This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0375
2013/375/EU: Council Implementing Decision of 9 July 2013 approving the update of the macroeconomic adjustment programme of Portugal
2013/375/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Portugall
2013/375/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Portugall
ĠU L 192, 13.7.2013, p. 74–74
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 192, 13.7.2013, p. 52–52
(HR)
In force
13.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 192/74 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tad-9 ta’ Lulju 2013
li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Portugall
(2013/375/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li, fil-waqt tad-dħul fis-seħħ tiegħu, diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u/jew il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu din l-għajnuna finanzjarja, li jeħtieġu li jkunu applikati flimkien mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi l- mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (2) meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-assistenza kemm mill-EFSM u kemm minn sorsi oħra. |
(3) |
Il-Portugall ingħata assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tat-30 ta’ Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (3), kif ukoll mill-EFSF. |
(4) |
Għal raġunijiet ta’ konsistenza l-approvazzjoni tal-aġġornament ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Portugall skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 għandu jsir b’referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE. |
(5) |
B’konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew, wettqet is-seba’ reviżjoni sabiex tivvaluta l-progress magħmul mill-awtoritajiet Portugiżi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku kif ukoll l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta’ dik ir-reviżjoni, għandhom isiru xi tibdiliet għall-programm ta’ aġġustament makroekonomiku eżistenti. |
(6) |
Dawk il-bidliet jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/323/UE (4), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżuri stipulati fl-Artikolu 3(7) sa (9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE li għandhom jittieħdu mill-Portugall bħala parti minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu huma b’dan approvati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(1) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(2) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.
(3) ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.
(4) ĠU L 175, 27.6.2013, p. 47.