This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R1271
Commission Implementing Regulation (EU) No 1271/2012 of 21 December 2012 derogating from certain provisions of Regulation (EC) No 1122/2009 as regards the possibilities for lodging applications for aid under the single payment scheme for 2012 and for allocation of payment entitlements, or increase of their unit value, from the national reserve in 2012, and as regards contents of the single application, of Regulation (EC) No 1120/2009 as regards the declaration of payment entitlements in 2012 and of Council Regulation (EC) No 73/2009 as regards the verification of eligibility conditions before payments and the date at which parcels need to be at the disposal of farmers
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2012 tal- 21 ta’ Diċembru 2012 li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tal-possibbiltajiet għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna fil-qafas tal-iskema ta’ pagament uniku għall-2012 u għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għal pagament, jew żieda tal-valur tal-unità tagħhom, mir-riżerva nazzjonali fl-2012, kif ukoll fir-rigward tal-kontenut tal-applikazzjoni unika, tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009 fir-rigward tad-dikjarazzjoni tad-drittijiet għal pagament fl-2012 u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà qabel il-pagamenti u d-data li fiha l-ħbula tar-raba’ għandhom ikunu disponibbli għall-bdiewa
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2012 tal- 21 ta’ Diċembru 2012 li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tal-possibbiltajiet għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna fil-qafas tal-iskema ta’ pagament uniku għall-2012 u għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għal pagament, jew żieda tal-valur tal-unità tagħhom, mir-riżerva nazzjonali fl-2012, kif ukoll fir-rigward tal-kontenut tal-applikazzjoni unika, tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009 fir-rigward tad-dikjarazzjoni tad-drittijiet għal pagament fl-2012 u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà qabel il-pagamenti u d-data li fiha l-ħbula tar-raba’ għandhom ikunu disponibbli għall-bdiewa
ĠU L 357, 28.12.2012, p. 10–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2014; Imħassar b' 32014R0639
28.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 357/10 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1271/2012
tal-21 ta’ Diċembru 2012
li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tal-possibbiltajiet għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna fil-qafas tal-iskema ta’ pagament uniku għall-2012 u għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għal pagament, jew żieda tal-valur tal-unità tagħhom, mir-riżerva nazzjonali fl-2012, kif ukoll fir-rigward tal-kontenut tal-applikazzjoni unika, tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009 fir-rigward tad-dikjarazzjoni tad-drittijiet għal pagament fl-2012 u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà qabel il-pagamenti u d-data li fiha l-ħbula tar-raba’ għandhom ikunu disponibbli għall-bdiewa
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 142(c) u (r) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jipprovdi għall-possibbiltà li l-Istati Membri li ma japplikawx l-Artikolu 68(1)(c) ta’ dak ir-Regolament jużaw ir-riżerva nazzjonali taħt ċerti kundizzjonijiet. Fl-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-valur tal-unità u/jew l-għadd ta’ drittijiet għal pagament allokati lill-bdiewa. Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (2), l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni jew għaż-żieda tad-drittijiet ta’ pagament skont l-iskema ta’ pagament uniku, għall-finijiet tal-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, għandhom jitressqu sa data li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri. Din id-data ma tistax tkun iktar tard mill-15 ta’ Mejju, jew fil-każ tal-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja u l-Isvezja, mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju. |
(2) |
Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, il-bidwi li japplika għall-għajnuna fil-qafas ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna marbuta maż-żona jista’ jressaq applikazzjoni unika waħda biss fis-sena. |
(3) |
Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, l-applikazzjoni unika għandha titressaq sa data li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri, u li ma tistax tkun iktar tard mill-15 ta’ Mejju, jew fil-każ tal-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja u l-Isvezja, mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju. |
(4) |
B’riżultat ta’ żieda kontinwa tal-prezzijiet tal-għalf minħabba kundizzjonijiet avversi tal-klima li jolqtu ħażin lill-fornituri ewlenin tal-qmuħ, ħafna Stat Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ aggravament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-azjendi agrikoli, li fi tmiem is-sena 2012 qed jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji severi. Billi l-aggravament tal-qagħda ekonomika tal-azjendi agrikoli jista’ jkollu konsegwenzi usa’ u iktar fit-tul, għandu jkun permess li l-Istati Membri japplikaw, għas-sena 2012, l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. |
(5) |
Billi l-iskadenza għall-allokazzjoni, jew għaż-żieda tal-valur ta’ unità, tad-drittijiet ta’ pagament mir-riżerva nazzjonali skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 diġà għaddiet għas-sena 2012, jixraq li dawk l-Istati Membri li jixtiequ japplikaw l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għas-sena 2012 ikunu jistgħu jistabbilixxu skadenza ġdida għat-tressiq ta’ applikazzjoni għall-allokazzjoni, jew għaż-żieda tal-valur ta’ unità, tad-drittijiet ta’ pagament mir-riżerva nazzjonali. |
(6) |
Barra minn hekk, jixraq li ssir deroga mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, sabiex il-bdiewa f’dawn l-Istati Membri jkunu jistgħu jressqu aktar minn applikazzjoni unika waħda fis-sena. |
(7) |
Hi meħtieġa wkoll deroga mill-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, fir-rigward ta’ dawk il-bdiewa li jixtiequ jibbenefikaw mill-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. |
(8) |
Skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, fl-ewwel sena tal-iskema ta’ pagament uniku, jew fis-sena ta’ integrazzjoni ta’ setturi ġodda fl-iskema ta’ pagament uniku, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tad-drittijiet ta’ pagament jekk dawn ikun għadhom mhux stabbiliti b’mod definittiv fl-iktar data riċenti stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjoni unika. Jeħtieġ li ssir dispożizzjoni għal deroga simili rigward id-drittijiet ta’ pagament li jkunu se jiġu allokati, jew fejn ikun se jiżdied il-valur tal-unità tagħhom, abbazi tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, fejn tali allokazzjoni jew żieda tkun għadha ma ġietx stabbilita b’mod definittiv. |
(9) |
Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 (3), id-drittijiet ta’ pagament jistgħu jiġu ddikjarati għall-pagament darba fis-sena biss mill-bidwi li jkun id-detentur tagħhom, fl-iktar data riċenti għat-tressiq tal-applikazzjoni unika. Jixraq li ssir deroga minn dan ir-rekwiżit. |
(10) |
Skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-ħbula tar-raba’ li jikkorrispondu għall-ettari eliġibbli, li huma ddikjarati għall-akkumpanjament ta’ kwalunkwe dritt ta’ pagament, għandhom ikunu disponibbli għall-bdiewa f’data stabbilita mill-Istat Membru. Din id-data ma għandhiex tkun iktar tard minn dik stabbilita fl-Istat Membru relevanti għall-emendar tal-applikazzjoni għall-għajnuna. |
(11) |
Fir-rigward tad-drittijiet ta’ pagament li se jiġu allokati, jew li l-valur tal-unità tagħhom se jiżdied, wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, jeħtieġ li ssir deroga mill-obbligu fuq il-bdiewa fir-rigward tad-data stipulata fl-Artikolu 35(1) ta’ dak ir-Regolament. |
(12) |
Skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-pagamenti fil-qafas ta’ skemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament ma għandhomx isiru qabel ma tkun tlestiet il-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li għandha titwettaq mill-Istat Membru skont l-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament. |
(13) |
Il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li għandhom jiġu vverifikati mill-Istati Membri, li jkunu marbutin mal-allokazzjoni, jew maż-żieda fil-valur tal-unità, tad-drittijiet ta’ pagament skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 abbażi ta’ deroga waħda jew aktar stabbilita/i f’dan ir-Regolament, jistgħu jvarjaw mill-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna implimentati fil-preżent fil-qafas tal-iskema ta’ pagament uniku. F’dak il-każ, il-verifika tal-kundizzjonijiet ġodda ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, tispiċċa tfixkel il-pagamenti għall-iskemi ta’ appoġġ li ma jkunux marbutin mal-applikazzjoni tal-Artikolu 41(3) ta’ dak ir-Regolament, u li għandhom isiru qabel ma jiġu vverifikati dawk il-kundizzjonijiet ġodda ta’ eliġibbiltà. Biex tali sitwazzjoni tiġi evitata, jeħtieġ deroga mill-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-allokazzjoni, jew taż-żieda tal-valur tal-unità, tad-drittijiet ta’ pagament skont l-Artikolu 41(3) ta’ dak ir-Regolament. |
(14) |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-pagamenti għandhom isiru fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara. B’deroga minn din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi għal avvanzi qabel l-1 ta’ Diċembru. Tali deroga tingħata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 776/2012 (4), li skontu l-Istati Membri jistgħu jħallsu, mis-16 ta’ Ottubru 2012, avvanzi sa ċertu limitu ta’ pagamenti diretti fir-rigward ta’ applikazzjonijiet imressqa fl-2012. Għaldaqstant, id-deroga mill-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha tingħata b’mod retroattiv, mis-16 ta’ Ottubru 2012, sabiex ikun permess il-pagament, soġġett għat-tlestija tal-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, għal dawk l-iskemi ta’ għajnuna li mhumiex marbutin mal-applikazzjoni tal-Artikolu 41(3) ta’ dak ir-Regolament. |
(15) |
Id-derogi pprovduti f’dan ir-Regolament japplikaw għas-sena kalendarja 2012. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(16) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Derogi mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009
1. B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, għas-sena 2012, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bdiewa jressqu applikazzjoni għall-allokazzjoni, jew għaż-żieda tal-valur tal-unità, tad-drittijiet ta’ pagament skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2013.
2. B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, għas-sena 2012, il-bdiewa li jkunu ressqu l-applikazzjoni unika għall-għajnuna fil-qafas ta’ kwalunkwe mill-iskemi ta’ għajnuna marbutin maż-żona sa data stabbilita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament, u li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikunu ressqu applikazzjoni għall-allokazzjoni, jew għaż-żieda tal-valur tal-unità, tad-drittijiet ta’ pagament, jistgħu jressqu applikazzjoni separata għall-għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2013.
3. B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, għas-sena 2012, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bdiewa, li skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu ressqu applikazzjoni għall-allokazzjoni, jew għaż-żieda tal-valur tal-unità, tad-drittijiet ta’ pagament, u li ma jkunux ressqu l-applikazzjoni unika msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, iressqu applikazzjoni unika għall-għajnuna skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2013.
4. L-applikazzjoni għall-allokazzjoni, jew għaż-żieda tal-valur tal-unità, tad-drittijiet ta’ pagament imressqa skont il-paragrafu 1, għandha titqies bħala applikazzjoni separata għall-għajnuna, jew bħala applikazzjoni unika għall-għajnuna, skont il-paragrafu 2 u 3.
5. Fejn japplika l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tad-drittijiet ta’ pagament jekk l-applikazzjoni tagħhom, jew iż-żieda tal-valur tal-unità tagħhom, ikunu għadhom ma ġewx stabbiliti b’mod definittiv fl-iktar data riċenti stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 2
Derogi mir-Regolament (KE) Nru 1120/2009
B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009, għas-sena 2012, id-drittijiet ta’ pagament, li l-valur tal-unità tagħhom huwa soġġett għal żieda skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jiġu ddikjarati għall-pagament taż-żieda rispettiva tal-valur tal-unità tagħhom mill-bidwi li jkun id-detentur tagħhom fil-31 ta’ Jannar 2013.
Id-drittijiet ta’ pagament allokati mill-ġdid lill-bdiewa, u ż-żidiet tad-drittijiet ta’ pagament li l-valur tal-unità tagħhom huwa soġġett għal żieda, skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu ddikjarati għas-sena kalendarja 2012.
Artikolu 3
Derogi mir-Regolament (KE) Nru 73/2009
1. L-ebda pagament marbut mal-allokazzjoni, jew maż-żieda tal-valur tal-unità, tad-drittijiet ta’ pagament skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, ma jista’ jsir għas-sena kalendarja 2012 qabel ma titlesta l-verifika, tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà applikabbli għal dak l-appoġġ, imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat, fejn ikun sar użu minn deroga waħda jew iktar minn dawk stipulati fl-Artikoli 1 u 2 ta’ dan ir-Regolament.
2. B’deroga mill-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-pagamenti fil-qafas ta’ skemi ta’ għajnuna elenkati fl-Anness I tiegħu, għajr l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jsiru għas-sena kalendarja 2012 irrispettivament mit-tlestija tal-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà applikabbli għall-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. B’deroga mill-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-ħbula tar-raba’ korrispondenti għall-ettari eliġibbli li jakkumpanjaw kwalunkwe dritt ta’ pagament allokat mill-ġdid, jew li l-valur tal-unità tagħhom ikun żdied, skont l-Artikolu 41(3) ta’ dak ir-Regolament u abbażi ta’ deroga waħda jew iktar minn dawk stipulati fl-Artikoli 1 u 2 ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu disponibbli għall-bdiewa fil-31 ta’ Jannar 2013.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 3(1) u (2) għandu japplika mis-16 ta’ Ottubru 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
(2) ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.
(3) ĠU L 316, 2.12.2009, p. 1.
(4) ĠU L 231, 28.8.2012, p. 8.