Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0626

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 tas- 26 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 182, 13.7.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/626/oj

    13.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 182/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 626/2012

    tas-26 ta’ Ġunju 2012

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-PROĊEDURA

    1.   Il-miżuri fis-seħħ

    (1)

    Fl-2006, il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 (2), dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) (“il-miżuri anti-dumping oriġinali”). Dan ir-Regolament ġie emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2008 (3). Fl-2012, il-Kunsill emenda l-miżuri permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 332/2012 (4) u estendihom għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 (5).

    2.   Il-bidu ta’ reviżjoni interim

    (2)

    Intbagħtet talba għal reviżjoni mill-produtturi tal-Unjoni li ġejjin: Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana SpA, Distillerie Mazzari SpA, Caviro Distillerie Srl u Comercial Quimica Sarasa s.l. (“l-applikanti”).

    (3)

    It-talba għar-reviżjoni hija limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping sa fejn huma kkonċernati żewġ produtturi esportaturi mir-RPĊ, jiġifieri Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd, Changzhou, u Ninghai Organic Chemical Factory, Ninghai. It-talba allegat li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet ibbażata fuq il-livell ta’ dumping stabbilit preċedentement, jidher li ma għadhiex suffiċjenti biex tegħleb id-dumping, minħabba li ż-żewġ kumpaniji ma għandhomx jingħataw Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (“TES”).

    (4)

    Wara li ddeterminat li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie għall-bidu ta’ reviżjoni interim, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, fid-29 ta’ Lulju 2011 il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) (“in-notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ reviżjoni interim limitata għad-dumping skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    3.   L-Investigazzjoni

    3.1.   Il-perjodu tal-investigazzjoni

    (5)

    L-investigazzjoni li tikkonċerna d-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “il-PIR”).

    3.2.   Il-partijiet ikkonċernati minn din l-investigazzjoni

    (6)

    Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment liż-żewġ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat bil-bidu tar-reviżjoni interim.

    (7)

    Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fin-notifika ta’ bidu.

    3.3.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-verifiki

    (8)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ produtturi esportaturi msemmija fit-talba għal reviżjoni u lill-produtturi fil-pajjiż analogu, l-Arġentina.

    (9)

    It-tweġibiet għall-kwestjonarji waslu mingħand iż-żewġ produtturi esportaturi mir-RPĊ, kif ukoll mill-produttur fil-pajjiż analogu li kkoopera.

    (10)

    Sabiex iż-żewġ produtturi esportaturi fir-RPĊ jitħallew jitolbu trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew trattament individwali (“TI”) f'każ li jkunu jixtiequ, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta’ applikazzjoni għal din il-fini. It-talbiet għal TES, jew għal TI f'każ li l-investigazzjoni tistabbilixxi li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal TES, waslu mingħand it-tnejn li huma.

    (11)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ dumping u għamlet żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    Produtturi esportaturi fir-RPĊ:

    Ninghai Organic Chemical Factory, Ninghai

    Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd, Changzhou

    (b)

    Produtturi esportaturi fil-pajjiż analogu:

    TARCOL S.A., Buenos Aires

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    1.   Il-prodott ikkonċernat

    (12)

    Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni huwa l-istess wieħed tal-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri l-aċidu tartariku ħlief aċidu tartariku D-(-)- b'rotazzjoni ottika negattiva ta’ mill-anqas 12,0 gradi, imkejjel f'soluzzjoni ta’ ilma skont il-metodu deskritt fil-Farmakopea Ewropea, li joriġina mir-RPĊ, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2918 12 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

    (13)

    Il-prodott ikkonċernat jintuża fl-inbid, fl-addittivi fix-xorb u l-ikel, bħala ritardant fil-ġibs u f'għadd ta’ prodotti oħra. Huwa jista' jinkiseb jew mill-prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid, kif inhu l-każ tal-produzzjoni fl-Unjoni, jew permezz ta’ sinteżi kimika mill-komposti petrokimiċi, kif inhu l-każ tal-produzzjoni fir-RPĊ. L-aċidu tartariku L+ biss huwa mmanifatturat mill-prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid. Il-produzzjoni sintetika tippermetti l-manifattura tal-aċidu tartariku kemm L+ kif ukoll DL. Iż-żewġ tipi huma kkonċernati bil-prodott u għandhom użi simili.

    2.   Il-prodott simili

    (14)

    Bħalma seħħ fl-investigazzjonijiet ta’ qabel, tqies li l-aċidu tartariku prodott fir-RPĊ u esportat lejn l-Unjoni, l-aċidu tartariku prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu (l-Arġentina) u l-aċidu tartariku mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi, u l-istess użi bażiċi. Għalhekk, tqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    C.   ID-DUMPING

    1.   Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq

    (15)

    Iż-żewġ kumpaniji msemmija fit-talba għal reviżjoni talbu Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq. Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi minn 1 sa 6 ta’ dak l-Artikolu għal dawk il-produtturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (16)

    Fil-qosor, u biss għall-ħeffa tar-referenza, il-kriterji għal TES huma mniżżla f’forma mqassra hawn isfel:

    (1)

    Id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat;

    (2)

    Il-kotba tal-kontijiet jiġu vverifikati indipendentement u skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u applikati għall-finijiet kollha;

    (3)

    Ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

    (4)

    Il-liġijiet dwar il-proprjetà u dwar il-falliment jipprovdu stabbiltà u ċertezza ġuridika;

    (5)

    Il-kambju tal-flus jinħadem bir-rata tas-suq.

    (17)

    Iż-żewġ produtturi fir-RPĊ talbu għal TES skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Kull applikazzjoni għal TES ġiet analizzata, saru investigazzjonijiet fuq il-post fl-istabbilimenti ta’ dawn il-kumpaniji li kkooperaw.

    (18)

    Għaż-żewġ kumpaniji, it-TES inċaħad skont il-Kriterju 1 tal-Artikolu 2(7)(c) ibbażat fuq l-evidenza li l-prezz għall-materja prima bażika, il-benżen, kien ħażin. Tqabbil ta’ prezzijiet domestiċi fir-RPĊ, bl-użu tal-prezzijiet tax-xiri ta’ produttur li kkoopera bħala sors, kontra l-prezzijiet f'pajjiżi oħra b'ekonomija tas-suq wera differenza fil-prezz ta’ bejn 19 % u 51 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Ir-RPĊ imponiet tariffa tal-importazzjoni fuq il-benżen ta’ 40 % (għalkemm dan ma kienx fis-seħħ matul il-PIR) filwaqt li mhija se tagħti lura l-ebda parti mis-17 % VAT intaxxata fuq l-esportazzjoni tagħha. Instabu wkoll xi distorsjonijiet fil-prezz tal-materja prima intermedja, l-anidride malejika, mixtrija mill-produttur l-ieħor li kkoopera billi uża x-xirjiet tiegħu bħala sors.

    (19)

    Kien miċħud TES ukoll lil kumpanija minnhom skont il-Kriterji 2 u 3 minħabba evidenza ta’ prezzijiet imraħħsa għad-dritt tal-użu tal-art kif ukoll sopravalutazzjoni tal-assi tal-kumpanija biex jiġi ggarantit self minn bank tal-Istat.

    (20)

    Iż-żewġ kumpaniji kkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni wara li dawn ġew żvelati lilhom. Madankollu l-ebda waħda mill-kumpaniji ma setgħet tispjega l-prezz baxx tal-benżen fis-suq tar-RPĊ. Il-kumpanija msemmija fil-premessa 19 hawn fuq ipprovdiet xi dokumenti biex tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-prezzijiet għad-dritt tal-użu tal-art u l-valutazzjoni tal-assi tagħhom. Madankollu peress li dawn id-dokumenti ntalbu matul l-ispezzjoni u ma ġewx ipprovduti, ġie għalhekk deċiż li din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi vverifikata jew fdata.

    (21)

    Għalhekk it-TES huwa miċħud liż-żewġ kumpaniji.

    (22)

    Madankollu, iż-żewġ kumpaniji jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u għalhekk huma intitolati għal dazju anti-dumping individwali bl-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom stess.

    2.   Il-pajjiż analogu

    (23)

    Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie ddeterminat skont il-prezz jew il-valur kostrutt miksub f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xierqa (“il-pajjiż analogu”), jew il-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li kieku jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b'mod xieraq jekk ikun meħtieġ biex jinkludi marġni ta’ profitt raġonevoli.

    (24)

    Bħal dak li sar fl-investigazzjoni oriġinali, fin-notifika ta’ bidu ġiet proposta l-Arġentina bħala l-pajjiż analogu xieraq biex jiġi stabbilit il-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Wara l-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu, kumpanija mill-Indja u kumpanija mill-Awstralja ġew identifikati bħala produtturi alternattivi possibbli f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq. Madankollu l-ebda waħda miż-żewġ kumpaniji ma wieġbet il-kwestjonarju li ntbagħtilhom.

    (25)

    Produttur tal-aċidu tartariku fl-Arġentina kkoopera mal-investigazzjoni billi wieġeb kwestjonarju. L-investigazzjoni wriet li l-Arġentina kellha suq kompetittiv għall-aċidu tartariku b'kompetizzjoni bejn żewġ produtturi lokali u importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Il-volum ta’ produzzjoni fl-Arġentina jikkostitwixxi aktar minn 20 % tal-volum tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Għalhekk is-suq Arġentin tqies bħala rappreżentattiv biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali għar-RPĊ.

    (26)

    Għalhekk ġie konkluż li bħal kif ġara fl-investigazzjoni preċedenti, l-Arġentina tikkostitwixxi pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

    3.   Il-Valur Normali

    (27)

    Il-valur normali kien stabbilit fuq il-bażi ta’ informazzjoni li waslet mingħand il-produttur fil-pajjiż analogu li kkoopera. Għalkemm il-produttur fil-pajjiż analogu kellu bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat, minħabba d-differenza fil-metodu ta’ produzzjoni bejn l-Arġentina u r-RPĊ li tħalli impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż, ġie deċiż li jinħadem valur normali minflok ma jintużaw dawn il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tagħhom. Il-prezz tal-materja prima fl-Arġentina ġie sostitwit bil-prezz tas-suq medju għall-benżen u aġġustament għall-SG&A fl-Arġentina biex jirrifletti aħjar is-suq domestiku fir-RPĊ.

    (28)

    Il-valur normali għall-Aċidu Tartariku L+ (li huwa mmanifatturat mill-produttur Arġentin) għalhekk inħadem fuq l-ispiża tal-produzzjoni fl-Arġentina tal-Aċidu Tartariku L+, filwaqt li tqieset id-differenza fil-metodi ta’ produzzjoni bejn l-Arġentina u r-RPĊ.

    (29)

    Minħabba li l-produttur Arġentin ma mmanifatturax l-aċidu tartariku DL, inħadem ukoll valur normali bl-użu tad-differenza fil-prezz li kien hemm bejn iż-żewġ tipi tal-prodott.

    4.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (30)

    Il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew iddeterminati fuq il-bażi tal-prezz reali mħallas jew pagabbli mill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni għaż-żewġ produtturi esportaturi mir-RPĊ.

    5.   Tqabbil

    (31)

    Għall-finijiet li jkun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, u skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, saret konċessjoni dovuta fil-forma ta’ aġġustamenti fir-rigward ta’ ċerti differenzi fit-trasport, l-assikurazzjoni u t-tassazzjoni indiretta, fejn dawn kienu ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet.

    6.   Il-marġini tad-dumping

    (32)

    Gћaż-żewġ kumpaniji, il-valur normali medju peżat għal kull prodott tqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni medju peżat tal-istess tip ta’ prodott, kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

    (33)

    Fuq il-bażi ta’ dan, il-marġini tad-dumping b'medja peżata espressa bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

    Il-kumpanija

    Il-marġni tad-dumping

    Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd, Changzhou

    13,1  %

    Ninghai Organic Chemical Factory, Ninghai

    8,3  %

    7.   In-natura permanenti taċ-ċirkostanzi mibdula

    (34)

    It-talba għal reviżjoni allegat li ż-żewġ produtturi esportaturi mir-RPĊ ma għadx għandhom jingħataw TES u li din il-bidla kienet ta’ narura dejjiema. Minħabba r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ TES jista' jitqies li l-konklużjonijiet ta’ din ir-reviżjoni huma ta’ natura dejjiema. L-evidenza turi li d-distorsjoni fil-prezz tal-benżen fir-RPĊ kienet teżisti qabel il-PIR u ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-Gvern tar-RPĊ neħħa jew se jneħħi dawn id-distorsjonijiet.

    (35)

    Għar-raġunijiet speċifiċi għall-kumpanija stabbiliti fil-premessa 19 dawn huma wkoll ta’ natura dejjiema, billi dawn jaffettwaw l-ispejjeż u d-deċiżjonijiet tal-kumpanija tul perjodu ta’ żmien sinifikanti. Dawn ma kinux avvenimenti li kellhom jaffettwaw l-investigazzjoni oriġinali fejn ingħata t-TES lill-kumpanija.

    D.   L-EMENDA TAL-MIŻURI ANTI-DUMPING FIS-SEĦĦ

    (36)

    Fid-dawl ta’ li ntqal fuq, tqies li r-reviżjoni anti-dumping preżenti għandha temenda l-livell tal-miżuri eżistenti fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku mir-RPĊ.

    (37)

    Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li l-miżuri eżistenti jiġu emendati. Dawn ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

    (38)

    Kumpanija mir-RPĊ wieġbet għall-iżvelar u għal darb'oħra kkontestat il-konklużjonijiet fir-rigward taċ-ċaħda tat-TES fuq il-bażi tad-distorsjoni fil-prezz tal-materja prima ewlenija. Madankollu, hija ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida biex tagħti sostenn għad-dikjarazzjonijiet tagħha u għaldaqstant l-argumenti tagħha ġew miċħuda. Hija talbet ukoll aktar informazzjoni dwar l-aġġustamenti msemmija fil-premessa 27 imma din kellha tinċaħad peress li jkun impossibbli li jsir dan mingħajr ma jiġu żvelati l-metodi tal-produzzjoni u l-ispejjeż tal-uniku produttur fl-Arġentina.

    (39)

    L-Industrija tal-Unjoni rreaġixxiet għall-iżvelar billi kkontestat l-użu ta’ valur normali maħdum minflok il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku fil-pajjiż analogu, u wkoll l-aġġustament msemmija hawn fuq li saru lill-valur normali maħdum sabiex tqis id-differenza fil-materja prima u l-proċessi ta’ produzzjoni bejn l-Arġentina u r-RPĊ.

    (40)

    Fir-rigward tal-użu ta’ valur normali maħdum minflok il-prezzijiet mill-Arġentina, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala bidla fil-metodoloġija skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Fl-investigazzjoni oriġinali, iż-żewġ kumpaniji mir-RPĊ ngħataw TES u għaldaqstant il-valur normali ttieħed mill-prezzijiet domestiċi tagħhom stess. Issa li t-TES ġie miċħud liż-żewġ kumpaniji, ma tistax tibqa' tintuża l-istess metodoloġija.

    (41)

    L-Industrija tal-Unjoni allegat ukoll li l-Kummissjoni kien imissha użat il-metodoloġija stipulata fl-investigazzjoni oriġinali biex tikkalkula d-dazju residwu għar-RPĊ sabiex tikkalkula l-marġini individwali għaż-żewġ esportaturi kkonċernati minn din ir-reviżjoni. Dan l-argument ġie miċħud peress li d-dazju residwu ġie kkalkulat għall-kumpaniji li ma kkooperawx mal-investigazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, mhuwiex komparabbli li jiġi kkalkulat dazju individwali għal esportatur li kkoopera li ma ngħatax TES.

    (42)

    Fir-rigward tal-aġġustament li saru lill-valur normali msemmi hawn fuq, dawn kienu meħtieġa biex jiżguraw tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni ta’ aċidu tartariku prodott b'mod sintetiku, u valur normali bbażat fuq il-proċess ta’ produzzjoni normali. Li kieku sar l-istess kalkolu billi ntużaw il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku fl-Arġentina u mbagħad jiġi aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma kienx ikun hemm tqabbil ġust. Dawn l-argumenti, għaldaqstant, ġew miċħuda.

    E.   L-IMPENJI

    (43)

    Produttur esportatur wieħed fir-RPĊ offra impenn ta’ prezz b’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Il-prodott ikkonċernat mhuwiex xieraq għal impenn ta’ prezz fiss minħabba l-volatilità tal-prezz tal-esportazzjoni. Sabiex jegħleb din il-problema, il-produttur esportatur offra klawżola ta’ indiċjar, imma mingħajr ma speċifika kif dan l-indiċjar kien se jiġi kkalkulat. Huwa offra wkoll indiċjar ibbażat fuq il-prezz ħażin tal-benżen domestiku fir-RPĊ, li ma setax jiġi aċċettat.

    (44)

    Barra minn hekk, dak il-produttur esportatur jipproduċi tipi differenti ta’ prodotti kimiċi oħra u jista' jbiegħ dawn il-prodotti lil klijenti komuni fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati. Dan joħloq riskju serju ta’ kumpens trasversali u minħabba fih ikun diffiċli immens li jkun hemm monitoraġġ effettiv.

    (45)

    Barra minn hekk, hemm tipi differenti tal-prodott ikkonċernat li ma jintgħarfux faċilment u li għandhom differenza konsiderevoli fil-prezzijiet. L-MIPs differenti proposti mill-produttur esportatur għaldaqstant irendu l-monitoraġġ mhux prattiku. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq ġie konkluż li l-offerti ta’ impenn ma jistgħux jiġu aċċettati,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-Tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 hija emendata biex taqra kif ġej:

    “Il-kumpanija

    Dazju anti-dumping

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd, Changzhou

    13,1  %

    A688

    Ninghai Organic Chemical Factory, Ninghai

    8,3  %

    A689

    Il-kumpaniji l-oħra kollha (ħlief Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co. Ltd, Hangzhou — kodiċi addizzjonali TARIC A687 ).

    34,9  %

    A999 ”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. WAMMEN


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 23, 27.1.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 48, 22.2.2008, p. 1.

    (4)  ĠU L 108, 20.4.2012, p. 1

    (5)  ĠU L 110, 24.4.2012, p. 3

    (6)  ĠU C 223, 29.7.2011, p. 16.


    Top