Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“
Dokumentas 32012R0986
Council Implementing Regulation (EU) No 986/2012 of 22 October 2012 clarifying the scope of the definitive anti-dumping duties imposed by Regulation (EC) No 383/2009 on imports of certain PSC wires and strands originating in the People’s Republic of China
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 986/2012 tat- 22 ta’ Ottubru 2012 li jikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 383/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel PSC li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 986/2012 tat- 22 ta’ Ottubru 2012 li jikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 383/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel PSC li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
ĠU L 297, 26.10.2012, p. 1—4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
Galioja
26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 986/2012
tat-22 ta’ Ottubru 2012
li jikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 383/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel PSC li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Il-miżuri fis-seħħ
(1) |
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 383/2009 (2) (“ir-Regolament definittiv”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ wajers u swiegel PSC li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-miżuri fis-seħħ”). |
2. It-talba għal reviżjoni interim
(2) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand ECN Cable Group S.L., produttur Spanjol tal-kejbils (“l-applikant”) għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
(3) |
L-applikant talab l-esklużjoni ta’ ċerti wajers u swiegel mill-kamp tal-applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping attwali fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajer tal-azzar mingħajr liga tal-prestressing u l-poststressing (wajers u swiegel PSC) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-prodott mitlub biex jiġi eskluż huwa wajer bis-swiegel li jikkonsisti f’seba’ wajers tal-azzar mingħajr liga, ibbanjati jew miksija biż-żingu, li fihom 0,6 % bil-piż jew aktar ta’ karbonju, b’dimensjoni trasversali massima ta’ aktar minn 3 mm, u li jirrispetta l-Istandard Internazzjonali IEC 60888 jew l-Istandard Ewropew/Cenelec UNE-EN 50189 (“swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi”). |
(4) |
L-applikant ippreżenta evidenza prima facie li turi li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi tal-prodott li għandu jiġi eskluż ivarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-prodott ikkonċernat suġġett għall-miżuri fis-seħħ. |
3. Il-bidu
(5) |
Wara li ddeterminat li hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat fl-4 ta’ Ottubru 2011 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) (“in-Notifika ta’ Bidu”) il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku limitata għall-eżami tal-ambitu tal-prodott. |
4. L-investigazzjoni tar-reviżjoni
(6) |
Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) u lill-partijiet kollha l-oħra magħrufa li kienu kkonċernati, jiġifieri l-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-utenti u l-importaturi fl-Unjoni u l-produtturi fl-Unjoni, dwar il-bidu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jingħataw smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fin-Notifika ta’ Bidu. |
(7) |
Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li kienu kkonċernati, u lill-partijiet l-oħrajn kollha li ppreżentaw ruħhom fl-iskadenzi stabbiliti fin-Notifika ta’ Bidu. |
(8) |
It-tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand l-applikant, żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, tnax-il produttur tal-wajers u s-swiegel PSC fl-Unjoni, żewġ produtturi tal-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-Unjoni, sitt utenti u żewġ importaturi tal-Unjoni. Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-reviżjoni parzjali, ma ġie stabbilit l-ebda perjodu ta’ investigazzjoni għall-fini ta’ din ir-reviżjoni parzjali. |
(9) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li titqies meħtieġa għall-għan tal-valutazzjoni dwar jekk kienx hemm ħtieġa li jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti u wettqet żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:
|
B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT
(10) |
Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal dak definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv, jiġifieri wajer tal-azzar mingħajr liga, wajer tal-azzar mingħajr liga bbanjat jew miksi, wajer tal-azzar mingħajr liga bbanjat jew miksi biż-żingu u wajer bis-swiegel tal-azzar mingħajr liga kemm jekk ibbanjat jew miksi kemm jekk le b’mhux aktar minn 18-il wajer, li fih bil-piż 0,6 % jew aktar ta’ karbonju, b’dimensjoni trasversali massima ta’ aktar minn 3 mm, li attwalment jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex 7217 10 90, ex 7217 20 90, ex 7312 10 61, ex 7312 10 65 u ex 7312 10 69 u li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. |
C. RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI TAR-REVIŻJONI
1. L-isfond
(11) |
Il-wajers jew is-swiegel tal-prestressing u l-poststressing huma magħmula minn azzar b’livell għoli ta’ karbonju u jintużaw l-aktar fl-industrija tal-kostruzzjoni għar-rinforz tal-konkos, l-elementi ta’ sospensjoni u l-pontijiet sospiżi permezz tal-kejbils. Il-wajers u s-swiegel PSC huma manifatturati minn vireg tal-wajer tal-azzar. |
(12) |
Hemm żewġ tipi differenti ewlenin ta’ wajers u swiegel PSC: dawk użati fl-applikazzjonijiet tal-konkos li mhumiex galvanizzati u dawk użati għall-pontijiet sospiżi permezz tal-kejbils (stay cable bridges) jew il-pontijiet sospiżi (suspension bridges) li huma galvanizzati. Is-swiegel galvanizzati li jintużaw għall-pontijiet sospiżi jirrappreżentaw biss madwar 1 % tat-total ta’ wajers u swiegel tal-PSC fis-suq tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-utenti ewlenin tal-wajers u s-swiegel PSC huma intrapriżi fl-industrija tal-kostruzzjoni. |
(13) |
L-applikant huwa produttur Spanjol tal-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-għoli. It-tip ta’ prodott li qiegħed jintalab mill-applikant biex ikun eskluż mid-definizzjoni tal-prodott huwa siegla galvanizzata b’seba’ wajers li tintuża bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-għoli. |
2. Il-metodoloġija
(14) |
Sabiex jiġi vvalutat jekk is-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-għoli għandhomx jiġu koperti mid-definizzjoni tal-prodott tal-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv, ġie eżaminat jekk is-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi u wajers u swiegel PSC oħrajn kellhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użi finali. F’dan ir-rigward ġiet ivvalutata wkoll l-interkambjabbiltà bejn is-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-għoli u wajers u swiegel PSC oħrajn suġġetti għall-miżuri kkonċernati fl-Unjoni. |
(15) |
L-applikant ippropona li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ prodotti bl-użu ta’ standards. Skont l-applikant, il-wajers u s-swiegel PSC użati fl-industrija tal-kostruzzjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Istandard Internazzjonali IEC 60888 jew l-Istandard Ewropew/Cenelec UNE-EN 50189. Dawn in-normi t-tnejn li huma japplikaw għal wajers tal-azzar miksija biż-żingu li jridu jintużaw fil-kondutturi tal-elettriku bis-swiegel. |
3. Is-sejbiet
3.1. Il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi
(16) |
L-istandards imsemmija fit-talba u stabbiliti fil-premessa (15) hawn fuq jintużaw biss fir-rigward tal-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku. Għaldaqstant, il-produtturi tal-Unjoni tal-wajers u s-swiegel PSC għall-użu fl-industrija tal-kostruzzjoni ma kinux familjari ma’ dawn in-normi u konsegwentement it-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju wrew opinjonijiet differenti dwar jekk dawn l-istandards intlaħqux fir-rigward tas-swiegel galvanizzati b’seba wajers użati għall-pontijiet sospiżi. |
(17) |
L-investigazzjoni żvelat li l-biċċa l-kbira tal-karatteristiċi fiżiċi/tal-ispeċifikazzjonijiet standard taż-żewġ prodotti kkonċernati huma mill-inqas parzjalment komparabbli, madankollu din żvelat ukoll li hemm differenza fiżika partikolari waħda li tista’ tiġi identifikata - li tippermetti li ssir distinzjoni ċara taż-żewġ prodotti - meta jitqabblu n-normi użati għall-kondutturi għall-kejbils fl-għoli man-norma għall-azzar tal-prestressing użat fin-negozju tal-kostruzzjoni. |
(18) |
Skont l-istandard EN 10337 għall-azzar tal-prestressing, li jintuża fl-industrija tal-kostruzzjoni, “id-dijametru tal-wajer ċentrali għandu jkun mill-inqas 3 % akbar mid-dijametru tal-wajers spirali ta’ barra” (il-punt 7.1.3 tan-norma), filwaqt li skont l-istandard għall-kondutturi fl-għoli (EN 50182), il-wajers f’siegla galvanizzata b’seba’ wajers użata bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi kollha għandhom l-istess dijametru. |
(19) |
Id-differenzi fil-ħxuna tal-wajer ċentrali jistgħu jiġu vverifikati billi jintuża tagħmir li jkun kapaċi jkejjel il-ħxuna tal-wajers. Għaldaqstant, dan it-tip ta’ prodott jista’ jiġi distint minn tipi ta’ prodotti oħra tal-prodott ikkonċernat. |
(20) |
Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati u, fil-qosor, qablu li huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti kif deskritt hawn fuq. |
3.2. L-użi finali bażiċi u l-interkambjabbiltà
(21) |
L-investigazzjoni wriet ukoll li ż-żewġ tipi ta’ prodotti għandhom applikazzjonijiet differenti u distinti, u jintużaw f’żewġ industriji differenti. Il-wajers u s-swiegel PSC jintużaw fl-industrija tal-kostruzzjoni filwaqt li s-swiegel li ntalbu biex jiġu esklużi jintużaw bħala qalba ta’ sostenn fil-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-għoli fl-industrija tal-kejbils. |
(22) |
Barra minn hekk, minħabba l-ispeċifikazzjonijiet differenti ta’ kull tip ta’ prodott ma teżistix il-possibbiltà ta’ interkambjabbiltà fl-applikazzjonijiet tal-wajers u s-swiegel PSC u s-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi. |
(23) |
Fuq din il-bażi, jitqies li hemm differenzi fiżiċi u tekniċi bażiċi sinifikanti bejn il-wajers u s-swiegel PSC u s-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-għoli, li huma identifikabbli. |
3.3. Il-prodott investigat fl-investigazzjoni oriġinali
(24) |
L-ebda waħda mill-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali (seba’ produtturi tal-Unjoni, seba’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, erba’ importaturi mhux relatati fl-UE u seba’ utenti) ma kienet involuta fil-manifattura u/jew fil-kummerċ ta’ swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi. Mill-investigazzjoni oriġinali jirriżulta li l-informazzjoni rilevanti dak iż-żmien ma kinitx inġabret fir-rigward tas-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi. |
(25) |
Għalhekk, jidher li għalkemm is-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi ma ġewx esklużi espliċitament, l-investigazzjoni f’dak iż-żmien ma kienx beħsiebha tinkludihom fil-prodott ikkonċernat. |
4. L-allegazzjonijiet ta’ evażjoni possibbli tal-miżuri fis-seħħ
(26) |
Xi partijiet interessati esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri jekk is-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri. |
(27) |
Madankollu, is-swiegel galvanizzati b’seba’ wajers użati fil-kondutturi għall-kejbils tal-elettriku fl-għoli jinbiegħu mingħajr kisja oħra, filwaqt li s-swiegel b’seba’ wajers galvanizzati użati fil-kostruzzjoni tal-pontijiet, tal-elementi ta’ sospensjoni u tal-ġeneraturi tar-riħ huma fil-biċċa l-kbira miksija wkoll bil-polietilen u bix-xama’ jew bix-xaħam għal stennija tal-ħajja ta’ 50 sena jew aktar. |
(28) |
Matul l-investigazzjoni ġiet identifikata applikazzjoni waħda biss għal wajers u swiegel PSC galvanizzati, li ma għandhiex kisja oħra, jiġifieri s-sostenn temporanju tal-pontijiet matul il-proċess tal-bini. Madankollu, din l-applikazzjoni tirrappreżenta biss frazzjoni żgħira tas-suq diġà żgħir tal-applikazzjonijiet kollha tal-wajers u s-swiegel PSC galvanizzati (ara l-premessa 12). |
(29) |
Għaldaqstant, fil-maġġoranza kbira tal-każijiet tista’ faċilment issir distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ swiegel, bejn dawk galvanizzati u mhux galvanizzati, u fil-grupp ta’ swiegel galvanizzati bejn dawk b’kisja oħra u dawk mingħajr kisja oħra, u dan jipprovdi l-possibbiltà ta’ kontroll. |
(30) |
Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jeħtieġu, għall-“applikazzjonijiet PSC” standard/tradizzjonali, omologazzjoni nazzjonali għall-użu ta’ wajers u swiegel PSC sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodott. Il-proċess ta’ omologazzjoni huwa dettaljat ferm u huwa obbligatorju li jiġu żvelati l-kwalità u l-fornitur tal-vireg tal-wajer, il-faċilitajiet tal-produzzjoni, il-makkinarju użat, it-testijiet tal-laboratorju, eċċ. |
(31) |
F’xi każijiet, il-proċess ta’ omologazzjoni nazzjonali jista’, skont il-proċeduri fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, jiġi sostitwit permezz ta’ “riċezzjoni tal-kwalità” jew “omologazzjoni speċifika għall-proġett”. |
(32) |
Madankollu, fiż-żewġ każijiet, espert tekniku indipendenti jiċċertifika li l-prodotti maħsuba biex jintużaw huma konformi mal-ispeċifikazzjonijiet standard tal-PSC. Dawn il-proċeduri jipprovdu assigurazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ kull tentattiv possibbli ta’ evażjoni tal-miżuri. |
(33) |
Barra minn hekk, jekk ikun meħtieġ tista’ ssir distinzjoni bejn it-tipi ta’ prodotti differenti billi jintużaw strumenti jew tagħmir tal-kejl speċjali f’każijiet fejn is-swiegel galvanizzati mingħajr kisja oħra għandhom jiġu rilaxxati mid-dwana għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. |
(34) |
Minn dak li ssemma hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li r-riskju ta’ evażjoni huwa minimu. |
D. KONKLUŻJONIJIET DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT
(35) |
Is-sejbiet ta’ hawn fuq juru li s-swiegel li jintużaw bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi u wajers u swiegel PSC oħrajn suġġetti għall-miżuri kkonċernati, ma għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użi finali. Iż-żewġ prodotti għandhom użi finali differenti, jimmiraw lejn swieq differenti u mhumiex interkambjabbli. Barra minn hekk, is-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi ma ġewx investigati fil-qafas tal-investigazzjoni oriġinali. Fuq din il-bażi, huwa konkluż li s-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi u wajers u swiegel PSC oħrajn, huma żewġ prodotti differenti. |
(36) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u billi jista’ jiġi stabbilit li s-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi jistgħu jiġu distinti mill-prodott ikkonċernat, huma għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott tal-miżuri fis-seħħ. |
(37) |
Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom intlaħqu l-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. Il-partijiet ingħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal din l-informazzjoni żvelata. Ma waslet l-ebda sottomissjoni li tirriżulta f’konklużjoni differenti. |
E. APPLIKAZZJONI RETROATTIVA
(38) |
Billi l-proċediment attwali huwa limitat għall-kjarifika tal-ambitu tal-prodott u billi s-swiegel użati bħala qalba tal-azzar għall-kondutturi ma kinux koperti fl-investigazzjoni oriġinali u l-miżuri anti-dumping konsegwenti, jitqies xieraq li s-sejbiet jiġu applikati mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament definittiv, inkluża kull importazzjoni suġġetta għad-dazji provviżorji bejn is-16 ta’ Novembru 2008 u t-13 ta’ Mejju 2009. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni prevalenti li tipprevjeni tali applikazzjoni retroattiva. |
(39) |
Għaldaqstant, għal oġġetti li mhumiex koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 383/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazju anti-dumping definittiv imħallas jew imdaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 383/2009 u d-dazji anti-dumping provviżorji miġbura definittivament skont l-Artikolu 2 tal-istess Regolament għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. F’każijiet fejn il-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (4) jkunu skadew qabel jew fis-26 ta’ Ottubru 2012, jew jekk jiskadu fi żmien sitt xhur wara dik id-data, qed jiġu b’dan estiżi biex jiskadu sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 383/2009 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-azzar mingħajr liga mhux ibbanjat jew mhux miksi, wajer tal-azzar mingħajr liga bbanjat jew miksi biż-żingu u wajer bis-swiegel tal-azzar mingħajr liga kemm jekk ibbanjat jew miksi kemm jekk le b’mhux aktar minn 18-il wajer, li fihom 0,6 % bil-piż jew aktar ta’ karbonju, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massima li taqbeż it-3 mm, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 7217 10 90, ex 7217 20 90, ex 7312 10 61, ex 7312 10 65 u ex 7312 10 69 (kodiċi TARIC 7217109010, 7217209010, 7312106111, 7312106191, 7312106511, 7312106591, 7312106911 u 7312106991) u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Is-swiegel galvanizzati (iżda mingħajr l-ebda kisja b’materjali oħra) b’seba’ wajers li fihom id-dijametru tal-wajer ċentrali jkun identiku għal jew inqas minn 3 % akbar mid-dijametru ta’ kwalunkwe wieħed mis-sitt wajers l-oħra, ma għandhomx ikunu koperti mid-dazju anti-dumping definittiv.”.
Artikolu 2
Għal oġġetti li mhumiex koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 383/2009, kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazju anti-dumping definittiv imħallas jew imdaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 383/2009 fil-verżjoni inizjali tiegħu u d-dazji anti-dumping provviżorji miġbura definittivament skont l-Artikolu 2 tal-istess Regoalment għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. F’każijiet fejn il-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 236(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 jkunu skadew qabel jew fis-26 ta’ Ottubru 2012, jew jekk jiskadu fi żmien sitt xhur wara dik id-data, qed jiġu b’dan estiżi biex jiskadu sitt xhur wara s-26 ta’ Ottubru 2012.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-14 ta’ Mejju 2009.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. ALETRARIS
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 118, 13.5.2009, p. 1.
(4) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.