EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0521

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 521/2012 tad- 19 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1187/2009 dwar liċenzji tal-esportazzjoni għal ġobon li għandu jiġi esportat lejn l-Istati Uniti tal-Amerika skont ċerti kwoti tal-GATT

ĠU L 159, 20.6.2012, p. 26–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32020R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/521/oj

20.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/26


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 521/2012

tad-19 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1187/2009 dwar liċenzji tal-esportazzjoni għal ġobon li għandu jiġi esportat lejn l-Istati Uniti tal-Amerika skont ċerti kwoti tal-GATT

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 170 u 171(1), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1187/2009 tas-27 ta’ Novembru 2009 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-liċenzji tal-esportazzjoni u r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (2) tinkludi l-kundizzjonijiet għall-applikanti biex japplikaw għal-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti u l-proċedura ta’ allokazzjoni ta’ dawk il-liċenzji tal-esportazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-kwota.

(2)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 789/2011 tal-5 ta’ Awwissu 2011 li jiftaħ il-proċedura għall-allokazzjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni għall-ġobon li għandu jiġi esportat lejn l-Istati Uniti tal-Amerika fl-2012 skont ċerti kwoti tal-GATT (3), kien adottat għas-sena tal-kwota 2012.

(3)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, huwa xieraq li fit-Taqsima 2 tal-Kapitlu III tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 jiġi inkluż mekkaniżmu permanenti dwar il-ftuħ ta’ proċedura annwali għall-allokazzjoni ta’ liċenzji tal-esportazzjoni, minflok jiġi adottat Regolament separat kull sena.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1187/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1187/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Kapitolu III, it-Taqsima 2 tinbidel b’dan li ġej:

TAQSIMA 2

Esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti

Artikolu 21

Prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0406 għandhom ikunu suġġetti għal preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni skont din it-Taqsima meta jkunu esportati lejn l-Istati Uniti fil-kuntest tal-kwoti li ġejjin:

(a)

il-kwota addizzjonali skont il-Ftehim dwar l-Agrikoltura;

(b)

il-kwoti tariffarji li oriġinarjament jirriżultaw mill-Assemblea ta’ Tokjo u jingħataw lill-Awstrija, lill-Finlandja u lill-Isvezja mill-Istati Uniti fil-lista XX tal-Assemblea tal-Urugwaj;

(c)

il-kwoti tariffarji li oriġinarjament jirriżultaw mill-Assemblea tal-Urugwaj u jingħataw lir-Repubblika Ċeka, lill-Ungerija, lill-Polonja u lis-Slovakkja mill-Istati Uniti fil-lista XX tal-Assemblea tal-Urugwaj.

Artikolu 22

1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti mill-1 sal-10 ta’ Settembru tas-sena li tippreċedi s-sena tal-kwota u li għaliha jkunu allokati l-liċenzji tal-esportazzjoni. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jiġu ppreżentati fl-istess ħin lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed.

Il-kwoti tariffarji, imsemmija fl-Artikolu 21, jinfetħu fuq bażi annwali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

It-Taqsima 16 tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji u l-liċenzji għandha turi l-kodiċi tal-prodotti ta’ tmien ċifri tan-Nomenklatura Magħquda. Madankollu, il-liċenzji għandhom ikunu validi wkoll għal kwalunkwe kodiċi ieħor taħt il-kodiċi NM 0406.

L-applikazzjoni għal-liċenzja u l-liċenzja, fit-taqsima 20, għandu jkun fihom dan li ġej:

“Għall-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika:

 

Il-kwota għal … (sena) — it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009.

 

Identifikazzjoni tal-Kwota …”

2.   Għal kull kwota identifikata fil-kolonna (3) tal-Anness IIa, kull applikant jista’ jippreżenta applikazzjoni għal liċenzja waħda jew aktar sakemm il-kwantità totali li għaliha tkun saret applikazzjoni għal kull kwota ma taqbiżx il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 22a.

Għal dan il-għan, fejn, għall-istess grupp ta’ prodotti msemmija fil-kolonna (2) tal-Anness IIa, il-kwantità disponibbli fil-kolonna (4) tinqasam bejn il-kwotà tal-Assemblea tal-Urugwaj u l-kwota tal-Assemblea ta’ Tokjo, iż-żewġ kwoti jridu jitqiesu bħala żewġ kwoti separati.

3.   L-applikazzjonijiet huma suġġetti għall-preżentazzjoni ta’ garanzija skont l-Artikolu 9.

4.   L-applikanti għal-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jipprovdu evidenza li esportaw il-prodotti tal-kwota inkwistjoni lejn l-Istati Uniti matul, mill-inqas, sena waħda mit-tliet snin kalendarji preċedenti u li l-importatur innominat tagħhom huwa sussidjarju tal-applikant.

Il-prova ta’ kummerċ kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (*).

5.   L-applikanti għal-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jindikaw fl-applikazzjonijiet:

(a)

id-denominazzjoni tal-grupp tal-prodotti kopert mill-kwota tal-Istati Uniti skont in-Noti Addizzjonali 16 sa 23 u 25 fil-Kapitolu 4 tal-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti;

(b)

l-ismijiet tal-prodotti skont l-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-importatur fl-Istati Uniti nnominat mill-applikant.

6.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għandu jkollhom mehmuż magħhom dikjarazzjoni mill-importatur innominat li fiha jiddikjara li huwa eliġibbli skont ir-regoli fis-seħħ fl-Istati Uniti dwar il-kwistjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 21.

7.   L-applikazzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli biss jekk ikunu jirrispettaw il-limiti tal-kwantità massima, ikunu jinkludu l-informazzjoni kollha u jkunu akkumpanjati mid-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu.

8.   L-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandha tiġi preżentata skont il-mudell stipulat fl-Anness IIb.

Artikolu 22a

Fir-rigward tal-kwoti identifikati bħala 22-Tokjo, 22-Urugwaj, 25-Tokjo u 25-Urugwaj fil-kolonna (3) tal-Anness IIa, il-kwantità totali li għaliha tkun saret applikazzjoni għal kull applikant u għal kull kwota għandha tkopri mill-inqas 10 tunnellati u ma għandhiex taqbeż il-kwantità disponibbli taħt il-kwota kkonċernata stipulata fil-kolonna (4) ta’ dak l-Anness.

Fir-rigward tal-kwoti l-oħra indikati fil-kolonna (3) tal-Anness IIa, il-kwantità totali li għaliha tkun saret applikazzjoni għal kull applikant u għal kull kwota għandha tkopri mill-inqas 10 tunnellati u mhux iktar minn 40 % tal-kwantità disponibbli taħt il-kwota konċernata stipulata fil-kolonna (4) ta’ dak l-Anness.

Artikolu 22b

1.   Sat-18 ta’ Settembru, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet ippreżentati għal kull kwota identifikata fl-Anness IIa, jew li ma jkunux ġew ippreżentati applikazzjonijiet.

2.   Għal kull kwota, in-notifika għandha tinkludi:

(a)

lista tal-applikanti, isimhom, l-indirizz u n-numru ta’ referenza;

(b)

il-kwantitajiet li kull applikant ikun applika għalihom, imqassma skont il-kodiċi tal-prodott tan-Nomenklatura Magħquda u skont il-kodiċi tagħhom f’konformità mal-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti tal-Amerika;

(c)

l-isem, l-indirizz u n-numru ta’ referenza tal-importatur innominat mill-applikant.

Artikolu 23

1.   Fejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għal kwota msemmija fl-Artikolu 21 jaqbżu l-kwantità disponibbli għas-sena konċernata, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koeffiċjent ta’ allokazzjoni sal-31 ta’ Ottubru.

L-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent għandu jinġieb sal-eqreb kg.

Fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jiġu rrifjutati jew għal kwantitajiet li jaqbżu l-limitu tal-allokazzjoni, il-garanziji għandhom jiġu rrilaxxati sħaħ jew għandha tiġi rrilaxxata parti minnhom.

2.   Fejn ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni jkun li jiġu allokati kwantitajiet għal anqas minn 10 tunnellati għal kull kwota u kull applikant, il-kwantitajiet korrispondenti disponibbli għandhom jingħataw billi jittellgħu bix-xorti mill-Istat Membru konċernat, skont il-kwota. L-Istat Membru għandu jtella’ bix-xorti għal 10 tunnellati għal kull wieħed mill-applikanti li kienu se jiġu allokati anqas minn 10 tunnellati għal kull kwota b’riżultat tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni.

Il-kwantitajiet ta’ anqas minn 10 tunnellati li jibqgħu meta jiġu stabbiliti l-lottijiet għandhom jitqassmu ndaqs bejn il-lottijiet ta’ 10 tunnellati qabel ma jittellgħu bix-xorti.

Meta r-riżultat tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni jkun tali li titħalla kwantità ta’ anqas minn 10 tunnellati għal kull kwota, dik il-kwantità għandha titqies bħala lott uniku.

Il-garanzija, għall-applikazzjonijiet li fl-allokazzjoni ma jitilgħux bix-xorti, għandha tiġi rrilaxxata minnufih.

3.   L-Istati Membri konċernati bit-tlugħ bix-xorti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni, u għal kull kwota, bil-kwantitajiet allokati mill-applikant, bil-kodiċi tal-prodott, bin-numru ta’ referenza tal-applikant u n-numru ta’ referenza tal-importatur innominat.

Il-kwantitajiet allokati bix-xorti għandhom jitqassmu bejn il-kodiċi NM individwali fi proporzjon mal-kwantitajiet tal-prodotti bil-kodiċi NM li saret applikazzjoni għalihom.

4.   Fejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għall-kwoti msemmija fl-Artikolu 21 ma jaqbżux il-kwantità disponibbli għas-sena konċernata, il-Kummissjoni għandha talloka l-kwantitajiet li jifdal lill-applikanti b’mod li jkun proporzjonat għall-kwantitajiet li għalihom ikunu applikaw, billi jiġi ffissat koeffiċjent ta’ allokazzjoni. L-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent għandu jinġieb sal-eqreb kg.

F’dak il-każ, l-operaturi għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat dwar il-kwantità supplementari li huma jaċċettaw, fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni. Il-garanzija preżentata għandha tiżdied skont dan.

Artikolu 24

1.   L-ismijiet tal-importaturi nnominati msemmija fl-Artikolu 22(5)(c) u l-kwantitajiet allokati għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.

2.   Fil-każ li ma tiġix allokata liċenzja tal-importazzjoni għall-kwantitajiet konċernati lill-importatur innominat, f’ċirkostanzi li ma jixħtu l-ebda dubju fuq ir-rieda tajba tal-operatur li jissottometti d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(6), l-operatur jista’ jiġi awtorizzat mill-Istat Membru li jinnomina importatur ieħor sakemm dan tal-aħħar ikun jidher fuq il-lista kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Uniti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun bil-bidla fl-importatur innominat u l-Kummissjoni għandha tinnotifika din il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.

Artikolu 25

1.   Il-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jinħarġu sal-15 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena tal-kwota għall-kwantitajiet li għalihom jkunu ġew allokati l-liċenzji.

Il-liċenzji għandhom ikunu validi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena tal-kwota.’

It-Taqsima 20 tal-liċenzji għandha tinkludi dan li ġej:

‘valida mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ......... (sena).’

2.   Il-garanziji għal-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jiġu rilaxxati meta tiġi ppreżentata l-prova msemmija fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 flimkien mad-dokument tat-trasport imsemmi fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 612/2009 fejn l-Istati Uniti tal-Amerika jitniżżel bħala d-destinazzjoni.

3.   Il-liċenzji li jinħarġu skont dan l-Artikolu għandhom ikunu validi biss għall-esportazzjonijiet tal-prodotti fil-kuntest tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 21.

Artikolu 26

Il-Kapitolu II għandu japplika, għajr l-Artikoli 7 u 10.

(*)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.”"

(2)

L-Annessi II u IIb, li t-test tagħhom jinsab fl-Anness għal dan r-Regolament, għandhom jiġu inklużi.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal-liċenzji tal-esportazzjoni mitluba b’applikazzjoni mill-1 ta’ Settembru 2012 għal prodotti li għandhom jiġu esportati fis-sena tal-kwota 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 318, 4.12.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 203, 6.8.2011, p. 26.


ANNESS

ANNESS IIa

Identifikazzjoni tal-grupp skont in-Noti Addizzjonali mogħtija fil-Kapitolu 4 tal-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati tal-Istati Uniti tal-Amerika

Identifikazzjoni tal-Kwota

Kwantità annwali disponibbli

Kg

Numru tal-Grupp

Deskrizzjoni tal-grupp

(1)

(2)

(3)

(4)

16

Not specifically provided for (NSPF)

16-Tokyo

908 877

16-Uruguay

3 446 000

17

Blue Mould

17-Uruguay

350 000

18

Cheddar

18-Uruguay

1 050 000

20

Edam/Gouda

20-Uruguay

1 100 000

21

Italian type

21-Uruguay

2 025 000

22

Swiss or Emmenthaler cheese other than with eye formation

22-Tokyo

393 006

22-Uruguay

380 000

25

Swiss or Emmenthaler cheese with eye formation

25-Tokyo

4 003 172

25-Uruguay

2 420 000

ANNESS IIb

Preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22

Identifikazzjoni tal-kwota msemmija fil-kolonna (3) tal-Anness IIa

Isem tal-grupp imsemmi fil-kolonna (2) tal-Anness IIa

Oriġini tal-kwota

L-Assemblea tal-Urugwaj 

L-Assemblea ta’ Tokjo 


Isem/indirizz tal-applikant

Kodiċi tal-prodott mogħti fin-Nomenklatura Magħquda

Kwantità li saret applikazzjoni għaliha f’kg

Kodiċi mogħti fl-Iskeda tat-Tariffi Armonizzati

tal-Istati Uniti tal-Amerika

Isem/indirizz tal-importatur innominat

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Total:

 

 

 


Top