Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0306

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/306/PESK tal- 24 ta’ Ġunju 2013 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

    ĠU L 172, 25.6.2013, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/306/oj

    25.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 172/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/306/PESK

    tal-24 ta’ Ġunju 2013

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/328/PESK (1) biex jaħtar lis-Sinjura Patricia FLOR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2013.

    (2)

    Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 12-il xahar.

    (3)

    Il-mandat tar-RSUE ser jiġi implimentat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il mandat tas-Sinjura Patricia FLOR bħala r-RSUE għall-Asja Ċentrali huwa b'dan estiż sat-30 ta' Ġunju 2014. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi terminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

    Artikolu 2

    Objettivi ta’ politika

    Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fl-Asja Ċentrali. Dawn l-objettivi jinkludu:

    (a)

    il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-Unjoni u tal-Asja Ċentrali abbażi ta’ valuri u interessi komuni kif jinsabu fi ftehimiet rilevanti;

    (b)

    kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun;

    (c)

    kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali;

    (d)

    l-indirizzar ta' minaċċji ewlenin, speċjalment ta' problemi speċifiċi b'implikazzjonijiet diretti għall-Ewropa;

    (e)

    titjib fl-effikaċja u viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun, anke permezz ta' koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma' sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti.

    Artikolu 3

    Mandat

    1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    tippromwovi l-koordinazzjoni politika tal-Unjoni fuq bażi ġenerali fl-Asja Ċentrali u tgħin biex tkun żgurata l-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fir-reġjun;

    (b)

    tagħmel monitoraġġ, f'isem ir-RGħ, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Kummissjoni, tal-proċess ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali, komplementat b’rapporti sussegwenti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, tagħmel rakkomandazzjonijiet u tirrapporta lill-korpi rilevanti tal-Kunsill fuq bażi regolari;

    (c)

    tgħin lill-Kunsill fl-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva fir-rigward tal-Asja Ċentrali;

    (d)

    issegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi tiżviluppa u żżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa;

    (e)

    tħeġġeġ lill-Kazakastan, il-Kirgiztan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan biex jikkooperaw fir-rigward ta' kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni;

    (f)

    tiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni adatti mal-atturi interessati ewlenin fir-reġjun u mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha, inklużi l-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni ta' Shanghai (SCO), il-Komunità Ekonomika Ewrasjana (EURASEC), il-Konferenza dwar l-Interazzjoni u Miżuri li Jkattru l-Kunfidenza fl-Asja (CICA), l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO), il-Programm ta' Kooperazzjoni Ekonomika Reġjonali tal-Asja Ċentrali (CAREC) u ċ-Ċentru ta' Informazzjoni u Koordinazzjoni Reġjonali tal-Asja Ċentrali (CARICC);

    (g)

    tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa u t-tfal f'żoni affettwati minn kunflitt, speċjalment permezz tal-monitoraġġ u l-indirizzar tal-iżviluppi f'dan ir-rigward;

    (h)

    tikkontribwixxi, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti billi tiżviluppa kuntatti mal-awtoritajiet u ma' atturi lokali oħra bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, partiti politiċi, minoritajiet, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom;

    (i)

    tagħti l-kontribut tagħha għall-formulazzjoni ta' aspetti tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni relattivament għas-sigurtà tal-enerġija, għas-sigurtà fuq il-fruntieri, inklużi l-attivitajiet anti-narkotiċi, u għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-ambjent u l-bidla fil-klima fir-rigward tal-Asja Ċentrali;

    (j)

    tippromwovi s-sigurtà reġjonali ġewwa l-fruntieri tal-Asja Ċentrali hekk kif jibdew jiġu rtirati t-truppi tal-Forza Internazzjonali ta’ Assistenza għas-Sigurtà (ISAF).

    2.   Ir-RSUE għandha tappoġġa l-ħidma tar-RGħ u żżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li taġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

    3.   Ir-RSUE għandha taħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 għandu jkun ta' EUR 1 050 000.

    2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandha tkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

    Artikolu 6

    Formazzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra

    1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandha tkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ skwadra. L-iskwadra għandha tinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandha żżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni mandanti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jkun kolokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet/rappreżentazzjonijiet f'pajjiżi terzi tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għall-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, skont kif ikun meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2).

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE tingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

    2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont kif ikun meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandha tieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, notevolment billi:

    (a)

    tistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    tiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (c)

    tiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel ma jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona tal-missjoni, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

    (d)

    tiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u tipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti dwar il-progress u l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rappurtaġġ

    Ir-RSUE għandha tipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandha tirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill skont kif ikun meħtieġ. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE tista’ tipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandha tikkontribwixxi għall-unità, konsistenza u effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandha tgħin sabiex ikun żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu ngaġġati konsistentement, għall-kisba tal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk tar-RSUE għall-Afganistan. Ir-RSUE għandha tipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħha. Ir-RSUE għandha wkoll iżżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

    Artikolu 13

    Assistenza fir-rigward ta' talbiet

    Ir-RSUE u l-persunal tagħha għandhom jassistu fil-provvediment ta' elementi bħala rispons għal kwalunkwe talba u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali għall-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali preċedenti, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali fini.

    Artikolu 14

    Reviżjoni

    L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandha tippreżenta lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-RGħ rapport ta' progress sal-aħħar ta' Diċembru 2013, u, fi tmiem il-mandat tar-RSUE, rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2013.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 165, 26.6.2012, p. 59.

    (2)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.


    Top