Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0318

    2013/318/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ġunju 2013 li tħassar id-Deċiżjoni 2009/590/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Rumanija

    ĠU L 173, 26.6.2013, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/318/oj

    26.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 173/50


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-21 ta’ Ġunju 2013

    li tħassar id-Deċiżjoni 2009/590/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Rumanija

    (2013/318/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Lulju 2009, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), il-Kunsill iddeċieda, fid-Deċiżjoni 2009/590/KE (1), li fir-Rumanija kien hemm defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq 5,4 % tal-PDG fl-2008, għalhekk ogħla mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 13,6 % tal-PDG, li huwa ferm taħt il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat (2).

    (2)

    Fis-7 ta' Lulju 2009, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (3), il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għamel Rakkomandazzjoni indirizzata lir-Rumanija bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tintemm sal-2011 (“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009”). Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 ġiet ippubblikata.

    (3)

    Fit-12 ta' Frar 2010, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li fiha rrikonoxxa li l-awtoritajiet Rumeni ħadu azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 u li avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b'konsegwenzi negattivi kbar għall-finanzi tal-gvern seħħew fir-Rumanija, indirizza Rakkomandazzjoni riveduta lir-Rumanija bl-għan li ttemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2012. Din ir-Rakkomandazzjoni riveduta ġiet ippubblikata.

    (4)

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv mehmuża mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom u dwar varjabbli assoċjati oħra, darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4).

    (5)

    Meta jqis jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex titħassar, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha titħassar biss jekk it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-PDG tul il-perijodu mbassar.

    (6)

    Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat), skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifka mir-Rumanija qabel l-1 ta’ April 2013 u fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

    Ir-reċessjoni akbar milli mistennija fl-2009 rriżultat f’nuqqas sinifikanti fid-dħul tal-gvern, li għolla d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għal madwar 9 % tal-PDG minkejja l-isforzi biex titnaqqas in-nefqa tal-gvern. Wara dan l-iżvilupp mhux mistenni u l-estensjoni tad-data ta' skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'sena, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika sussegwentament tnaqqas għal 6,8 % tal-PDG fl-2010, għal 5,6 % tal-PDG fl-2011 u għal 2,9 % tal-PDG fl-2012, li huwa taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Il-korrezzjoni tad-defiċit ġiet xprunata primarjament minn kontroll strett taż-żieda fin-nefqa, inkluż permezz tal-kontroll tal-liġi dwar il-paga fis-settur pubbliku, iffriżar tal-pensjonijiet u tnaqqis tal-benefiċċji soċjali għajr il-pensjonijiet. Kienet appoġġata wkoll minn miżuri ta' dħul bħal żieda fir-rati tal-VAT b'5 punti perċentwali u twessigħ tal-bażi tat-taxxa tad-dħul personali. L-aġġustament fiskali ġie implimentat fil-kuntest ta' żewġ programmi ta' aġġustament ekonomiku konsekuttivi appoġġati minn għajnuna għall-bilanċi ta’ pagament.

    Il-Programm ta’ Konverġenza mill-2013 sal-2016 ibassar li d-defiċit ikompli jonqos għal 2,4 % tal-PDG fl-2013 u għal 2,0 % tal-PDG fl-2014. Fit-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2013 u għal 2,4 % tal-PDG fl-2014, fuq il-bażi ta' suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta' politika li jibqa' taħt il-valur ta' referenza skont it-Trattat.

    It-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika jiżdied moderatament minn 37,8 % tal-PDG fl-2012 għal 38,5 % tal-PDG fl-2014.

    (7)

    Mill-2013, li hija s-sena li ssegwi l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, ir-Rumanija għandha timxi lejn il-mira baġitarja tagħha ta' perijodu medju b'pass xieraq, kif ukoll li tirrispetta l-punt ta' referenza tan-nefqa.

    (8)

    Skont l-Artikolu 126(12) TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha titħassar meta d-defiċit eċċessiv tal-Istat Membru kkonċernat, fil-fehma tal-Kunsill, ikun ġie kkoreġut.

    (9)

    Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fir-Rumanija ġie kkoreġut u għalhekk id-Deċiżjoni 2009/590/KE għandha titħassar.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fir-Rumanija ġiet ikkoreġuta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2009/590/KE hija b'dan imħassra.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. NOONAN


    (1)  ĠU L 202, 4.8.2009, p. 48.

    (2)  Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/590/KE, id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2008 ġew riveduti u bħalissa qegħdin 5,8 % tal-PDG u 13,4 % tal-PDG rispettivament.

    (3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 8.

    (4)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.


    Top