EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0269

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/269/PESK tas- 27 ta’ Mejju 2013 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

ĠU L 155, 7.6.2013, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/269/oj

7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/269/PESK

tas-27 ta’ Mejju 2013

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 207(3) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(2)

Fit-2 ta’ April 2013, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat it-test tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi. L-Assemblea Ġenerali wkoll talbet lis-Segretarju-Ġenerali, bħala d-depożitarju tat-Trattat, biex jiftħu għall-iffirmar fit-3 ta’ Ġunju 2013 u appellat lill-Istati kollha biex jikkunsidraw li jiffirmawh u konsegwentement, f’konformità mal-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom, isiru Partijiet għat-Trattat fid-data l-aktar kmieni possibbli.

(3)

L-għan tat-Trattat huwa li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolamentazzjoni jew għat-titjib tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali, biex ikun prevenut u jiġi eradikat il-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u biex tkun prevenuta d-devjazzjoni tagħhom. L-Istati Membri esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bl-eżitu tan-negozjati u wrew ir-rieda tagħhom li jipproċedu b’mod urġenti għall-iffirmar tat-Trattat.

(4)

Uħud mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat jikkonċernaw materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni billi jaqgħu fl-ambitu tal-Politika Kummerċjali Komuni jew jinċidu fuq ir-regoli tas-Suq Intern għat-trasferimenti ta’ armi konvenzjonali u splussivi.

(5)

L-Unjoni Ewropea ma tistax tiffirma t-Trattat, billi huma l-Istati biss li jistgħu jkunu Partijiet għalih.

(6)

Għalhekk, b’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ dawk il-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw it-Trattat fl-interessi tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fir-rigward ta’ dawk il-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jiffirmaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fl-interessi tal-Unjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri huma mħeġġa jiffirmaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fiċ-Ċerimonja Solenni fi New York, fit-3 ta’ Ġunju 2013, jew fid-data l-aktar kmieni possibbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


Top