Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 32012R0941

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 941/2012 tal- 15 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    ĠU L 282, 16.10.2012, blz. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Juridische status van het document Van kracht

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/941/oj

    16.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 282/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 941/2012

    tal-15 ta’ Ottubru 2012

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 (2) jimponi projbizzjoni ġenerali fuq l-għoti ta’ pariri tekniċi, assistenza, taħriġ, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

    (2)

    Fil-25 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill tal-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti “KSNU” adotta r-Riżoluzzjoni 2060 (2012), li tipprovdi, fil-paragrafu 10, għal deroga mill-projbizzjoni ta’ assistenza relatata ma armamenti u tagħmir militari intiż għall-Uffiċċju Politiku tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja, kif approvata bil-quddiem mill-Kumitat stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni KSKU 751 (1992).

    (3)

    Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta-Kunsill 2012/633/PESK (3), li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK u tipprovdi għal tali deroga.

    (4)

    Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, sabiex tiġi implimentata hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 147/2003, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-:

    (a)

    provvediment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ apparat militari li ma jistax jikkaġuna l-mewt, intenzjonat biss għall-użu umanitarju jew ta’ protezzjoni, jew ta’ materjal maħsub għal programmi ta’ żvilupp tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, magħmul fil-qafas tal-Proċess ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni,

    (b)

    provvediment ta’ parir tekniku, assistenza jew taħriġ konness ma’ dan l-apparat li ma jistax jikkaġuna l-mewt,

    (c)

    provvediment ta’ finanzjament u assistenza finanzjarja għall-bejgħ, il-fornitura, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armamenti u tagħmir militari intiż biss għall-appoġġ jew l-użu mill-Uffiċċju Politiku tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja,

    (d)

    provvediment ta’ parir tekniku, assistenza jew taħriġ konness ma’ tali armamenti u tagħmir militari,

    jekk dawn l-attivitajiet ġew approvati minn qabel mill-Kumitat stabbilit fil-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni 751 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.

    (2)  ĠU L 24, 29.1.2003, p. 2 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 18, Volum 02, pp. 57-58).

    (3)  Ara paġna 47 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Naar boven