Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0260

    2013/260/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 31 ta’ Mejju 2013 dwar miżura meħuda mill-Ġermanja skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva Nru 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Makkinarju li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ lupa tat-tip HV 0003 manifatturata minn Regal Tools Co. Ltd (notifikata bid-dokument C(2013) 3125) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 150, 4.6.2013, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/260/oj

    4.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/31


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-31 ta’ Mejju 2013

    dwar miżura meħuda mill-Ġermanja skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva Nru 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Makkinarju li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ lupa tat-tip HV 0003 manifatturata minn Regal Tools Co. Ltd

    (notifikata bid-dokument C(2013) 3125)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/260/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva Nru 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-makkinarju u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva Nru 2006/42/KE, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ lupa tat-tip HV 0003 manifatturata minn Regal Tools Co Ltd., Technology Industrial Park, Chengxin Road 223, Yongkang, iċ-Ċina, u li tiġi importata fl-UE minn Bergner Europe GmbH, Am Seestern 18, 40547 Düsseldorf, il-Ġermanja.

    (2)

    Ir-raġuni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi kienet in-nuqqas ta’ konformità tal-lupa ma’ dawn ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva Nru 2006/42/KE (b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard Ewropew armonizzat rilevanti EN ISO 11681-1):

    1.3.2.

    Riskju ta’ ħsara waqt it-tħaddim:

    Kemm il-maqbad ta’ wara, kif ukoll il-maqbad ta’ quddiem, tal-lupa, ma għaddewx it-testijiet tas-saħħa stabbiliti fl-istandard Ewropew armonizzat rilevanti (EN ISO 11681-1:2008 – klawżola 5.2.1);

    1.7.4.

    Istruzzjonijiet:

    L-istruzzjonijiet ma kinux jinkludu l-isem kummerċjali u l-indirizz sħiħ tal-manifattur (1.7.4.2 a), id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE (1.7.4.2 c), deskrizzjoni ġenerali tal-makkinarju (1.7.4.2 d), informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ storbju fl-arja (1.7.4.2 u) u informazzjoni dwar il-vibrazzjonijiet trażmessi mill-għodda (2.2.1.1);

    2.3 (c)

    Brejk awtomatiku:

    Il-lupa ma waqfitx fi żmien qasir biżżejjed meta l-brejk manwali tal-katina ġie attivat u lanqas fil-kundizzjonijiet li fihom tkun attiva s-sistema ta’ brejk tal-katina mhux manwali (EN ISO 11681-1:2008 – klawżoli 5.5.1 u 5.5.2).

    (3)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li, filwaqt li l-lupa kellha t-tikketta CE, ma kellhiex dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE miktuba u ffirmata mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu kif meħtieġ skont l-Artikolu 5(1)(e) tad-Direttiva Nru 2006/42/KE. L-awtoritajiet indikaw ukoll li, filwaqt li l-lupi portabbli huma fost il-kategoriji ta’ makkinarju elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva li għalihom trid tiġi applikata waħda mill-proċeduri ta’ verifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3) jew (4), ma ngħatat ebda prova li l-lupa tat-tip HV 0003 kienet għaddiet minn xi proċedura ta’ dan it-tip.

    (4)

    In-notifika kienet akkumpanjata b’rapport ta’ spezzjoni li sar minn Deutsche Prüf- und Zertifizierungsstelle für Land- und Forsttechnik GbR.

    (5)

    Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva Nru 2006/42/KE, il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur u lill-importatur, fejn talbithom jikkummentaw dwar il-miżuri meħuda mill-awtoritijiet Ġermaniżi.

    (6)

    Ma waslet l-ebda tweġiba mill-manifattur. L-importatur għarraf lill-Kummissjoni li l-bejgħ tal-lupa kien waqaf u li ma baqax jimporta aktar dan it-tip ta’ lupa.

    (7)

    Il-verifika tal-evidenza mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi tikkonferma li l-lupa tat-tip HV 0003 manifatturata minn Regal Tools Co. Ltd. mhix konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza tad-Direttiva Nru 2006/42/KE u li dan in-nuqqas ta’ konformità jwassal għal riskji serji ta’ korriment tal-utenti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ lupa tat-tip HV 0003 manifatturata minn Regal Tools Co. Ltd, hija ġustifikata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi President


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


    Top