Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0594

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 594/2012 tal- 5 ta’ Lulju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-kontaminanti okratossina A, PCBs li ma jixbħux lid-dijossini u l-melamina fl-oġġetti tal-ikel Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 176, 6.7.2012, p. 43–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/594/oj

6.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/43


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 594/2012

tal-5 ta’ Lulju 2012

li jemenda r-Regolament (KE) 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-kontaminanti okratossina A, PCBs li ma jixbħux lid-dijossini u l-melamina fl-oġġetti tal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1259/2011 (3), li jemenda r-Regeolament (KE) Nru 1881/2006, jistabbilixxi livelli massimi ġodda għall-PBCs li ma jixbħux lid-dijossini b'applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2012. Jixraq li jiġi previst li dawk il-livelli massimi ma jkunux applikabbli għall-oġġetti tal-ikel li kienu tqiegħdu fis-suq skont il-liġi qabel dik id-data.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 105/2010 (4), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006, jistabbilixxi livell massimu finali aktar baxx għall-Okratossina A fil-ħwawar, li suppost jintlaħaq billi jiġu applikati prattiki tajbin. Biex tingħata l-possibbiltà lill-pajjiżi li jipproduċu l-ħwawar biex ipoġġu fis-seħħ miżuri preventivi u biex jiġi evitat tħarbit tal-kummerċ sa punt li ma jkunx aċċettabbli, dak ir-Regolament ikompli billi jistipula livell massimu ogħla li għandu jiġi applikat għal perjodu limitat ta’ żmien. Ir-Regolament ikompli billi jistipula li għandha titwettaq evalwazzjoni ta' kemm jistgħu jintlaħqu livelli aktar baxxi ta’ okratossina A permezz tal-applikazzjoni ta' prattiki tajbin fir-reġjuni produttivi differenti fid-dinja. Din l-evalwazzjoni kellha ssir qabel ma jsir applikabbli l-livell massimu aktar baxx tal-Okratossina A. Għalkemm ġie nnutat titjib sinifikanti fl-applikazzjoni tal-prattiki tajbin fir-reġjuni produttivi differenti fid-dinja, il-livell massimu aktar baxx fil-mira għall-Okratossina A għadu ma jistax jinkiseb fl-ispeċi Capsicum fuq bażi konsistenti. Għaldaqstant jixraq li tiġi posposta l-applikazzjoni tal-livell massimu aktar baxx għall-Capsicum spp.

(4)

Il-gluten tal-qamħ huwa mmanifatturat bħala koprodott mill-produzzjoni tal-lamtu. Ġiet provduta xhieda li l-livell massimu attwali tal-Okratossina A fil-gluten tal-qamħ m'għadhiex tista' tinkiseb, b'mod partikolari fi tmiem l-istaġun tal-ħażna, anki bl-applikazzjoni stretta ta' prattiki tajbin fir-rigward tal-ħażna, possibbilment minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi li kull ma jmur qed jinbidlu. Għaldaqstant jixraq li jiġi mmodifikat il-livell massimu attwali għal livell li jkun jista' jinkiseb permezz tal-applikazzjoni ta' prattiki tajbin u li xorta jipprovdi livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem.

(5)

Il-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), fl-4 ta' April 2006 adotta, fuq talba tal-Kummissjoni, opinjoni xjentifika aġġornata fir-rigward tal-okratossina A fl-ikel (5) u ħa inkonsiderazzjoni l-informazzjoni xjentifika ġdida u d-doża tollerabbli ta' kull ġimgħa (TWI) ta’ 120 ng/kg b.w. B’konformità mal-konklużjonijiet tal-opinjoni adottata mill-EFSA, il-bidliet maħsuba fir-rigward tal-Okratossina A f’dan ir-Regolament ikomplu jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni għaas-saħħa tal-bniedem.

(6)

L-EFSA, fuq talba mill-Kummissjoni, nhar it-18 ta’ Marzu 2010, adottat opinjoni xjentifika relatata mal-melamina fl-għalf u fl-ikel (6). Is-sejbiet tagħha juru li l-espożizzjoni għall-melamina tista’ tirriżulta fil-formazzjoni ta’ kristalli fil-passaġġ tal-urina. Dawn il-kristalli jikkawżaw ħsara tubulari prossimali u ġew osservati f'annimali u tfal b'riżultat ta' inċidenti li jinvolvu l-adulterazzjoni tal-għalf u tat-trab tat-trabi bil-melamina, li xi drabi wasslu għall-mewt. Il-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius stabbiliet il-livelli massimi għall-melamina fl-għalf u l-ikel (7). Huwa xieraq li jiġu inklużi dawk il-livelli massimi fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali billi dawk il-livelli huma f'konformità mal-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-EFSA.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet emendatorji

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 11, l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-Regolament ma japplikax għall-prodotti li kienu tqiegħdu fis-suq qabel id-dati li jissemmew fil-punti minn (a) sa (f) b’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli fid-data rispettiva:”

(b)

il-punti (e) u (f) li ġejjin huma miżjuda:

“(e)

l-01 ta’ Jannar 2012 fir-rigward tal-livelli massimi għall-PCBs li ma jixbħux lid-dijossini stipulati fit-taqsima 5 tal-Anness;

(f)

l-01 ta’ Jannar 2015 fir-rigward tal-livell massimu għall-Okratossina A fil-Capsicum spp. stipulat fil-punt 2.2.11. tal-Anness.”

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ għajr għad-dispożizzjonijiet stipulati fil-punt 2.2.11. tal-Anness li għandhom japplikaw mill-01 ta' Lulju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(3)  ĠU L 320, 3.12.2011, p. 18.

(4)  ĠU L 35, 6.2.2010, p. 7.

(5)  Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Scientific Opinion on Ochratoxin A in Food EFSA Journal 2006; 365:1-56. Jinstab fuq: http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/365.pdf

(6)  Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) u Bord tal-EFSA dwar il-Materjali ta' Kuntatt mal-Ikel, Enżimi, Ħwawar u għajnuniet għall-Ipproċessar (CEF); Opinjoni Xjentifika dwar il-Melamina fl-Ikel u l-Għalf. Il-Ġurnal tal-EFSA 2010; 8(4):1573. [145 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1573. Jinstab fuq: www.efsa.europa.eu

(7)  Report on the Thirty-Third Session of the Joint FAO/WHO Food Standards Programme, Codex Alimentarius Commission, Ġinevra, l-Isvizzera, 5-9 ta’ Lulju 2010 (ALINORM 10/33/REP).


ANNESS

L-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-Taqsima 2.2 Okratossina A hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 2.2.2. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.2.2.

Il-prodotti kollha dderivati miċ-ċereali mhux ipproċessati, inklużi l-prodotti taċ-ċereali pproċessati u ċ-ċereali maħsuba għall-konsum dirett mill-bniedem ħlief l-oġġetti tal-ikel elenkati fit-2.2.9, 2.2.10 u 2.2.13

3,0 ”

(b)

Il-punt 2.2.11. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.2.11.

Ħwawar, inklużi l-ħwawar imnixxfa

 

Piper spp (frott tiegħu, inkluż bżar abjad u iswed)

Myristica fragrans (noċemuskata)

Zingiber officinale (ġinġer)

Curcuma longa (żagħfran tal-Indja)

15  μg/kg

Capsicum spp (il-frott niexef tiegħu, sħiħ jew mitħun, jinkludi l-bżar aħmar jaħraq, it-trab tiegħu, il-kajenn u l-paprika)

30 μg/kg sal-31.12.2014

15 μg/kg mill-1.1.2015

Taħlitiet ta' ħwawar li fihom waħda mill-ħwawar imsemmija hawn fuq

15  μg/kg”

(c)

Il-punt 2.2.13 li ġej huwa miżjud wara l-punt 2.2.12:

“2.2.13.

Gluten tal-qamħ mhux mibjugħ direttament lill-konsumatur

8,0 ”

(2)

It-taqsima 7 li ġejja: Il-melamina u l-analogi strutturali tagħha huma miżjuda:

Taqsima 7:   Melamina u analogi strutturali tagħha

Oġġetti tal-ikel

Livelli massimi

(mg/kg)

7.1.

Melamina

 

7.1.1.

Ikel għajr il-formoli tat-tfal żgħar (infant formulae) u formoli ta' tfal żgħar li qed jitfarfru (follow-on formulae) (*)

2,5

7.1.2.

Formoli tat-tfal żgħar (infant formulae) u formoli ta' tfal żgħar li qed jitfarfru (follow-on formulae) f’għamla ta’ trab

1


(*)  Il-livell massimu ma japplikax għal ikel li għalih tista’ tingħata prova li l-livell ta’ melamina ogħla minn 2,5 mg/kg huwa l-konsegwenza ta’ użu awtorizzat tas-cyromazine bħala insettiċida. Il-livell ta’ melamina m’għandux jisboq il-livell ta’ cyromazine.”


Top