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku hija bi ksur tal-obbligu tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-definizzjoni tal- kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku fir-rigward tal-ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku (ara t-taqsima 8.1.1 hawn taħt).

    (152)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-operat tat-tliet rotot ta’ servizz kumplimentari, jiġifieri Marsilja-Ajaccio, Marsilja-Bastia u Marsilja-Propriano, sar b’mod inseparabbli mill-SNCM, bl-użu ta’ żewġ bastimenti tal-passiġġieri, id-Danielle Casanova u n-Napoléon Bonaparte, għall-provvista tas-servizzi fuq it-tliet rotot (79). Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-dgħufija tal-obbligi imposti għall-provvista tas-servizz kumplimentari f’dan il-każ (80) kienet tagħmel il-ġbir tal-mezzi nawtiċi aktar rilevanti għall-implimentazzjoni tas-servizz, li tiffavorixxi kumplimentarità teknika u ekonomika għall-operat tas-servizzi fuq it-tliet rotot inkwistjoni. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-validità tal-inklużjoni tas-servizz kumplimentari fil-firxa tal-FDSP għandha tiġi vvalutata b’mod globali.

    (153)

    Barra minn hekk, l-analiżi tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-kamp ta' applikazzjoni tad-DSP għandha tikkunsidra l-preżenza tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fuq ir-rotot kollha bejn Franza kontinentali u Korsika. Min-naħa l-oħra, fiċ-ċirkostanzi tal-każ u wara l-kunsiderazzjoni tal-argumenti tal-partijiet (81), din l-analiżi għandha wkoll tindirizza l-preżenza ta’ offerta privata min-naħa ta’ Toulon, li setgħet tissostitwixxi b’mod sinifikanti r-rotot ta’ tluq minn Marsilja li huma s-suġġett tad-DSP.

    Is-sostitwibbiltà tas-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri minn Marsilja u Toulon

    (154)

    Il-Kummissjoni kienet fakkret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha l-eżistenza ta’ ammont ta’ evidenza li tistabbilixxi l-preżenza ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi li jitilqu minn Marsilja u dawk minn Toulon. Fil-fatt, l-evoluzzjoni tat-traffiku fuq ir-rotot bejn Franza kontinentali u Korsika turi l-iżvilupp mgħaġġel ta’ offerta kompetittiva ma’ dik taż-żewġ kodelegati. Għalhekk, it-traffiku tar-rotot marittimi bejn Franza kontinentali u Korsika żdied, bejn l-2002 u l-2009, b’31,6 % għat-trasport tal-passiġġieri (82). F’dan ir-rigward, it-tqassim tat-traffiku bejn il-portijiet servuti juri żieda kbira tat-traffiku li jitlaq minn Toulon (+ 150 % bejn l-2002 u l-2009), u tnaqqis konkomitanti tat-traffiku li jitlaq minn Marsilja (– 1,7) Minn dan joħroġ li ż-żieda fit-traffiku globali kienet ġeneralment assorbita mill-fornituri tas-servizz li joperaw minn Toulon, għad-detriment tal-offerta tal-kodelegati li joperaw minn Marsilja.

    (155)

    Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi, li barra minn hekk kienu pprovduti mingħajr raġunament kwantitattiv, din ix-xejra ma jidhirx li hija imputabbli għal effett ta’ assorbiment tad-domanda mill-Italja. Jidher fil-fatt li s-sehem tat-traffiku lejn Korsika (83) attribwibbli għall-konnessjonijiet bejn Franza kontinentali u Korsika żdied b’mod stabbli bejn l-2002 u l-2009, u kiber, għad-detriment tal-konnessjonijiet bejn Korsika u l-Italja, minn 60,9 % fl-2002 għal 66,2 % fl-2009 (84).

    (156)

    Rigward l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni rrikonoxxa, fid-deċiżjoni tiegħu tal-2006, li ma setax jiġi eskluż li s-suq tat-trasport tal-passiġġieri bi tluq minn Marsilja huwa suq rilevanti, il-Kummissjoni tinnota li, bħala sostenn tal-argumenti tiegħu li jistabbilixxu l-preżenza tal-pożizzjoni dominanti tal-SNCM fir-risposta tagħha għas-sejħa għall-offerti tal-OTC (85), il-Kunsill tal-Kompetizzjoni nnota biss li kien hemm suq rilevanti magħmul mir-rotot li jitilqu minn Marsilja (86). Madankollu, din il-pożizzjoni ma żammitx lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni milli jikkunsidra li, “fis-suq tal-passiġġieri li jivvjaġġaw fl-aktar perjodu intensiv bejn il-kontinent u Korsika (Franza kontinentali u l-Italja), wieħed ma jistax jeskludi li l-portijiet ta’ Nizza, Toulon, Marsilja, Livorno, Savona u Ġenova jeżerċitaw ċerta pressjoni kompetittiva fuq xulxin (87).

    (157)

    Fil-fatt, l-evoluzzjoni tat-traffiku bejn Franza kontinentali u Korsika għall-benefiċċju tat-traversati li jitilqu minn Toulon hija aktar qawwija għas-servizz kumplimentari. Bejn l-2002 u l-2005, it-traffiku reali osservat fuq is-servizz kumplimentari naqas b’208 213-il passiġġier fuq il-konnessjoni bejn Marsilja u Korsika, filwaqt li t-traffiku żdied bi 324 466 passiġġier fuq il-konnessjoni bejn Toulon u Korsika fl-istess perjodu. It-tnaqqis fil-proporzjon tat-traffiku pprovdut mis-servizz kumplimentari għall-benefiċċju ta’ operaturi oħrajn tas-suq, f’kuntest ta’ żieda globali tat-traffiku mill-2002, jindika grad għoli ta’ sostitwibbiltà bejn iż-żewġ servizzi.

    (158)

    B’mod aktar kwalitattiv, id-distanza qasira ta’ madwar 50km bejn Marsilja u Toulon, aktarx twassal għal sostitwibbiltà bejn servizzi li jkunu sejrin lejn l-istess port f’Korsika. Barra minn hekk, il-ħin tal-vjaġġ ta’ madwar 35 sa 45 minuta minn Marsilja għal Toulon, huwa ferm inqas mill-ħin tal-vjaġġ fuq il-baħar (88), u għalhekk mhux mistenni li jkun ta’ ostakolu għall-kompetizzjoni bejn iż-żewġ servizzi għad-destinatarju finali tagħhom. Barra minn hekk, il-port ta’ Toulon huwa eqreb lejn Korsika b’distanza ta’ madwar 50km, li jippermetti lill-bastimenti li jitilqu minn Toulon jaqsmu lejn Korsika f’inqas ħin meta mqabbel mal-vjaġġi li jitilqu minn Marsilja, li jżid is-sostitwibbiltà tas-servizzi li jitilqu minn Marsilja b’dawk li jitilqu minn Toulon (89).

    (159)

    Grad sostanzjali ta’ sostitwibbiltà tas-servizzi (90) mħaddma mill-portijiet ta’ Marsilja u minn Toulon seta’ jkun evidenti b’mod kwantitattiv sa mill-2006, fuq il-bażi ta’ ċaqliq tat-traffiku lejn Toulon osservat matul l-istrajks li fixklu serjament is-servizzi bi tluq minn Marsilja lejn tmiem l-2005 (91). B’hekk, anki jekk wieħed iqis l-impatt taż-żieda fit-tendenza tat-traffiku li jitlaq minn Toulon (92), il-livelli taċ-ċaqliq tat-traffiku minn Marsilja għal Toulon (93) osservati fuq ir-rotot lejn Ajaccio kienu ta’ 89 % (94) għal Settembru u Ottubru tal-2005.

    (160)

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni tqis li fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, is-servizz kumplimentari kien ġeneralment sostitwibbli f’termini ta’ domanda ta’ passiġġieri għas-servizzi li jitilqu minn Toulon lejn Bastia u Ajaccio, meta ngħata l-FDSP.

    Nuqqas ta’ inizjattiva privata

    (161)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li ma ġiet stabbilita l-ebda evidenza tan-nuqqas ta’ inizjattiva privata għal dan is-servizz kumplimentari mill-awtoritajiet Franċiżi. Għalkemm dawn jiċħdu d-distinzjoni bejn is-servizz bażiku u s-servizz kumplimentari, huma jfakkru biss id-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta’ SIEĠ. Madankollu, huma ma jiġġustifikawx l-inklużjoni tas-servizz kumplimentari b’nuqqas ta’ inizjattiva privata fir-rigward ta’ ħtieġa ta’ servizz speċifiku. Tabilħaqq, l-awtoritajiet Franċiżi jimmotivaw in-natura globali tal-FDSP bir-rieda li ma jillimitawx il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku għall-attivitajiet li ma jġibux qligħ sabiex jiżguraw ekwalizzazzjoni finanzjarja (ara l-premessi 61 u 62 hawn fuq). Madankollu, kien ikkunsidrat qabel li dan l-argument ma jistax jirnexxi (ara l-premessa 143 hawn fuq).

    (162)

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qabblet it-traffiku reali tal-passiġġieri lejn kull wieħed mill-portijiet tas-servizz kumplimentari mal-offerta ta’ trasport ipprovduta minn Corsica Ferries bi tluq minn Toulon, u mis-servizz bażiku tad-DSP. Minn dan jirriżulta li, għall-portijiet ta’ Bastia u ta’ Ajaccio, li jirrappreżentaw 90 % tal-kapaċitajiet meħtieġa mis-servizz kumplimentari, il-kombinazzjoni tal-kapaċitajiet offruti mis-servizz bażiku tad-DSP, bi tluq minn Marsilja, u mis-servizz tal-inizjattiva privata li kienet teżisti bejn l-2004 u l-2006 bi tluq minn Toulon kienet biżżejjed sabiex tissodisfa d-domanda effettivament osservata, kemm għall-perjodu ta’ bejn ir-rebbiegħa u l-ħarifa, kif ukoll għall-perjodu tas-sajf, għal kull wieħed mill-portijiet u għal kull sena bejn l-2004 u l-2006.

    (163)

    Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata fit-totalità tagħha minn Franza. L-awtoritajiet Franċiżi sempliċiment jirreferu għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tas-snin 2004 u 2005 (95), li skonthom, jispjegaw it-tnaqqis fl-għadd ta’ passiġġieri tas-servizz kumplimentari. Madankollu l-Kummissjoni tqis li l-portata ta’ dan l-argument għas-snin 2004 u 2005 hija ġeneralment limitata miċ-ċaqliq qawwi tat-traffiku enfasizzat fuq is-servizzi bi tluq minn Toulon (96). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rigward li l-adegwatezza tas-servizzi ta’ trasport setgħet tkun innutata wkoll fis-sena 2006, immedjatament qabel id-dħul fis-seħħ tad-DSP (97) u li għalhekk, is-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom kienet tixhed importanza partikolari.

    (164)

    Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-integrazzjoni tas-servizz kumplimentari fil-kamp ta' applikazzjoni tad-DSP la kienet meħtieġa u lanqas proporzjonata għas-sodisfazzjon ta’ domanda ta’ trasport irreġistrata għar-rotot Marsilja-Bastia u Marsilja-Ajaccio. Rigward ir-rotta Marsilja-Propriano, għalkemm l-ebda servizz ieħor ma qeda dan il-port ta’ Korsika b’mod regolari fl-2006, il-Kummissjoni tqis li l-proporzjon żgħir ta’ traffiku rrappreżentat minn din ir-rotta (98) ma jippermettix li wieħed jikkunsidra li n-nuqqas ta’ inizjattiva privata fuq din ir-rotta jinvalida l-konklużjoni dwar is-servizz kumplimentari kollu.

    (165)

    Huwa importanti f’dan ir-rigward li wieħed jinnota li s-servizz ipprovdut minn Corsica Ferries kien jirrispetta l-istandards tal-OSP applikabbli għal kull konnessjoni bejn Franza kontinentali u Korsika, u ma kellu l-ebda differenza kwalitattiva mis-servizz kumplimentari pprovdut. Fil-fatt, kif innutat fil-premessa 141 aktar ’il fuq, l-obbligi ta’ kwalità marbuta mas-servizz kumplimentari kienu ferm eħfef minn dawk marbuta mas-servizz bażiku.

    (166)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis b’mod partikolari li l-Istati Membri ma jistgħux iżidu obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku ma’ servizzi li diġà huma pprovduti jew li jistgħu jkunu pprovduti b’mod sodisfaċenti u f’kundizzjonijiet (prezz, karatteristiċi oġġettivi ta’ kwalità, kontinwità u aċċess għas-servizz) kompatibbli mal-interess ġenerali, kif definit mill-Istat, minn impriżi li joperaw taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (99). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-elementi ta’ hawn fuq jistabbilixxu li l-kumpens tal-kosti mġarrba mill-SNCM minħabba l-provvista tas-servizz kumplimentari wkoll imur kontra l-prassi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Fil-fatt, minħabba l-preżenza tal-OSP u tal-iskema ta’ għajnuna soċjali (100) fuq ir-rotta kollha bejn Franza kontinentali u Korsika, il-kompetituri tal-SNCM għat-trasport tal-passiġġieri u li joperaw bi tluq minn Toulon setgħu jitqiesu li qegħdin joperaw fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    (167)

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-inklużjoni tas-servizz kumplimentari fil-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubbliku ma tikkorrispondix għal ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku u li għalhekk, filwaqt li ttieħdu f’kunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi applikabbli, Franza f’dan il-każ għamlet żball manifest ta’ valutazzjoni meta kkwalifikat is-servizz kumplimentari previst mill-FDSP bħala SIEĠ. Għalhekk l-ewwel kriterju tal-ġurisprudenza Altmark mhuwiex issodisfat f’dak li jirrigwarda l-kumpens mogħti għas-servizz kumplimentari.

    7.1.3.2.    L-għażla tal-fornitur tas-servizz (ir-4a’ kriterju)

    (168)

    Skont ir-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark, il-kumpens għandu jkun jew riżultat ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku għall-għażla tal-kandidat kapaċi li jipprovdi s-servizzi inkwistjoni bl-inqas kost għall-komunità, jew jiġi ppruvat billi ssir referenza għal impriża tipika, immexxija tajjeb u pprovduta b’mod adegwat bil-mezzi meħtieġa (101).

    Dwar l-ewwel subkriterju

    (169)

    L-għoti tad-delega għas-servizz tat-trasport marittimu bejn Franza kontinentali u Korsika sar wara proċedura nnegozjata ppreċeduta minn pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għall-offerti fil-ĠUUE, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.1411-1 tas-CGCT (102). Madankollu, proċedura ta’ akkwist pubbliku ma teskludix l-eżistenza ta’ għajnuna jekk jintgħażel kandidat kapaċi li jipprovdi dawn is-servizzi “bl-inqas kost għall-komunità” (103). Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet esprimiet dubji dwar kemm il-proċedura ta’ akkwist kienet sejra twassal għal kompetizzjoni reali u miftuħa biżżejjed.

    (170)

    Il-proċedura użata f’dan il-każ u prevista fil-liġi Franċiża għall-għoti ta’ delegi ta’ servizz pubbliku hija proċedura nnegozjata b’pubblikazzjoni minn qabel skont il-liġi Ewropea dwar l-akkwist pubbliku. L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li tali proċedura tiggarantixxi biss kompetizzjoni effettiva jekk issir valutazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ (104). Tabilħaqq, tagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-awtorità kontraenti u tista’ tillimita l-parteċipazzjoni tal-operaturi interessati.

    (171)

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti ma kinux jiggarantixxu din il-kompetizzjoni effettiva.

    (172)

    Fil-fatt, l-unika offerta rivali għal dik tal-kodelegat ma ġietx ivvalutata skont il-merti proprji (kriterji tal-għoti) iżda fuq il-bażi ta’ kriterju ta’ għażla, f’dan il-każ il-kapaċità tal-kandidat li jopera mill-1 ta’ Lulju 2007. Għaldaqstant il-proċedura ma ppermettietx li l-OTC iqabbel diversi offerti sabiex jagħżel l-aktar waħda vantaġġjuża mill-aspett ekonomiku.

    (173)

    B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li attwalment tressqu żewġ offerti mhuwiex biżżejjed biex iwassal għal kompetizzjoni effettiva, minħabba li l-offerta rivali ma setgħetx tipprovdi alternattiva kredibbli. Tabilħaqq, f’dan il-każ, l-offerta ta’ Corsica Ferries kienet tistabbilixxi data tal-bidu tas-servizzi għat-12 ta’ Novembru 2007, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet kienu jeħtieġu li s-servizz jibda mill-1 ta’ Lulju 2007 (105). Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argument tal-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni ma tqisx l-użu multiplu ta’ litigazzjonijiet bħala element li jipprova l-effettività tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ akkwist tal- FDSP.

    (174)

    Sensiela ta’ elementi relatati mas-sitwazzjoni tas-suq u mal-kundizzjonijiet tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jsaħħu din l-osservazzjoni.

    (175)

    L-ewwel nett, għandu jiġi nnutat li l-grupp SNCM/CMN kellu vantaġġ kompetittiv sinifikanti, innutat b’mod partikolari mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni (106), bħala l-operatur stabbilit li diġà għandu għodda navali adattata għall-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP.

    (176)

    Barra minn hekk, il-limitu ta’ żmien qasir ħafna bejn id-data prevista għall-għoti tal-FDSP (finalment mogħti fis-7 ta’ Ġunju 2007) u d-data tal-bidu tas-servizzi (l-1 ta’ Lulju 2007) kien joħloq ostakolu għad-dħul importanti ta’ operaturi ġodda. Flimkien mar-rekwiżiti tekniċi marbuta mal-ispeċifiċità tal-portijiet inkwistjoni (107), mal-kundizzjoni dwar l-età tal-flotta (108), u mal-kapaċitajiet tal-unitajiet mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP, dan it-tul ta’ żmien qasir ħafna seta’ naqqas il-parteċipazzjoni fis-sejħa għall-offerti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li skadenza ta’ tliet ġimgħat mhijiex biżżejjed sabiex tippermetti l-użu mill-ġdid ta’ flotta ta’ bastimenti fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, jew l-akkwist u/jew il-kiri ta’ ammont ta’ bastimenti li jilħqu l-ħtiġijiet tal-ispeċifikazzjonijiet (109).

    (177)

    Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ għadd ta’ klawsoli każwali (110) assoċjati mal-libertà mogħtija lill-OTC li jiddeċiedi l-eżenzjonijiet għar-regoli applikabbli (111) setgħet ukoll għenet biex tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni fis-sejħa għall-offerti billi tefgħet dubju dwar ċerti parametri tekniċi u ekonomiċi kruċjali għat-tfassil ta’ offerta. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li, kif saħqu l-awtoritajiet Franċiżi, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament 3577/92 ma tmurx kontra dan ir-regolament fil-qafas ta' kuntratt ta’ servizz pubbliku. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jivverifikaw f’dan il-każ jekk, speċjalment fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jillimitaw il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, il-kompetizzjoni effettiva għall-għoti tal-FDSP kinitx tippermetti l-issodisfar tar-4a’ kriterju tas-sentenza Altmark, u, jekk le, twassalx għall-konsegwenzi ġuridiċi meħtieġa.

    (178)

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatturi kollha, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet tal-proċedura segwita ma ppermettewx f’dan il-każ li tkun żgurata kompetizzjoni effettiva għall-għoti tad-DSP, u, għalhekk, li tiġi magħżula l-offerta li kienet tassigura servizz bl-inqas kost għall-kollettività (112).

    Dwar it-tieni subkriterju

    (179)

    Għaldaqstant l-awtoritajiet Franċiżi kellhom juru li l-kumpens ġie stabbilit billi ttieħdet bħala referenza impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra adegwatament bil-mezzi meħtieġa (113).

    (180)

    Franza ma pprovdietx dawn l-elementi ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, kif imsemmi fit-taqsima 2.5 hawn fuq, il-kumpens ma ġiex definit b’referenza għal bażi ta’ kosti stabbilita a priori, jew bi tqabbil mal-istruttura tal-ispejjeż ta’ impriżi tat-trasport marittimu paragunabbli oħrajn, iżda b’kunsidrazzjoni tat-tbassir ta’ dħul u ta' kosti ta’ fjuwil li huma biss porzjon tal-introjtu u tal-ispejjeż tas-servizz.

    (181)

    Barra minn hekk, kif enfasizzat mir-rapport tal-Kamra Reġjonali tal-Kontijiet ta’ Korsika (114), il-Kummissjoni tinnota li l-kumpens previst fid-DSP 2007-2013 kien ogħla b’mod sinifikanti minn dak previst għall-perjodu 2002-2006, għal obbligi simili, jew saħansitra xi ftit inqas f’termini ta’ kapaċità offruta.

    (182)

    Għalkemm is-sitwazzjoni ekonomika nbidlet bejn l-2001 u l-2007, tqabbil mal-kosti imġarrba minn impriża mmexxija tajjeb kien aktar u aktar meħtieġ peress li ċerti elementi kienu jindikaw li l-SNCM, li kienet għadha kemm ħierġa minn perjodu ta’ ristrutturar intensiv (115), ma kinitx tissodisfa tali rekwiżiti.

    (183)

    Għalhekk, minħabba dan li ntqal, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ ir-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark mhuwiex issodisfat.

    7.1.3.3.    Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

    (184)

    Peress li l-kriterji tas-sentenza Altmark huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ ssodisfar tal-ewwel kriterju mis-servizz kumplimentari, u fi kwalunkwe każ, tar-raba’ kriterju mill-FDSP kollu kemm hu, huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv mogħti lill-kodelegati.

    7.1.4.   DWAR IL-KUNDIZZJONIJIET LI JAFFETTWAW L-ISKAMBJI KUMMERĊJALI BEJN L-ISTATI MEMBRI U D-DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI

    (185)

    Kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-SNCM u s-CMN joperaw fuq rotot bejn Franza kontinentali u Korsika f’kompetizzjoni diretta ma’ operaturi bħal Corsica Ferries, Moby Lines u Saremar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens pubbliku taħt rieżami jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-SNCM u tas-CMN meta mqabbla mal-impriżi tat-trasport marittimu kompetituri fl-UE, u b’hekk, jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    7.1.5.   KONKLUŻJONI DWAR L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT FIT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE.

    (186)

    Abbażi tal-elementi kollha preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens kollu riċevut mill-SNCM u s-CMN skont l-FDSP huwa għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (187)

    Minħabba li din l-għajnuna ngħatat mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, din l-għajnuna hija illegali.

    8.   KOMPATIBBILTÀ MAS-SUQ INTERN

    8.1.   ANALIŻI TAL-KOMPATIBBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 106(2) TAT-TFUE

    (188)

    Kif spjegat fid-deċiżjoni tal-ftuħ (116), it-traffiku tal-passiġġieri tad-DSP jaqbeż it-300 000 passiġġier fis-sena u l-kumpens previst mill-FDSP jaqbeż l-ammont ta’ EUR 30 miljun fis-sena. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet SIEĠ tal-2005 (117) u tal-2011 (118) mhumiex applikabbli għall-FDSP skont l-Artikoli 2(1)(c) u 2(1)(d) tagħhom rispettivament.

    (189)

    Il-Kummissjoni tqis li, b’dan u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe bażi oħra ta’ kompatibbiltà invokata minn Franza (119), il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-kumpens mogħti skont l-FDSP għandha tkun ivvalutata fid-dawl tal-Qafas SIEĠ. Madankollu, ta’ min ifakkar li, skont il-punt 69 tal-Qafas SIEĠ, il-prinċipji stabbiliti fil-punti 14, 19, 20, 24, 39 u 60 tal-imsemmi Qafas ma japplikawx għall-għajnuna illegali mogħtija qabel il-31 ta’ Jannar 2012.

    (190)

    Skont il-punt 11 tal-Qafas SIEĠ, l-għajnuna mill-Istat li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2011 tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 106(2), tat-TFUE jekk tkun meħtieġa għall-funzjonament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kkonċernat u ma taffettwax l-iżvilupp tal-kummerċ sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess tal-Unjoni. Bilanċ bħal dan huwa possibbli biss meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 2.2 sa 2.10 tal-Qafas jiġu ssodisfati.

    (191)

    Jeħtieġ l-ewwel nett li tiġi eżaminata d-definizzjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali allegat f’dan il-każ.

    8.1.1.   SERVIZZ TA’ INTERESS EKONOMIKU ĠENERALI REALI

    (192)

    Dment li l-kwalifika ta’ SIEĠ tas-servizz kumplimentari hija mgħarrqa minn żball manifest ta’ valutazzjoni (ara l-premessi 151 sa 167 hawn fuq), il-kumpens mogħti għal dan is-servizz ma jistax ikun iddikjarat kompatibbli mal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

    (193)

    B’kuntrast, il-Kummissjoni stabbilixxiet fuq il-bażi tal-analiżi mwettqa fil-premessi 145 sa 150 hawn fuq, li s-servizz bażiku kien jikkorrispondi għal SIEĠ definit tajjeb.

    8.1.2.   KUNDIZZJONIJIET OĦRAJN TAL-QAFAS SIEĠ

    (194)

    Jeħtieġ li jkun eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-Qafas SIEĠ humiex issodisfati fir-rigward tas-servizz bażiku biss, li huwa biss jikkorrispondi għal SIEĠ definit tajjeb.

    8.1.2.1.    Mandat

    (195)

    Dwar il-ħtieġa ta’ mandat li jispeċifika l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-metodi ta’ kalkolu tal-kumpens, l-FDSP jispeċifika l-obbligi involuti, kif ukoll il-parametri tal-kumpens.

    (196)

    Bħala tali, hemm bżonn li l-ewwel nett jiġi ċċarat li s-sempliċi eżistenza tal-klawsola ta’ salvagwardja (120), applikabbli f’każ ta’ bidliet sinifikanti fil-kundizzjonijiet tekniċi, regolatorji jew ekonomiċi tal-kuntratt, ma titfax dubju fuq il-bixra preliminari tad-definizzjoni tal-parametri tal-kumpens.

    (197)

    Tabilħaqq, din tippermetti qabel kollox lill-partijiet li jikkonkludu emendi f’każ ta’ bidliet sinifikanti fil-kundizzjonijiet operattivi tas-servizzi li jistgħu jxekklu l-għanijiet tal-FDSP. Għaldaqstant, hija ekwivalenti għal klawsola ta’ emenda tal-liġi komuni, li l-applikazzjoni possibbli tagħha xorta waħda għandha tiġi soġġetta għal analiżi skont il-liġi dwar l-għajnuna. Din il-klawsola għandha l-għan li “tirrestawra l-bilanċ finanzjarju inizjali”, primarjament permezz tal-modulazzjoni tat-tariffi massimi u tan-natura tas-servizzi. Il-possibbiltà li jinbidel il-kumpens, mhux espliċitament imsemmija fid-dokument, tista’ biss tinftiehem fil-kuntest ta’ bdil fis-servizzi offruti. Għalhekk, kif osservat fid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Istat imsemmija qabel, din il-klawsola ta’ salvagwardja ma tistax tiftaħ it-triq għal kumpens żejjed tas-servizzi mogħtija.

    (198)

    Dan ma jkunx il-każ kieku kien jidher biċ-ċar li, għall-kuntrarju taċ-ċirkostanzi ta' dan il-każ, is-sitwazzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ negozjar mill-ġdid kienu kbar wisq, jew kieku l-klawsola kienet tipprevedi l-possibbiltà ta’ kumpens addizzjonali għas-servizzi diġà mwettqa meta tiġi invokata l-klawsola każwali mingħajr ma tispeċifika l-parametri ta’ dan il-kumpens addizzjonali. L-eżistenza ta’ klawsola ta’ aġġustament (121) lanqas ma tikkontesta din il-konklużjoni, minħabba li l-applikazzjoni tagħha, min-naħa kienet tipprevedi l-preservazzjoni tal-ekonomija ġenerali tal-FDSP, u b’hekk tillimita ruħha għal modifiki u aġġustamenti żgħar, u min-naħa l-oħra kienet tipprevedi t-tnaqqis parallel fil-kumpens u fis-servizzi. Anki jekk jitqies li l-emenda tat-28 ta’ Diċembru 2009 kienet tibdel sostanzjalment il-parametri ta’ kumpens u t-tip tas-servizzi, jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-parametri ġew definiti qabel il-forniment tas-servizzi għall-perjodu 2010-2013, li għalih japplika.

    (199)

    Barra minn hekk, ma jidhirx illi l-bidliet fl-ammont ta’ dħul stmat bejn l-offerti differenti magħmula mill-kodelegati mhumiex ġustifikati. Il-Kummissjoni tqis li l-integrazzjoni ta’ previżjonijiet ta’ dħul aktar ottimisti tista’ fil-fatt tirrifletti l-estimi riveduti skont il-prospetti tas-suq. Hija tinnota wkoll li t-traffiku pproġettat magħżul fin-negozjati kien ġeneralment aktar baxx minn dak ippreżentat mill-offerta rivali (122). Minħabba d-dħul reali u pproġettat bejn l-2002 u l-2006 (123), u l-bidla favorevoli tas-suq tas-servizzi minn Korsika fl-2006, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-parametri ta’ referenza li abbażi tagħhom l-FDSP ipprovda l-aġġustamenti tal-kumpens huma fi kwalunkwe każ plawżibbli fid-dawl tal-premessa 23 tal-Qafas SIEĠ.

    (200)

    Rigward il-punti l-oħrajn li tqajmu mill-ilmentatur u meħuda mill-eżistenza ta’ sensiela ta’ klawsoli ta’ aġġustament (124), għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, il-kumplessità tal-mekkaniżmi ta’ aġġustament tal-kumpens aktarx li ma titfax dubju fuq l-għamla oġġettiva u trasparenti tal-mekkaniżmu ta’ kumpens (125).

    (201)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kumpens finanzjarju li kien allokat lid-delegati barra mill-qafas tal-FDSP, minħabba li l-awtoritajiet Franċiżi wrew li l-ammonti msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ kienu jikkorrispondu għal sempliċi talbiet tad-delegati, finalment miċħuda mill-OTC.

    8.1.2.2.    Tul tal-mandat

    (202)

    It-tul tal-mandat, ta' sitt snin u nofs, huwa konformi mal-linji gwida Komunitarji rigward is-suġġett (126), li jsemmu limitu ta’ sitt snin.

    8.1.2.3.    Konformità mad-Direttiva 2006/111/KE

    (203)

    Dwar il-konformità mad-Direttiva 2006/111/KE dwar it-trasparenza finanzjarja, l-impriżi delegati effettivament stabbilixxew kont analitiku separat għall-attivitajiet tagħhom fil-firxa tad-DSP. Għall-SNCM, dan il-kont jagħmel distinzjoni ulterjuri bejn l-attivitajiet tas-servizz bażiku u dawk tas-servizz kumplimentari (ara l-premessi 46 u 47 hawn fuq).

    8.1.2.4.    Ammont tal-kumpens

    (204)

    Dwar in-nuqqas ta’ kumpens żejjed, l-FDSP kien jinkludi limitu tal-marġni gross (esklużi l-amortizzazzjoni, il-kirjiet tan-noleġġ u imposti oħrajn tal-kapital) sa 15 % tal-valur tas-suq tal-bastimenti. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet sabet li ma kellha l-ebda informazzjoni li kienet tippermetti li teskludi kwalunkwe kumpens żejjed a priori.

    (205)

    L-ewwel nett il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ppermettiet li jiġi ċċarat li l-valur tas-suq tal-bastimenti kien ġie stabbilit skont l-esperti, u li nkisbu diversi valutazzjonijiet sabiex jintlaħqu l-parametri kuntrattwali. Għalhekk, il-bażi tal-assi użata għal-limiti massimi tal-kumpens tirrappreżenta l-valur tas-suq residwu tal-bastimenti użati fil-qafas tad-DSP (127).

    (206)

    Meta wieħed iqis il-valur tas-suq residwu tal-bastimenti tad-DSP kif amortizzat fi tmien snin (128), kif tipprovdi l-liġi tat-taxxa Franċiża, il-klawsola tal-limitu massimu kienet tillimita l-proporzjon tad-dħul nett fuq l-assi (ROA) u l-qligħ nett fuq il-kapital ekonomiku (ROCE) medju għal 2.5 % (129). Ir-rata “safe harbour” mogħtija mill-Qafas SIEĠ (130) fid-data tal-għoti tad-DSP kienet ukoll aktar minn 5 % (131), filwaqt li parti sostanzjali tar-riskju kummerċjali tas-servizzi kienet attwalment imġarrba mill-kodelegati SNCM u CMN. Barra minn hekk, jidher fil-prattika li d-dħul qabel l-imposti tal-kapital tad-delegati kien sinifikament aktar baxx minn dan il-limitu (ara aktar ’il fuq).

    (207)

    Il-kundizzjonijiet tal-FDSP ma kinux iwasslu għal kumpens żejjed. It-tqassim bejn il-kumpens għas-servizz bażiku u s-servizz kumplimentari għall-SNCM aktarx li ma jfixkilx din il-konklużjoni fir-rigward tas-servizz bażiku fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ tqassim analitiku tal-kumpens bejn iż-żewġ servizzi (ara l-premessa 46 aktar ’il fuq). Tabilħaqq, fuq il-bażi taċ-ċifri pprovduti minn Franza u mill-SNCM jidher li l-qligħ qabel l-imposti tal-kapital tal-SNCM attribwibbli għas-servizz bażiku baqa’ ferm inqas mil-limitu ta’ 15 % imsemmi hawn fuq.

    Qligħ qabel l-imposti tal-kapital skont il-kumpanija u skont is-servizz

     

    Servizz bażiku SNCM

    SNCM kollha

    CMN

    2007 S2

    […] (*)

    […]

    […]

    2008

    […]

    […]

    […]

    2009

    […]

    […]

    […]

    2010

    […]

    […]

    […]

    2011

    […]

    […]

    […]

    (208)

    Fl-aħħar nett, l-OTC ivverifika l-kumpens żejjed b’awditu estern wara tliet snin ta’ delega (fuq is-sena finanzjarja 2010). Barra minn hekk kumpanija fiduċjarja indipendenti kull sena tivverifika l-kontijiet operattivi tad-delegati f’isem l-OTC.

    8.1.2.5.    Rekwiżiti addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiggarantixxu li l-iżvilupp tal-iskambji kummerċjali ma jiġix affettwat tant li jmur kontra l-interess tal-Unjoni

    (209)

    Minħabba l-fatturi msemmija fit-taqsima 8.1.1.3, il-Kummissjoni tqis li l-ebda evidenza ma tissuġġerixxi li s-servizz pubbliku ta’ kontinwità territorjali seta’ jsir b’mod li jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni introdotti minn kuntratt ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, l-argumenti ta’ Corsica Ferries, li juru li l-kost medju tar-rotot tal-FDSP huwa ħafna ogħla mill-konnessjonijiet li jitilqu minn Nizza u Toulon li għalihom tapplika l-iskema ta’ għajnuna soċjali (132), ma jitfgħux dubji dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku għas-servizz matul is-sena kollha tal-portijiet ta’ Korsika, u b’mod partikolari għas-servizz tal-portijiet sekondarji (Porto-Vecchio, Calvi - Balagne, u Propriano). Barra minn hekk, kif imfakkar hawn fuq fit-taqsima 7.1.3.1, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raggruppament tar-rotot għas-servizz bażiku jissodisfa r-rekwiżiti ta’ effiċjenza teknika u ekonomika mhux kontestati.

    (210)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi nedew proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-għażla ta’ fornitur li jkun jista’ jopera, għall-perjodu bejn l-2014-2023, servizz minn Korsika għal Marsilja f’kundizzjonijiet simili għal dawk tas-servizz bażiku tad-DSP li huwa s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni. Din il-proċedura għandha tintemm fis-sajf tal-2013.

    (211)

    Dwar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni tosserva li l-kumpens tal-kosti tas-servizz bażiku ma jistax jaqbeż il-kosti tad-delegati, li jinkludu qligħ raġonevoli (ara t-taqsima preċedenti). Għaldaqstant ma jippermettix lil dawn l-impriżi jiġġeneraw qligħ eċċessiv li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiffinanzjaw servizzi oħrajn.

    (212)

    Għalhekk il-Kummissjoni tqis li m’hemmx bżonn jiġu imposti kundizzjonijiet addizzjonali li jiżguraw il-kompatibbiltà tal-kumpens tas-servizz bażiku mas-suq intern.

    9.   KONKLUŻJONI

    (213)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens irċevut mill-SNCM u s-CMN fil-qafas tas-servizz bażiku huwa għajnuna mill-Istat illegali iżda kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

    (214)

    Il-kumpens riċevut mill-SNCM fil-qafas tas-servizz kumplimentari previst mill-FDSP għall-perjodu li jkopri mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 huwa għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

    (215)

    Għalhekk l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jikkanċellaw, mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, il-ħlasijiet kollha lill-SNCM fil-qafas tal-kumpens tas-servizz kumplimentari. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-bilanċ annwali tal-kumpens għas-sena 2012 (jekk dan il-ħlas ma sarx diġà), kif ukoll il-ħlasijiet mensili għas-sena 2013 li probabbli jitħallsu wara din id-data.

    (216)

    Il-Kummissjoni mbagħad tfakkar li b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(1), tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, kull għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju (133).

    (217)

    Konsegwentement, Franza għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand l-SNCM il-kumpens li din tal-aħħar irċeviet fil-qafas tas-servizz kumplimentari tal-FDSP mill-1 ta’ Lulju 2007.

    (218)

    Biex tiddetermina l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, minbarra l-imgħaxijiet, il-Kummissjoni tqis li l-kontabilità analitika tal-SNCM (134) hija bażi adegwata għall-allokazzjoni tal-kumpens bejn servizz bażiku u servizz kumplimentari. Fuq din il-bażi, l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)

    l-ammont tal-kumpens attwalment imħallas mill-2007 sal-2011 fil-qafas tas-servizz kumplimentari li jammonta għal EUR 172 744 miljun (ara t-tabella taħt il-premessa 46 aktar ’il fuq);

    (b)

    il-ħlasijiet bil-quddiem ta’ kull xahar għas-sena 2012 fil-qafas tas-servizz kumplimentari, li huma stmati li jammontaw għal EUR 38 miljun (135) kif ukoll il-bilanċ tal-kumpens, li għandu jitħallas wara li jintbagħat ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tas-servizzi, jekk dan diġà tħallas.

    (c)

    il-ħlasijiet bil-quddiem ta’ kull xahar għas-sena 2013 fil-qafas tas-servizz kumplimentari sad-data ta’ din id-deċiżjoni, bħalissa stmati għal EUR 9,5 miljun, filwaqt li jitfakkar li Franza għandha tħassar il-pagamenti kollha sussegwenti għal din id-data.

    (219)

    L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jirkupraw l-ammont ekwivalenti għall-pagamenti kollha li saru fil-qafas tal-kumpens għas-servizz kumplimentari fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

    (220)

    Għall-finijiet ta’ dan l-irkupru, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom iżidu mal-ammont tal-għajnuna l-imgħaxijiet tal-irkupru kurrenti li jibda mid-data li fiha l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-impriża, jiġifieri kull data effettiva tal-ħlas tal-kumpens previst mill-FDSP, u dan sal-irkupru effettiv tiegħu (136), skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (137).

    (221)

    L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jakkumpanjaw il-kalkolu tal-imgħaxijiet tal-irkupru li għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, b’tabella li tindika d-dati u l-ammonti eżatti tal-ħlasijiet ta’ kull xahar u tal-aġġustamenti annwali li saru mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-kumpens imħallas lill-SNCM u lis-CMN fil-qafas tal-Ftehim ta’ Delega ta’ Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Ġunju 2007 huwa għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Din l-għajnuna mill-Istat ingħatat bi ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

    Artikolu 2

    1.   Il-kumpens imħallas lill-SNCM fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kapaċità addizzjonali pprovduta f’I a) 2), I b) 2) u I d) 1.4) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Ftehim ta’ Delega ta’ Servizz Pubbliku msemmi hawn fuq, huwa inkompatibbli mas-suq intern.

    2.   Il-kumpens imħallas lill-SNCM u lis-CMN għall-operat tas-servizzi l-oħrajn previsti mill-Ftehim ta’ Delega ta’ Servizz Pubbliku msemmi hawn fuq huwa kompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 3

    1.   Franza għandha l-obbligu li tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1), mill-benefiċjarju.

    2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħaxijiet, li jibdew mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru attwali tagħhom.

    3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (138) u skont ir-Regolament (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 (139).

    4.   Franza tħassar il-ħlasijiet kollha ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1), li jistgħu jseħħu wara d-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 4

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1), huwa immedjat u effettiv.

    2.   Franza tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 5

    1.   Fix-xahrejn ta’ wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, Franza tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    l-ammont totali (kapital u imgħax) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-deċiżjoni;

    (c)

    id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna;

    (d)

    id-data u l-ammont eżatt ta’ ħlasijiet ta’ kull xahar u tal-aġġustamenti annwali li saru mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    2.   Franza żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1). Hi tissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, kull informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-deċiżjoni. Tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 6

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lejn ir-Repubblika ta’ Franza.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    (2)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

    (3)  ĠU C 301, 5.10.2012, p. 1.

    (4)  ĠU C 301, p. 1.

    (5)  Din l-iskema, intitolata “Pjan ta’ għajnuna soċjali individwali fuq il-bażi tal-Artikolu 87.2 tat-Trattat”, hija mmirata għar-residenti tal-gżira, iżda wkoll għal xi kategoriji soċjali identifikati sew, u hija applikabbli għar-rotot li jgħaqqdu lil Korsika mal-portijiet ta’ Toulon u ta’ Nizza. Għal kull passiġġier eliġibbli għal skont, tnaqqis fit-tariffa huwa prefinanzjat mill-kumpaniji tat-trasport, u dan il-kejl ta’ unità mbagħad jintraddilhom lura.

    (6)  Id-Deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2002 fil-kawża ta’ Għajnuna mill-Istat Nru N 781/2001 – Franza – Pjan ta’ għajnuna soċjali individwali għas-servizzi marittima ta’ Korsika u d-Deċiżjoni tat-23 ta’ April 2007 fil-kawża Għajnuna mill-Istat Nru N 13/2007 – Franza – Estensjoni tal-pjan ta’ għajnuna soċjali individwali għas-servizzi marittimi ta’ Korsika Nru N 781/2001.

    (7)  Ara pereżempju l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, Opinjoni Nru 12-A-05 tas-17 ta’ Frar 2012 dwar it-trasport marittimu bejn Korsika u l-kontinent, paragrafu 125.

    (8)  Li minnha 100 % tal-kapital jinżamm mill-Istat Franċiż.

    (9)  Dawn il-linji gwida kienu ġew adottati fl-24 ta’ Marzu 2006, ara t-taqsima 2.4.1 hawn taħt.

    (10)  C 58/2002 (ex N 118/02) – Franza – dwar il-miżuri li Franza implimentat favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée, adottati fil-25 ta’ Frar 2003, ĠUKE L 61, 7.2.2004, p. 13. Fil-15 ta’ Ġunju 2005, fil-kawża T-349/03, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2003 minħabba evalwazzjoni żbaljata tan-natura minima tal-għajnuna. Wara miżuri ġodda ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura C 58/2002 permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2006. Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida fit-8 ta’ Lulju 2008, ĠUKE L 255, 27.8.2009, p. 180. Din id-deċiżjoni ġiet parzjalment annullata mill-Qorti (kawża T-565/08) wara appell ippreżentat mill-kumpanija Corsica Ferries ta’ Franza. L-SNCM u Franza ppreżentaw appell għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti (kawżi C-533/12 P u C-536/12 P).

    (11)  Fl-2011 Veolia Transdev kienet tappartjeni b'mod ugwali lil Veolia Environnement u lil Caisse des Dépôts et Consignations (CDC).

    (12)  Fost dawn, in-Napoléon Bonaparte u d-Danielle Casanova biss intużaw b’mod regolari sabiex joperaw is-servizzi tad-DSP mill-2007. L-erba’ laneċ l-oħrajn li ħaddmet l-SNCM fl-2013 huma il-Méditerranée, il-Corse, l-Ile de Beauté u l-Excelsior.

    (13)  Il-Jean Nicoli ħa post il-Monte Cinto għall-operat tas-servizzi tad-DSP fl-2009.

    (14)  Offerta globali u indiviżibbli tal-SNCM għar-rotot kollha; offerta tal-kumpanija Corsica Ferries li kienet tinkludi għażliet differenti; offerta tas-CMN li kien fiha sitt proposti individwali differenti; offerta tal-grupp temporanju iffurmat mill-kumpanija Corsica Ferries u s-CMN li kienet tinkludi żewġ għażliet.

    (15)  Ara l-premessa 24 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (16)  Ara l-premessa 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (17)  Offerta kienet tirrigwarda kull waħda mill-ħames linji ta’ tbaħħir tas-servizz pubbliku, l-oħra kienet ta’ natura globali u indiviżibbli u kienet tirrigwarda l-ħames linji ta’ tbaħħir f’daqqa.

    (18)  Il-kumpanija Corsica Ferries issottomettiet offerti rigward ir-rotot Marsilja - Ajaccio, Marsilja - Porto-Vecchio u Marsilja - Propriano, kif ukoll offerta globali għal dawn it-tliet rotot.

    (19)  Ara l-paragrafu 30 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (20)  L-OTC iddeċieda li l-kumpanija Corsica Ferries ma kinitx kapaċi tistabbilixxi b’mod stabbli u finali d-data li fiha tkun tista’ twettaq id-delega u lanqas ma kienet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ età massima tal-bastimenti stabbilita mir-Regolament speċifiku tas-sejħa għall-offerti.

    (21)  Ir-Regolament (KEE) Nruo3577/92 tal-Kunsill, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu); ĠUKE L 364, 12.12.1992, p. 7.

    (22)  Sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Lulju 2003, kawża C-280/00, Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, Ġabra 2003, p. 7747.

    (23)  CAA Marseille, 7 ta’ Novembru 2011, Société Corsica Ferries vs Collectivité Territoriale de Corse, Nru 08MA01604. Ara l-paragrafu 40 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (24)  Il-Kunsill tal-Istat qies, min-naħa, li r-Regolament Nru 3577/92 tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri ma “jeskludix li l-ħtieġa reali tas-servizz pubbliku tiġi vvalutata globalment għal kull rotta jew vjaġġ matul il-perjodu kollu tat-twettiq tal-kuntratt jew matul il-perjodi li jiddistingwi, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk din il-ħtieġa hijiex iġġustifikata dejjem matul dan il-perjodu jew dawn il-perjodi; li wara, jekk id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet jiġu meqjusa inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament minħabba li s-servizz kumplimentari meħtieġ mill-grupp delegat fuq ir-rotot Marsilja-Ajaccio, Marsilja-Bastia u Marsilja-Propriano, maħsub sabiex isaħħaħ tul il-perjodi l-aktar intensivi s-servizz permanenti pprovdut fuq dawn l-istess rotot tul is-sena kollha, ikun jissodisfa ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku separat mill-ħtieġa li s-servizz permanenti kien jissodisfa, il-Qorti amministrattiva tal-Appell ta’ Marsilja għamlet żball ta’ liġi”. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill tal-Istat qies li l-fatt li l-Artikolu 7.1 tal-Ftehim (ara l-premessa 38 hawn taħt) “jista’ għalhekk iwassal għat-teħid ta’ deċiżjoni mill-entità pubblika li l-azzjoni tagħha tkun soġġetta għal notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, ma jippermettix, minnu nnifsu, li jikkwalifika din il-klawsola ta’ għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat; li meta ġġudikat il-kuntrarju, il-qorti, wara wettqet żball ta’ kwalifika legali tal-fatti”.

    (25)  Fuq ir-rotot Marsilja – Bastia, Marsilja – Ajaccio u Marsilja – Porto Vecchio, id-delegati għandhom jipprovdu f’kull direzzjoni kapaċità minima, għat-trasport tal-passiġġieri, ta’ mill-inqas 450 post ta’ mistrieħ f’mill-inqas, 140 kabina; mill-inqas 50 post fil-faċilitajiet komuni allokati; mill-inqas 150 post għall-karozzi. Ir-rotta Marsilja – Propriano għandha toffri mill-inqas 200 post ta’ mistrieħ, f’mill-inqas 55 kabina; mill-inqas 55 post għall-karozzi. Ir-rotta Marsilja – Balagne għandha toffri mill-inqas 220 post ta’ mistrieħ, f’mill-inqas 70 kabina; mill-inqas 70 post għall-karozzi. Rigward it-trasport tal-merkanzija, ir-rotta Marsilja – Bastia għandha toffri kapaċità ta’ mill-inqas 1 800 metru lineari; ir-rotta Marsilja – Ajaccio mill-inqas 1 200 metru lineari; ir-rotta Marsilja – Porto Vecchio mill-inqas 1 000 metru lineari; ir-rotot Marsilja – Propriano u Marsilja – Balagne mill-inqas 600 metru lineari.

    (26)  Il-konsistenza tas-servizz kumplimentari hija definita f’I a) 2) (Marsilja - Ajaccio), I b) 2) (Marsilja - Bastia) u I d) 1.4) (Marsilja – Propriano) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP.

    (27)  Ara l-premessa 44 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (28)  Ara l-premessa 45 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (29)  Ara l-premessa 46 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (30)  Id-dħul stmat huwa d-dħul gross ta’ referenza vvalutat mill-ġdid skont l-indiċi tal-prezzijiet stmat tal-PDG tas-sena kkunsidrata.

    (31)  L-Artikolu 7.2 b’hekk jipprovdi “eżenzjoni” ta’ 2 % mid-dħul stmat.

    (32)  Ara l-premessa 49 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (33)  L-Artikolu 7.2 tal-FDSP jistipula li din il-klawsola ta’ aġġustament skont id-dħul reali tibqa’ taħdem sal-implimentazzjoni tal-klawsola ta’ adattament prevista fl-Artikolu 8.

    (34)  L-Artikoli 5.1 u 5.2 li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-ħlas tal-kumpens finanzjarju.

    (35)  Ir-riżultat qabel is-sussidju huwa fil-fatt negattiv għaż-żewġ servizzi (bażiku u kumplimentari) għal kull sena bejn l-2007 u l-2011.

    (36)  Din ir-regola ta’ allokazzjoni hija applikata għall-kumpens kuntrattwali indiċjat. L-aġġustamenti għad-dħul reali huma mqassma fi proporzjon mal-varjant annwali misjub għal kull wieħed miż-żewġ servizzi, u s-supplimenti skont il-merkanzija partikolari jaqgħu taħt is-servizz bażiku. Fl-aħħar nett, l-aġġustamenti tal-“fjuwil” u t-tnaqqis magħmul għal servizzi li ma jsirux huma direttament allokati lis-servizz ikkonċernat.

    (37)  Ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 imsemmi qabel.

    (38)  ĠUUE C 8, 11.1.2012, p. 15–22.

    (39)  Franza tirreferi għal-linji gwida għall-operat tar-rotot marittimi bejn Marsilja u Korsika mill-1 ta’ Jannar 2007, kif definiti mill-Assemblea Territorjali ta’ Korsika fl-24 ta’ Marzu 2006, ara l-premessa 22 hawn fuq.

    (40)  KE, 13 ta’ Lulju 2012, Compagnie méridionale de navigation, Société nationale Corse Méditerranée, Ġabra Nru 355616.

    (41)  Id-Deċiżjoni Nru 06-MC-03, 11 ta’ Diċembru 2006dwar talbiet għal miżuri protettivi fis-settur tat-trasport marittimu bejn Korsika u l-kontinent.

    (42)  L-awtoritajiet Franċiżi jirreferu għall-Komunikazzjoni COM(2003)595 final tat-22 ta’ Diċembru 2003 dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament 3577/92 imsemmi qabel.

    (43)  Id-Direttiva 2006/111/KE tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f’ċerti impriżi, ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17–25.

    (44)  Fi kliem ieħor, il-marġni netta tal-attività tat-trasport marittimu ma’ Korsika tista’ tkun akbar mill-marġni netta medja tal-impriżi involuti.

    (45)  Żieda ta’ 44 242 passiġġier.

    (46)  Tnaqqis ta’ 208 213-il passiġġier.

    (47)  Żieda ta’324 466 passiġġier.

    (48)  Sentenza tal-20 ta’ Frar 2001 fil-kawża C-205/99 Analir ea/Spanja, Ġabra 2001, I-1295.

    (49)  Corsica Ferries tibbaża prinċipalment fuq statistiċi traskritti mill-ġdid fid-Deliberazzjoni tal-Assemblea ta’ Korsika tas-26 ta’ Novembru 2009.

    (50)  L-Artikolu 3 tal-FDSP, ara l-premessa 35 hawn fuq.

    (51)  Kawża C-205/99, imsemmija qabel.

    (52)  Ara, pereżempju is-sentenza tal-Qorti tal-10 ta’ Jannar 2006, Ministero dell’Economia e delle Finanze/Cassa di Risparmio di Firenze (C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 129).

    (53)  Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 1990, C-301/87, Franza/Kummissjoni, Ġabra 1990, p. I-307, punt 41.

    (54)  Ara l-premessa 38 hawn fuq.

    (55)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 24 hawn fuq

    (56)  Imsemmija qabel, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 22.

    (57)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-kumpens mogħti għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, adottata mill-Kummissjoni fl-20.12.2011 u ppubblikata fil-ĠUUE C 8, 11.1.2012, p. 4.

    (58)  Ara l-Komunikazzjoni SIEĠ imsemmija qabel, paragrafu 46.

    (59)  Ara l-Komunikazzjoni SIEĠ imsemmija qabel, paragrafu 46.

    (60)  B’mod partikolari s-sentenza Analir imsemmija qabel.

    (61)  Ara l-Qafas tas-SIEĠ, paragrafi 8 u 13.

    (62)  Ara l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament 3577/92 imsemmi qabel.

    (63)  Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12; tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst, C-43/93, Ġabra p. I-3803, punt 14; tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot, C-272/94, Ġabra p. I-1905, punt 10; tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C-266/96, Ġabra p. I-3949, punt 56, u tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade e.a., C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 33.

    (64)  Il-konsistenza ta’ kull servizz hija mfakkra fil-premessa 33 u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 25 u 26 hawn fuq. B’mod partikolari, I a) 2) (Marsilja - Ajaccio), I b) 2) (Marsilja - Bastia) u I d) 1.4) (Marsilja – Propriano) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP jispjegaw il-konsistenza tas-servizz kumplimentari.

    (65)  Ara d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée, ĠU L 50, 21.2.2002, p.66, premessa 74.

    (66)  L-ixkumar ikopri s-sitwazzjoni fejn il-kumpaniji tat-trasport marittimu rivali joperaw biss fil-perjodu l-aktar intensiv.

    (67)  FDSP, Anness I. Din il-firxa ta’ wasliet kienet bejn is-6.30 u s-7.00 ta’ filgħodu għar-rotot Marsilja – Ajaccio u Marsilja – Bastia, u mis-6.30 sas-7.30 ta’ filgħodu għar-rotot Marsilja – Propriano, minħabba r-restrizzjonijiet imposti għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija.

    (68)  Matul il-perjodu 2002-2006, kien definit servizz “supplimentari” li taħtu l-kodelegati kienu jużaw kapaċitajiet tal-passiġġieri addizzjonali fil-perjodu l-aktar intensiv. Dan is-servizz kien ipprovdut mill-vapuri tal-passiġġieri. Ara r-rapport tax-Chambre régionale des Comptes ta’ Korsika msemmi qabel.

    (69)  Is-servizz bażiku kien imħaddem mill-2002 minn vapuri tal-merkanzija mħallta, filwaqt li għas-servizz kumplimentari kienu jintużaw laneċ (jew vapuri tal-passiġġieri). Kif enfasizzat b’mod partikolari mix-Chambres régionale des comptes ta’ Korsika (Rapport ta’ osservazzjonijiet finali dwar l-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Korsika, p. 80 sa 82), l-FDSP “jixbah, fil-formulazzjoni tiegħu u fl-organizzazzjoni ġenerali tiegħu, lill-ftehim preċedenti”, u dwar l-OSP,it-termini tagħhom ftit li xejn inbidlu.

    (70)  Ara l-premessa 47 hawn fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 35.

    (71)  Ara s-sentenza Analir imsemmija qabel, punt 27.

    (72)  Ara d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée, ĠUKE L50, 21.2.2002.

    (73)  Ara l-premessa 79 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (74)  COM(2003) 595 final – mhux ippubblikata fil-ĠUKE, taqsima 5.5.3.

    (75)  B'mod partikolari billi jiġi minimizzat l-impatt tal-waqfien operattiv ta’ ċerti bastimenti.

    (76)  FDSP, Anness I.

    (77)  Anness 2, assenjazzjoni awtomatika tal-bastimenti għal kull rotta.

    (78)  B’hekk, il-Pascal Paoli kien assenjat prinċipalment għar-rotta Marsilja-Bastia, u xi drabi għar-rotta Marsilja-Balagne. Bl-istess mod, is-servizz bażiku fuq Propriano kellu jkun ipprovdut mit-tliet bastimenti tas-CMN, Girolata, Kalliste u Scandola.

    (79)  Ara l-Anness 2 għall-FDSP.

    (80)  Dawn l-obbligi huma essenzjalment limitati għal kapaċità minima ta’ trasport li għandha tkun ipprovduta fl-aktar perjodi intensivi, ara l-premessa 141 hawn fuq.

    (81)  Ara t-taqsima 5.1.1 hawn fuq.

    (82)  Rapport ta’ osservazzjonijiet finali tax-Chambre régionale des comptes ta’ Korsika, Kontinwità Territorjali, 2010, p 65.

    (83)  Il-Kummissjoni hawnhekk qiegħda tagħmel referenza għat-traffiku marittimu tal-passiġġieri li jkunu ġejjin jew sejrin lejn il-portijiet kollha ta’ Korsika.

    (84)  Sors: Osservazzjoni Reġjonali tat-Trasport ta’ Korsika.

    (85)  Ara t-taqsima 2.4

    (86)  Ara d-Deċiżjoni Nru 06-MC-03 tal-11 ta’ Diċembru 2006, paragrafu 97.

    (87)  Ara d-Deċiżjoni Nru 06-MC-03 tal-11 ta’ Diċembru 2006, paragrafu 80.

    (88)  Il-vjaġġ fuq il-baħar jieħu medda ta’ 5.45 sigħat minn Toulon sa madwar 10 sigħat minn Marsilja bil-vapur tal-merkanzija mħallta (vjaġġ ta’ bil-lejl).

    (89)  Ara wkoll l-Opinjoni Nru 12-A-05 tas-17 ta’ Frar 2012 imsemmija qabel, taqsima C 2) u b’mod partikolari l-paragrafu 131 dwar grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi bejn il-portijiet ta’ Korsika min-naħa, u Marsilja u Toulon min-naħa l-oħra, inkluż fil-perjodu ta’ ftit traffiku. L-ebda evidenza miksuba fil-qafas tal-proċedura ma tindika li l-fatturi li jaffettwaw is-sostitwibbiltà tat-talba ta’ trasport minn Marsilja u minn Toulon inbidlu b’mod fundamentali bejn l-2006 u l-2012.

    (90)  Is-servizzi msemmija hawnhekk huma s-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri lejn Bastia u Ajaccio, l-uniċi moqdija minn Toulon.

    (91)  Kunflitt soċjali kbir seħħ f’Marsilja fix-xhur ta’ Settembru u Ottubru tal-2005 bħala parti mill-privatizzazzjoni tal-SNCM.

    (92)  Il-Kummissjoni kkunsidrat dan l-impatt meta kkoreġiet iċ-ċaqliq tat-traffiku reali mill-bidliet annwali osservati fix-xhur ta’ qabel l-istrajk. Għalkemm huwa plawżibbli li d-dejta dwar it-traffiku tax-xhur immedjatament wara taqlib kbir tkun ukoll affettwata minn kanċellazzjonijiet ta’ prenotazzjonijiet, iċ-ċifri tax-xhur preċedenti jipprovdu għall-kuntrarju referenza li tirrifletti b’mod aktar preċiż il-bidliet fit-tul tas-swieq inkwistjoni.

    (93)  B’kuntrast, iċ-ċaqliq tat-traffiku lejn Nizza, għalkemm sinifikanti, kien ferm aktar baxx. Sors: Osservatorju Reġjonali tat-Trasport ta’ Korsika.

    (94)  Minħabba l-aġġustamenti tendenzjali deskritti qabel, it-tnaqqis fil-frekwenza ta’ tluq minn Marsilja jammonta għal 22 600 passiġġier, filwaqt li ż-żieda aġġustata ta’ frekwenza f’Toulon hija ta’ 20 056 passiġġier. Ma kien hemm l-ebda ċaqliq aġġustat għal Nizza.

    (95)  Ara l-premessa 159 hawn fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha Nru 93.

    (96)  L-impatt tat-tħarbit tas-servizzi li jitilqu minn Marsilja fuq it-traffiku totali attwalment misjub huwa fil-fatt imnaqqas miż-żieda konkomitanti fin-numru ta’ passiġġieri fuq ir-rotot li jitilqu minn Toulon, ara l-premessa 159 hawn fuq.

    (97)  Barra minn hekk, is-sena 2006 kienet ikkaratterizzata minn żieda qawwija fin-numru ta’ passiġġieri ttrasportati globalment lejn Korsika, b’ammont ta’ 8,5 % skont l-ORTC.

    (98)  Kemm f’termini ta’ kapaċitajiet allinjati fid-DSP 2007-2013 kif ukoll tad-domanda effettivament irreġistrata, il-konnessjoni bejn Marsilja u Propriano kienet tirrappreżenta madwar 10 % tal-attività tas-servizz kumplimentari. Sors: ORTC u r-Rapport ta’ implimentazzjoni tas-servizzi mill-SNCM 2010.

    (99)  Ara l-punt 48 tal-Komunikazzjoni SIEĠ.

    (100)  Ara l-premessa 7 hawn fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 5.

    (101)  Ara l-punt 62 tal-Komunikazzjoni SIEĠ.

    (102)  Kodiċi Ġenerali tal-Kollettivitajiet Territorjali.

    (103)  Ara l-punti 65 u 66 tal-Komunikazzjoni SIEĠ.

    (104)  Ara l-Komunikazzjoni SIEĠ, punt 67.

    (105)  Rapport tal-Kummissjoni dwar id-delega ta’ servizz pubbliku.

    (106)  Ara d-Deċiżjoni Nru 06-MC-03 tal-11 ta’ Diċembru 2006 dwar it-talbiet tal-miżuri protettivi fis-settur tat-trasport marittimu bejn Korsika u l-kontinent, b’mod partikolari l-punt 106: “Is-sitwazzjoni tat-tluq minn Marsilja għandha tkun analizzata, minkejja n-nuqqas ta’ esklussività ġuridika, bħala monopolju de facto favur iż-żewġ delegati li, wkoll, minħabba l-pożizzjoni ta’ operaturi stabbiliti fuq dawn ir-rotot, għandhom l-aktar bastimenti adattati għall-iżgurar tat-traffiku tal-merkanzija u tal-passiġġieri bi tluq minn Marsilja.”

    (107)  Għalhekk, il-port ta’ Bastia fl-2007 ma kienx jippermetti l-manuvrar ta’ bastimenti li jkollhom tul ta’ aktar minn 180 metru.

    (108)  Għalhekk, l-impossibbiltà ta’ tħaddim ta’ bastimenti ta’ aktar minn 20 sena kienet twassal għar-restrizzjoni tal-vapuri kollha li setgħu jkunu allinjati minn rivali oħrajn tal-operaturi stabbiliti.

    (109)  B’hekk, ta’ min isemmi li l-kost għoli ta’ bastiment li jista’ jissodisfa r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-FDSP, anki użati, kien ostakolu għad-dħul addizzjonali. Il-vapur tal-merkanzija mħallta Jean Nicoli b’hekk inxtara mill-SNCM għal EUR 75 miljun fl-2009.

    (110)  Ara taqsima 2.5 hawn fuq.

    (111)  B’mod partikolari fir-rigward tal-età tal-flotta, jew tal-adattament tas-servizzi (ara l-FDSP, Anness I).

    (112)  Ovvjament, il-konklużjoni ta’ emenda b’negozjati diretti bejn l-awtorità kontraenti u l-grupp delegat ma tfixkilx din il-konklużjoni rigward il-perjodu 2010-2013.

    (113)  Ara l-punt 61 tal-Komunikazzjoni SIEĠ.

    (114)  Ara r-Rapport tal-osservazzjonijiet finali dwar l-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Korsika, p. 80.

    (115)  Ara l-premessa 15 hawn fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 10.

    (116)  Ara l-premessi 118 sa 120 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (117)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2), tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali; ĠUKE L 312, 29.11.2005, p. 67.

    (118)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali; ĠUUE L 7, 11.1.2012, p. 3.

    (119)  Ara s-sentenza tal-Qorti tat-28 ta’ April 1993, C-364/90, Italja vs. Kummissjoni, Ġabra [1993], p. I-02097, punt 20.

    (120)  Ara l-premessi 37 u 38 hawn fuq.

    (121)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33 hawn fuq u l-premessa 54 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (122)  Dwar ir-rotot Marsilja-Ajaccio, Marsilja-Propriano u Marsilja Porto-Vecchio, sors: rapport tal-Kumitat għad-delega ta’ servizz pubbliku.

    (123)  Id-dħul nett totali tal-SNCM fl-2005 fuq l-attivitajiet tagħha tad-DSP kien pereżempju ta’ EUR 80,3 miljun, imqabbla ma’ dħul stmat ta’ EUR 85,5 miljun fl-2008.

    (124)  Ara l-premessi 38 u 39 hawn fuq, u l-premessa 53 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (125)  Ara s-sentenza tal-Qorti tat-12 ta’ Frar 2008, T-289/03, BUPA vs il-Kummissjoni, Ġabra [2008] II-81, premessa 217.

    (126)  Ara l-Komunikazzjoni C(2004) 43 tal-Kummissjoni – Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu, taqsima 9, paragrafu 3.

    (127)  Il-valur tas-suq ta’ kull bastiment huwa rikonoxxut pro rata tal-użu tiegħu għad-DSP.

    (128)  Dan it-tul ta’ żmien, għalkemm qasir fir-rigward tat-tul tal-ħajja ekonomika ta’ bastiment (li jista’ jaqbeż l-20 sena), huwa ġġustifikat dment li (1) l-ispeċifikazzjonijiet kienu jimponu età massima ta’ 20 sena għall-bastimenti, u (2) l-età medja tal-bastimenti tas-CMN kienet ta’ aktar minn 13-il sena u dik tal-vapuri tal-SNCM kienet ta' 12-il sena, u dan kien jillimita de facto t-tul ta’ ħajja ekonomika tagħhom fin-nuqqas ta’ investimenti ta’ manutenzjoni kbira.

    (129)  Fil-fatt, il-valur tal-bastimenti użati għad-DSP huwa limitu iżgħar għall-assi tal-kumpanija marittima.

    (130)  Ara l-Qafas SIEĠ, paragrafu 37, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tindika rata ta’ 100 punt ta' bażi ogħla mir-rata swap applikabbli (l-istess munita, l-istess maturità) bħala li tikkostitwixxi qligħ raġonevoli jkun xi jkun il-livell tar-riskju ekonomiku li realment jinġarr mill-fornitur tas-SIEĠ.

    (131)  Fin-nuqqas ta’ rata swap disponibbli għal maturità ta’ sitt snin u nofs, il-Kummissjoni użat bħala indikatur ir-rata swap ta’ maturità ta’ 7 snin. L-għeluq ta’ kuljum ta’ din ir-rata matul ix-xahar ta’ qabel l-għoti tad-DSP kien bejn l-4,4 % u l-4,7 % (sors: Bloomberg).

    (*)  Informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali.

    (132)  Ara l-premessa 7 hawn fuq u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 5.

    (133)  Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE, ĠUKE L 83, 27.3.1999, p.1.

    (134)  Ara t-taqsima 2.5.

    (135)  Dan l-ammont huwa stmat b’kunsiderazzjoni tat-tqassim analitiku bejn kumpens għas-servizz bażiku u għas-servizz kumplimentari għall-2011, fuq il-bażi ta’ żieda mbassra ta’ 0.3 % fl-2012 meta mqabbla mal-2011 għall-SNCM. Il-ħlasijiet bil-quddiem ta’ kull xahar jirrappreżentaw 95 % tal-kumpens previst indiċjat (ara l-premessa 45 hawn fuq).

    (136)  Ara l-Artikolu 14(2), tar-Regolament Nru 659/99 (imsemmi qabel).

    (137)  ĠU L 140, 30 ta’ April 2004, p. 1.

    (138)  ĠU L 140, 30 ta’ April 2004, p. 1.

    (139)  ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1–64.


    Top