Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0191

    2013/191/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ April 2013 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 113, 25.4.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/191/oj

    25.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 113/11


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-22 ta’ April 2013

    li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2013/191/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz ta’ ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fis-17 ta’ Ġunju 2011 u s-27 ta’ Awwissu 2012, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt tat-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xiri fir-rigward tal-vetturi tal-passiġġieri.

    (2)

    Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mil-Latvja. B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex teżamina t-talba.

    (3)

    L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta’ oġġetti u servizzi rċevuti minnha u użati għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tal-istess Direttiva tirrikjedi li l-persuni taxxabbli jieħdu kont tal-VAT meta assi kummerċjali jintuża b’mod privat.

    (4)

    Huwa diffiċli li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux kummerċjali, u anke meta dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ spiss joħloq piż kbir. Skont il-miżuri mitluba, l-ammont ta’ VAT fuq in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis fir-rigward ta’ vetturi tal-passiġġieri li ma jintużawx esklussivament għal finijiet kummerċjali għandu jkun stabbilit f’rata perċentwali fissa, b’xi eċċezzjonijiet. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mil-Latvja, rata ta’ 80 % tkun ġustifikabbli. Fl-istess ħin, sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, ir-rekwiżit ta’ kontabbiltà tal-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali ta’ vetturi tal-passiġġieri għandu jkun sospiż meta dawk il-vetturi tal-passiġġieri jkunu soġġetti għal limitazzjoni awtorizzata b’din id-Deċiżjoni. Dik il-miżura ta’ simplifikazzjoni tneħħi l-ħtieġa li jinżammu rekords dwar l-użu mhux kummerċjali ta’ vetturi tax-xogħol u timpedixxi l-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ kontabilizzar ħażin.

    (5)

    Il-limitazzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis taħt l-awtorizzazzjoni għandha tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-kiri fit-tul, akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri speċifikati u fuq l-infiq relatat, inkluż ix-xiri ta’ fjuwil.

    (6)

    L-awtorizzazzjoni għandha tapplika biss għal vetturi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat ta’ mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma għandhomx aktar minn tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq. Kwalunkwe użu mhux kummerċjali ta’ vetturi tal-passiġġieri li teċċedi 3 500 kilogramma jew li jkollhom aktar minn tmien postijiet minbarra tal-post tas-sewwieq huwa negliġibbli minħabba l-karatteristiċi ta’ dawk il-vetturi jew it-tip ta’ negozju li huma użati għalih. Lista dettaljata ta’ kategoriji ta’ vetturi tal-passiġġieri esklużi mill-awtorizzazzjoni għandha tiġi pprovduta wkoll, abbażi tal-finijiet partikolari li huma użati għalihom.

    (7)

    Fil-proposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2004 għal Direttiva li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet immirati lejn l-armonizzazzjoni tal-kategoriji tal-infiq li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis. Skont dik il-proposta, l-esklużjonijiet għad-dritt tat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għal vetturi tat-triq bil-mutur. Huwa għalhekk xieraq li jkun ristrett il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sa meta d-Direttiva proposta ssir applikabbli. Madankollu, huwa meħtieġ li tkun prevista data ta’ skadenza speċifika għall-awtorizzazzjoni, li tapplika fil-każ li d-Direttiva proposta ma tkunx għadha saret applikabbli sa dik id-data, ladarba jkun meħtieġ li ssir reviżjoni tal-awtorizzazzjoni ġenerali u l-perċentwali ta’ tqassim bejn użu kummerċjali u użu mhux kummerċjali.

    (8)

    Fil-każ li l-Latvja tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2015 hija neċessarja, hija għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2015, li jinkludi reviżjoni tal-perċentwali applikat flimkien mat-talba għal estensjoni.

    (9)

    Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja hija awtorizzata li tillimita għal 80 % d-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq in-nefqa fuq vetturi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali.

    Artikolu 2

    B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja ma tittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu mhux kummerċjali ta’ vettura tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ persuna taxxabbli ta’ negozju, fejn dik il-vettura kienet suġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    In-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkopri x-xiri, il-kiri fit-tul, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġiera li mhumiex kompletament użati għal finijiet kummerċjali kif ukoll l-infiq relatat ma’ manutenzjoni, tiswija u fjuwil għal tali vetturi.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għal vetturi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat ta’ mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma għandhomx aktar minn tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq.

    Artikolu 5

    L-Artikoli 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal dawn il-kategoriji ta’ vetturi tal-passiġġieri:

    (a)

    vetturi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għall-kiri fit-tul;

    (b)

    vetturi użati għat-trasport tal-passiġġieri għal miżata, inklużi servizzi ta’ taxi;

    (c)

    vetturi użati għall-provvista ta’ trasportazzjoni ta’ oġġetti;

    (d)

    vetturi użati għall-provvista ta’ lezzjonijiet tas-sewqan;

    (e)

    vetturi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ għassa;

    (f)

    vetturi użati bħala vettura ta’ emerġenza;

    (g)

    vetturi li jintużaw bħala dimostrazzjoni għal vetturi għall-bejgħ.

    Artikolu 6

    Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha:

    (a)

    tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2015; u

    (b)

    tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi reviżjoni tal-perċentwali stipulat fl-Artikolu 1.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data li fiha jsiru applikabbli regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-magna li ma tikkwalifikax għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew fil-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data tiġi l-ewwel.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. GILMORE


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


    Top