Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0875

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 875/2012 tal- 25 ta’ Settembru 2012 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    ĠU L 258, 26.9.2012, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/875/oj

    26.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 258/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 875/2012

    tal-25 ta’ Settembru 2012

    li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) ("ir-Regolament bażiku") u b'mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

    Wara li, f'konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ikkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IT-TALBA

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta' roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le.

    (2)

    It-talba tressqet fl-14 ta' Awwissu 2012 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (European Bicycles Manufacturers Association EBMA) f’isem In Cycles - Montagem e Comercio de Bicicletas, Ldo, SC. EUROSPORT DHS S.A. u MAXCOM Ltd, tliet produtturi tar-roti fl-Unjoni.

    B.   IL-PRODOTT

    (3)

    Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta' evażjoni huwa biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikletti), mhux bil-mutur, li attwalment jaqgħu fil-kodiċi NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (kodiċi TARIC 8712007090) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ("il-prodott ikkonċernat").

    (4)

    Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkunsinnat mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat ("il-prodott li qed jiġi investigat").

    C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

    (5)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 (2) li jimponu dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-miżuri imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1524/2000 (3) u emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005 (4).

    D.   IR-RAĠUNIJIET

    (6)

    It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qegħdin jiġu evitati permezz ta' trasbord vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u permezz ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ ta' ċerti partijiet tar-roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 13.2 tar-Regolament bażiku vija l-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

    (7)

    L-evidenza prima facie li ġiet ippreżentata hija din:

    (8)

    It-talba turi li seħħet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni wara ż-żieda fid-dazji anti-dumping fuq il-prodott ikkonċernat imposta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005, mingħajr raġuni jew ġustifikazzjoni biżżejjed għal tibdil bħal dan għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

    (9)

    Din il-bidla tidher li tirriżulta mit-trasbord ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni u minn operazzjonijiet ta' assemblaġġ fl-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

    (10)

    Barra minn hekk, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

    (11)

    Fl-aħħar nett, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qegħdin ikunu l-oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

    (12)

    Jekk prassi ta’ evażjoni vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr għat-trasbord u l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ, tkun identifikata fil-proċess tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri din il-prassi wkoll.

    E.   IL-PROĊEDURA

    (13)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    (a)   Kwestjonarji

    (14)

    Sabiex tikseb it-tagħrif meqjus neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, tal-Indoneżja, tal-Malasja, tas-Sri Lanka u tat-Tuneżija. Jista' jintalab ukoll tagħrif mill-industrija tal-Unjoni, skont kif ikun xieraq.

    (15)

    F’kull każ, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, peress li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

    (16)

    L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Malasja is-Sri Lanka u t-Tuneżija se jiġu nnotifikati bil-ftuħ tal-investigazzjoni.

    (b)   Il-ġbir ta' informazzjoni u s-seduti ta' smigħ

    (17)

    Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, jekk dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

    (c)   L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

    (18)

    B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tikkostitwixxix evażjoni.

    (19)

    Minħabba li l-possibbiltà li sseħħ evażjoni barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil produtturi fl-Indoneżja, il-Malasja is-Sri Lanka u t-Tuneżija ta' biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikletti), mhux bil-mutur, li jistgħu juru li mhuma relatati (5) ma' ebda produttur soġġett għall-miżuri (6) u li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta' evażjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

    F.   IR-REĠISTRAZZJONI

    (20)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'sejbiet ta' evażjoni, ikunu jistgħu jiġu imposti dazji anti-dumping addattati mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn ikkonsenjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

    G.   IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

    (21)

    Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:

    il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu l-kwestjonarju mimli jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha titqies matul l-investigazzjoni,

    il-produtturi fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjoni jew mill-miżuri,

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

    (22)

    Ta’ min jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li t-tħaddim tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    H.   IN-NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

    (23)

    F'każijiet li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    (24)

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, dik l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    (25)

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din kienet ikkooperat.

    I.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

    (26)

    L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    J.   L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI

    (27)

    Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta (7).

    K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

    (28)

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ.

    (29)

    Talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

    (30)

    Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm.,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B’dan qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex ikun iddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikletti), mhux bil-mutur, ikkunsinnati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jew le, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċi TARIC 8712003010 u 8712007091) humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

    Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni, permezz ta' regolament, tista' titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni.

    Artikolu 3

    1.   Il-kwestjonarji għandhom jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jitqiesu waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    3.   Il-produtturi fl-Indoneżja, il-Malasja is-Sri Lanka u t-Tuneżija li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri, għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.

    4.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.

    5.   Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom jitressqu fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence.

    Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali trid tkun immarkata "Limited" (8) ("Ristrett") u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata "For inspection by interested parties" ("Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati").

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 08/020

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Faks +32 22985353

    L-indirizz elettroniku: TRADE-R563-BICYCLES-CIRC@ec.europa.eu

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 261, 6.10.2011, p. 2.

    (3)  ĠU L 175, 14.7.2000, p. 39

    (4)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1.

    (5)  B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew iżjed tal-ishma jew tal-kwoti tal-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest "persuna" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

    (6)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma’ kumpaniji soġġetti għall-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri anti-dumping oriġinali), xorta waħda tista’ tingħata eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji soġġetta għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew użata biex ikun hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.

    (7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (8)  Dokument "Limited" ("Ristrett") huwa dokument li huwa kkunsidrat kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-Dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    Top