EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0920

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2012 tal- 4 ta’ Ottubru 2012 li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għal bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera ta’ Ċipru jew huma reġistrati fih, li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran

ĠU L 274, 9.10.2012, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/920/oj

9.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 920/2012

tal-4 ta’ Ottubru 2012

li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għal bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera ta’ Ċipru jew huma reġistrati fih, li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (2), jiffissal-ammont ta’ tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2012 mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea, fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (3), jirrikjedi lill-Istati Membri li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom b’tul ta’ iktar minn 24 metru, u għall-bastimenti tal-qbid b’tul ta’ anqas minn 24 m, mill-inqas dwar il-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew lill-gruppi ta’ bastimenti li jistadu b’irkaptu simili.

(3)

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, meta l-Kummissjoni ssib li, abbażi tal-informazzjoni li tingħata mill-Istati Membri u ta’ informazzjoni rilevanti oħra fil-pussess tagħha, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ġew eżawriti għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta konċernata involuti f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

(5)

Mill-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati lill-bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera ta’ Ċipru jew li huma rreġistrati fih ġew eżawriti.

(6)

Fit-22 ta’ Awwissu 2012, Ċipru informa lill-Kummissjoni bil-fatt li kien impona waqfien fuq l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tiegħu li jistadu bil-konz attivi fis-sajd għat-tonn fl-2012. Fil-5 ta’ Settembru Ċipru informa lill-Kummissjoni li dan l-għeluq daħal fis-seħħ fid-09:39 fit-22 ta’ Awwissu 2012.

(7)

Mingħajr preġudizzju għall-azzjoni li ttieħdet minn Ċipru msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn mit-22 ta’ Awwissu 2012 fid-09:39 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bil-konz li jtajru l-bandiera ta’ Ċirpu jew li huma reġistrati fih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti li jistadu bil-konz u li jtajru l-bandiera ta’ Ċipru jew li huma reġistrati fih għandu jiġi pprojbit mill-22 ta’ Awwissu 2012 fid-09:39, l-aktar tard.

Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti tas-sajd jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat, ittrasferiet jew jinħatt l-art.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 25, 27.1.2012, p. 55.

(3)  ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


Top