Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1147

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1147/2012 tal- 4 ta' Diċembru 2012 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tax-xama’ tan-naħal (E 901), ix-xama’ tal-karnawba (E 903), ix-xellak (E 904) u x-xama’ mikrokristallina (E 905) fuq ċerti frott Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 333, 5.12.2012, pp. 34–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1147/oj

5.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/34


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1147/2012

tal-4 ta' Diċembru 2012

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tax-xama’ tan-naħal (E 901), ix-xama’ tal-karnawba (E 903), ix-xellak (E 904) u x-xama’ mikrokristallina (E 905) fuq ċerti frott

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet diversi applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-użu tax-xama’ tan-naħal (E 901) fuq il-bżar, it-tadam, il-ħjar, il-banana, il-mang u l-avokado, fuq ir-rummien u fuq il-frott kollu, l-użu ta’ xama’ tal-karnawba (E 903) u x-xellak (E 904) fuq ir-rummien u fuq il-mang, l-avokado u l-papaj u l-użu ta’ xama’ mikrokristallina (E 905) fuq l-ananas. Dawn l-applikazzjonijiet ġew magħmula disponibbli għall-Istati Membri.

(5)

Ix-xama’ tan-naħal (E 901), ix-xama’ tal-karnawba (E 903), ix-xellak (E 904) u x-xama’ mikrokristallina (E 905) intalbu biex jintużaw bħala aġenti għall-igglejżjar biex jiġi ttrattat il-wiċċ ta’ dawn il-frott jew ta’ dawn il-ħxejjex li qishom frott sabiex jiġu preservati aħjar. It-trattament jipproteġi l-frott kontra d-deidratazzjoni u l-ossidazzjoni u jżomm il-moffa u ċerti mikroorganiżmi milli jikbru. Hemm il-ħtieġa teknoloġika b’mod partikolari għal frott impurtat minn pajjiżi bi klima triopikali. Dan il-frott jeħtieġ ukoll protezzjoni matul vjaġġi twal.

(6)

Dawn l-addittivi tal-ikel huma maħsuba biex jintużaw bħala trattament estern u mhumiex mistennija jidħlu fil-parti ta’ ġewwa tal-frott li tittiekel. Għal dik ir-raġuni, it-trattament fuq frott li l-qxur tiegħu ma jittikilx mhux mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Huwa għalhekk xieraq li jingħata l-permess għall-użu tax-xama’ tan-naħal (E 901), ix-xama’ tal-karnawba (E 903), ix-xellak (E 904) u x-xama’ mikrokristallina (E 905) fuq frott bħal dan li huwa impurtat minn pajjiżi bi klima tropikali, jiġifieri l-banana, il-mang, l-avokado, ir-rummien, il-papaj u l-ananas.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni għall-użu tax-xama’ tan-naħal (E 901) fuq il-banana, il-mang u r-rummien, l-użu tax-xama’ tal-karnawba (E 903) u x-xellak (E 904) fuq ir-rummien, il-mang, l-avokado u l-papaj u l-użu tax-xama’ mikrokristallina (E 905) fuq l-ananas tikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhux mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, l-opinjoni tal-Awtorità mhix meħtieġa.

(8)

Il-Kummissjoni se tkompli tikkunsidra t-talbiet għall-użu tax-xama’ fuq frott u ħaxix ieħor filwaqt li tikkunsidra s-sikurezza tal-konsumatur meta l-partijiet esterni jkunu mistennija li jittieklu, il-ġustifikazzjoni teknoloġika u l-possibbiltà li l-konsumatur jitqarraq, inklużi r-rekwiżiti tat-tikkettar.

(9)

Skont id-dispożizzjonijiet transitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 (3) il-lista tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tapplika fil-prinċipju mill-1 ta’ Ġunju 2013. Sabiex jiġu permessi l-użi ġodda ta’ addittivi tal-ikel awtorizzati fis-suq qabel dik id-data, huwa meħtieġ li wieħed jispeċifika data aktar bikrija tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-użi.

(10)

Għaldaqstant, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-annotazzjonijiet għal E 901, E 903, E 904 u E 905 fil-kategorija tal-ikel 04.1.1 “Il-frott u ħaxix sħiħ frisk kollu” jinbidlu b’dan li ġej:

 

“E 901

Xama’ tan-naħal, bajda u safra

quantum satis

 

għat-trattament tal-wiċċ tal-frott biss: frott taċ-ċitru, bettieħ, tuffieħ, lanġas, ħawħ, ananas, banana, mang, avokado, rummien u bħala aġent tal-igglejżjar fuq il-ġewż

Perjodu ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-banana, il-mang, l-avokado, ir-rummien:

Mill-25 ta' Diċembru 2012

 

E 903

Xama’ tal-Karnawba

200

 

għat-trattament tal-wiċċ tal-frott biss: frott taċ-ċitru, bettieħ, tuffieħ, lanġas, ħawħ, ananas, banana, mang, avokado, rummien u bħala aġent tal-igglejżjar fuq il-ġewż

Perjodu ta’ applikazzjoni fir-rigward tar-rummien, mang, avokado u papaj:

Mill-25 ta' Diċembru 2012

 

E 904

Xellak

quantum satis

 

għat-trattament tal-wiċċ tal-frott biss: frott taċ-ċitru, bettieħ, tuffieħ, lanġas, ħawħ, ananas, banana, mangu, avokado, rummien u bħala aġent tal-igglejżjar fuq il-ġewż

Perjodu ta’ applikazzjoni fir-rigward tar-rummien, mang, avokado u papaj:

Mill-25 ta' Diċembru 2012

 

E 905

Xama’ mikrokristallina

quantum satis

 

għat-trattament tal-wiċċ tal-frott biss: bettieħ, papaj, mang, avokado u ananas

Perjodu tal-applikazzjoni ananas:

Mill-25 ta' Diċembru 2012”


Top