Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1176

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1176/2012 tas- 7 ta’ Diċembru 2012 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Μανταρίνι Χίου (Mandarini Chiou) (IĠP)]

    ĠU L 337, 11.12.2012, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1176/oj

    11.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 337/22


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1176/2012

    tas-7 ta’ Diċembru 2012

    li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Μανταρίνι Χίου (Mandarini Chiou) (IĠP)]

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba mill-Greċja biex id-denominazzjoni “Μανταρίνι Χίου” (Mandarini Chiou) tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

    (2)

    Ma ġiet ifformulata l-ebda oġġezzjoni formali skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi Regolament fil-konfront tal-imsemmija reġistrazzjoni.

    (3)

    Madanakollu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (3) li daħal fis-seħħ wara t-talba ta' reġistrazzjoni msemmija, fl-Anness I tiegħu, il-Parti B, il-Parti 2, it-Taqsima II, il-punt b jistabbilixxi li l-proporzjon minimu ta' zokkor-aċidità huwa mitlub għal din l-ispeċi ta' frott huwa ta' 7,5:1. Għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' ċertezza legali, l-awtoritajiet Griegi adattaw id-dokument uniku kkonċernat fir-rigward ta' dan il-punt.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament qed tiddaħħal fir-reġistru.

    Artikolu 2

    Id-dokument uniku aġġornat jidher fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    Dacian CIOLOȘ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

    (2)  ĠU C 19, 24.1.2012, p. 11.

    (3)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


    ANNESS I

    Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum uman elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

    1.6.   Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    IL-GREĊJA

    Μανταρίνι Χίου (Mandarini Chiou) (IĠP)


    ANNESS II

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    "ΜΑΝΤΑΡIΝΙ ΧIΟΥ" (MANDARINI CHIOU)

    Nru tal-KE: EL-PGI-0005-0709-27.06.2008

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    "Μανταρίνι Χίου" (Mandarini Chiou)

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Il-Greċja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Kategorija 1.6 —

    Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f’(1)

    Il-"Mandarini Chiou", mandolina tal-ispeċi Citrus deliciosa Tenore u tal-varjetà komuni ta' Chios (varjetà komuni fil-Mediterran), għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

    Karatteristiċi fiżiċi:

    Forma

    :

    Sferika u ċċattjata fil-poli

    Piż

    :

    bejn 60 u 150 gm

    Daqs

    :

    55 - 70 mm

    Qoxra

    :

    bejn 1,5 u 3,5 mm, li tinqala' faċilment minn mal-frotta.

    Għadd ta' karpelli

    :

    bejn 7 u 14, li jinqalgħu faċilment minn mal-frotta.

    Għadd ta' żerriegħa

    :

    bejn 8 u 24 endosperma poliembrijonika żgħira.

    Karatteristiċi organolettiċi

    Il-frotta għandha kulur isfar fl-oranġjo, polpa ratba mimlija togħma, aroma qawwija, qoxra pjuttost ħamranija u kulur oranġjo ċar.

    Karatteristiċi kimiċi:

    Kontenut ta' meraq

    :

    33 - 45 %

    Kontenut ta' zokkor

    :

    >9.0 Brix

    Aċidità

    :

    0,7 - 1,75 %

    Zokkor/aċidi (indiċi ta' maturazzjoni)

    :

    7,5 – 1

    Żjut essenzjali:

    b'mod indikattiv, xieraq li jissemmew: α-tujen, α-pinen, kamfen, β-pinen, β-mirċen, ο-metilaniżol, p-ċimen, d-limonen, γ-terpinen, linalol, β-karjofillen. Il-komponent prinċipali li l-konċentrazzjoni tiegħu hija l-iktar importanti huwa d-limonen, u warajh γ-terpinen. Iż-żjut essenzjali huma estratti mill-frotta sħiħa jew mill-qoxra biss, b'mezzi mekkaniċi u l-kwantità estratta tiddependi minn fatturi differenti bħal: il-livell ta' maturità tal-frotta, id-daqs tagħha u l-metodu użat.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata

    Il-kultivazzjoni, il-produzzjoni, il-ħsad, is-separazzjoni u l-kalibrar tal-"Mandarini Chiou" għandhom isiru fiż-żona ġeografika tal-gżejjer Chios, Psara u Inousses.

    3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Il-"Mandarini Chiou", ipproċessata fi prodotti tal-ħelu, meraq, eċċ., jew diversi prodotti derivati bħaż-żjut essenzjali, għandhom jiġu ttikkettati skont il-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti" (ĠU C 341, 16.12.2010, p. 3 u 4).

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika ddefinita

    Qed tintalab il-protezzjoni tad-denominazzjoni għall-gżejjer Chios, Psara u Inousses.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Karatteristiċi tal-ħamrija - is-sottostrat ġeoloġiku huwa magħmul minn depożiti alluvjali li huma r-riżultat tad-diżintegrazzjoni tal-ġebla tal-ġir. Il-biċċa l-kbira tal-ħamrija hija taflija, rikka fil-kalċju attiv totali (CaCO3), fatturi favorevoli għall-kultivazzjoni tal-"Mandarini Chiou".

    Kundizzjonijiet klimatiċi – Il-klima tar-reġjun hija kkaratterizzata minn:

     

    preżenza ta' rjieħ annwali (l-irjieħ Etesji li fil-Mediterran jonfħu biss fil-Baħar Eġew), li jnaqqsu l-varjazzjonijiet klimatiċi li jipproduċu klima moderata u li b'mod ġenerali jipproteġu lill-frott mill-ġlata) u li jbiegħdu s-sħab.

     

    ammont kbir ta' xemx is-sena kollha (meta mqabbla mal-bqija tal-pajjiż, il-ġżira ta' Chios għandha l-ikbar għadd ta' sigħat mingħajr sħab) u b'mod partikolari matul il-perjodu tal-irjieħ annwali, meta s-sigħat ta' xemx ikunu l-itwal, u

     

    varjazzjonijiet żgħar annwali fit-temperatura u konsegwentement, xtiewi qosra moderati u sjuf friski.

    Il-karatteristiċi klimatiċi deskritti hawn fuq flimkien mal-fatturi li ġejjin: a) temperatura tal-ilma tal-wiċċ li tinżamm għolja (>22 °C) anke fil-ħarifa, b) il-post fejn jinsab it-terren li jippermetti esponiment ikbar għax-xemx u c) il-proprjetajiet tal-ħamrija, imsemmija fil-paragrafu preċedenti, influwenzaw id-daqs u l-kwalità tal-frott imkabbar u ffaċilitaw il-produzzjoni b'kontenut għoli ta' zokkor minħabba l-esponiment qawwi għax-xemx flimkien mat-temperaturi ta' matul il-ġurnata, li jippromwovu l-fotosinteżi u t-taħlil mgħaġġel tal-aċidi megħjun mit-temperaturi għoljin ta' matul il-lejl.

    Zokkor

    Indiċi ta' aċidu ċitriku

    u, għalhekk, togħma ħelwa u aroma intensa.

    Kundizzjonijiet antropoġeniċi - Il-kultivazzjoni tal-prodott "Μandarini Chiou" mhux biss hija attività agrikola li ilha pprattikata mingħajr interruzzjonijiet għal diversi deċennji, bl-adattamenti neċessarji, iżda wasslet ukoll għall-kostruzzjoni ta' binjiet adegwati u għall-iżvilupp ta' prattiki kompletament adattati għall-produzzjoni. Fil-qosor dawn jistgħu jiġu deskritti kif ġej:

    l-arkitettura partikolari ta' għadd kbir ta' binjiet/djar tas-sidien tal-azjendi agrikoli. Huma mibnija fl-imsaġar u ġeneralment jikkonsistu f'żewġ sulari sabiex jippermettu monitoraġġ aħjar tal-għelejjel;.

    is-sistema tal-irrigazzjoni, ipprattikata bl-għajnuna ta' kanali għall-ilma u ta' kapstini li jtellgħu ilma ta' kwalità tajba ħafna mill-bjar. Jeħtieġ li jkun enfasizzat li s-sistemi tal-irrigazzjoni tal-gżira kienu żviluppati fis-seklu XIV mill-Ġenoviżi li bnew ukoll sistemi ta' drenaġġ uniċi fid-dinja, f'din l-epoka;

    il-metodi ta' ħsad intelliġenti li kienu żviluppati. Skont diversi sorsi, il-produtturi ta' Chios kienu l-uniċi fost il-Griegi li kienu jafu l-metodu korrett ta' kif jinqata' l-frott mis-siġar jiġifieri bl-użu ta' mqass u wara z-zokk jinqata' qasir ħafna biex fuq il-frotta ma jibqa' xejn ħlief il-pedunkulu sabiex ikun evitat li zkuk twal wisq jagħmlu ħsara lill-frott waqt it-trasport tagħhom fil-bramel jew fil-kannestri;

    il-prattiki u l-metodi ta' fertilizzazzjoni introdotti, fosthom l-użu ġenerali ta' demel tal-baqar, nagħaġ, mogħoż u tjur imrobbija mill-istess produtturi tal-agrumi. Għalkemm l-użu tad-demel jibqa' wieħed mill-metodi ewlenin li jarrikkixxi s-siġar, jidher li qed jinqata' bil-mod il-mod minħabba li ma jkunx disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti;

    Il-prattiki u l-metodi adottati għall-protezzjoni kontra l-ġlata, li jinkludu b'mod partikolari nirien ikkontrollati; it-"tichoyiria" (ħitan ta' għeluq) u t-tħawwil dens ħafna tas-siġar (id-distanza minima bejn żewġ siġriet tkun bejn 2 u 2,5 m, b'hekk jitħawlu madwar 100 siġra għal kull 1 000 m2).

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Il-mandolina "Mandarini Chiou" hija waħda mill-iktar prodotti agrikoli tradizzjonali magħrufa tal-Greċja. Fil-livell ta' Prefettura, hija, flimkien mad-denominazzjoni protetta tal-oriġini "Mastiha Chiou", huma l-iktar prodotti importanti. Hija partikolarment imfittxa għat-togħma partikolari tagħha u għall-aroma intensa karatteristika tagħha. Il-varjetà tal-mandolina prodotta f'Chios hija unika. Hija magħrufa bħala waħda mill-aħjar u fost l-iktar aromatiċi fid-dinja. Anke meta l-mandolin ikun għadu ma mmaturax, xorta waħda jkollu aroma li kull min jieklu jibqa' mistagħġeb kemm din tkun persistenti. L-aroma li toħroġ mill-imsaġar imħawlin bil-"Mandarini Chiou" hija tant qawwija li l-gżira hija magħrufa kemm fil-Greċja kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha bħala "Chios l-aromatika". Din l-aroma ma tissorprendix lill-viżitaturi fuq il-gżira, minħabba li hu magħruf li l-irwejjaħ li ġejjin mir-reġjun ta' Kampos, diġà jkunu jistgħu jinxtammu mill-viżitaturi meta jkunu għadhom fuq il-baħar, mill-ewwel mument taż-żjara tagħhom fil-qalba ħadranija tal-gżira.

    It-talba għar-reġistrazzjoni tal-"Mandarini Chiou" bħala prodott b'indikazzjoni ġeografika protetta hija għalhekk ibbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott li hija stess hija bbażata fuq kwalità partikolari. Sa minn tmiem is-seklu 19, id-denominazzjoni "Mandarini Chiou" kienet ġiet iddedikata fis-suq tal-frott frisk bħala mezz ta' identifikazzjoni u biex jintalab prodott apprezzat ħafna, oriġinali, ikkultivat f'Chios, b'aroma karatteristika ħafna, b'togħma partikolari, ikkultivat b'mod li kkontribwixxa għall-valur kummerċjali speċifiku tal-prodott.

    Sabiex ikunu ppreżervati l-karatteristiċi partikolari tal-frott, fil-passat dan kien jiġi ppakkjat fil-karta wara li jinqata'. Din il-prattika kienet invenzjoni tal-produtturi ta' Chios u ma kienet użata fl-ebda parti oħra tal-Greċja. L-iktar evidenza antika bil-miktub dwar l-ippakkjar fil-karta pprattikat f'Chios, hija dik ta' Français A. Testevuide fir-rivista Franċiża ddedikata għall-vjaġġi, 'Le Tour du Monde', fl-1878.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

    Ir-reputazzjoni eċċezzjonali li għandu l-prodott tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-karatteristiċi inerenti partikolari tiegħu, iżda wkoll mill-interventi effikaċi tal-bniedem.

    Fi kwalunkwe każ, il-"Mandarini Chiou" jgawdi minn stima kbira fost il-konsumaturi kemm fil-Greċja u kemm lil hinn minnha, speċjalment minħabba l-aroma karatteristika tiegħu u t-togħma speċifika, kwalitajiet li fil-passat ikkontribwew b'mod partikolari għall-prosperità tal-ekonomija lokali u għall-iżvilupp tal-kummerċ mal-pajjiżi Ewropej (Iċ-Ċekoslovakkja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Polonja u l-Ġermanja). Dawn il-karatteristiċi kollha huma msemmija diversi drabi fir-rakkonti ta' vjaġġaturi ċelebri (Galland, Testevuide, Zolotas, Tombazis, Sgouros u Sotiriadou).

    L-ambjent naturali kkontribwixxa wkoll għal parti importanti ta' din ir-reputazzjoni. Primarjament dan jinkludi l-kundizzjonijiet marbuta mal-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi. It-trażmissjoni tal-karatteristiċi partikolari tal-prodott, l-integrazzjoni tal-kultivazzjoni tiegħu fl-ambjent kemm ekonomiku u kemm kummerċjali tas-soċjetà lokali, kellhom rwol ewlieni wkoll.

    Fl-aħħar nett, parti kbira mir-reputazzjoni tal-prodott "Mandarini Chiou" hija dovuta wkoll għall-karatteristiċi partikolari tar-reġjun ġeografiku fejn titkabbar il-mandolina. Għalhekk, mhijiex kumbinazzjoni li l-gżira ta' Chios hija msejħa "Chios l-aromatika".

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (l-Artikolu 5(7) tar-Regolament KE Nru 510/2006)

    http://www.minagric.gr/greek/data/Allin1_for%20CD01.pdf


    Top