Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0392

    2013/392/: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Lulju 2013 li tistabbilixxi d-data tal-effettività tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra

    ĠU L 198, 23.7.2013, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2015; Mibdul minn 32015D1956

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/392/oj

    23.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 198/45


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-22 ta’ Lulju 2013

    li tistabbilixxi d-data tal-effettività tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra

    (2013/392/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI tipprevedi li hija għandha ssir effettiva minn data li għandha tiġi determinata mill-Kunsill ladarba l-Kummissjoni tkun għarrfet lill-Kunsill li r-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (2) ikun daħal fis-seħħ u hu applikabbli interament.

    (2)

    Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kunsill li r-Regolament (KE) Nru 767/2008 daħal fis-seħħ u huwa interament applikabbli mis-27 ta’ Settembru 2011.

    (3)

    Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt H tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (4).

    (4)

    Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimetazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis  (5) ta’ Schengen li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt H tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

    (5)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt H tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8).

    (6)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (9). Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002, rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (10). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-pożizzjoni tal-Istati Membri li fir-rigward tagħhom għadu ma daħalx fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 767/2008. B’mod partikolari, hija ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI għandha ssir effettiva mill-1 ta’ Settembru 2013.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129.

    (2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

    (3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (5)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

    (7)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (8)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

    (9)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    (10)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.


    Top