Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0482

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 482/2012 tas- 7 ta’ Ġunju 2012 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Tettnanger Hopfen (IĠP)]

ĠU L 148, 8.6.2012, pp. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/482/oj

8.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 482/2012

tas-7 ta’ Ġunju 2012

li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Tettnanger Hopfen (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Ġermanja għall-approvazzjoni tal-emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Tettnanger Hopfen”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2010 (2).

(2)

L-applikazzjoni għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjoni. Għal raġunijiet ekonomiċi, għandhom ikunu awtorizzati sistemi ġodda ta’ rfid. Iż-żmien taż-żbir għandu jkun aġġustat b’mod li jippermetti l-adattament aħjar għal kundizzjonijiet meteoroloġiċi dejjem anqas favorevoli. L-użu ta’ erbiċidi flimkien mas-sistemi l-ġodda ta’ rfid għandu jkun awtorizzat sabiex tiżdied il-kwantità ta’ ilma disponibbli għall-pjanti tal-ħops. It-temperatura massima għat-tnixxif għandha tiżdied għal 65 °C u dan minħabba tagħrif xjentifiku ġdid.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-istess Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Tettnanger Hopfen” hija b’dan emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Dokument Uniku li jinkludi l-elementi ewlenin ta’ din l-ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)   ĠU L 119, 13.5.2010, p. 5.


ANNESS I

Fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Tettnanger Hopfen”, ġiet approvata l-emenda li ġejja:

Metodu ta’ produzzjoni:

(1)

Is-sentenzi 4, 5 u 6 li ġejjin għandhom jitħassru:

F’Tettnang, il-kultivaturi tal-ħops jibdew ix-xeblik biss fir-rebbiegħa, mhux bħal bdiewa f’reġjuni oħra fejn dan jagħmluh fix-xitwa. Dan minħabba s-sistema ta’ rfid speċifika għar-reġjun. Filwaqt li f’żoni oħra ta’ kultivazzjoni tiddomina s-sistema ta’ ringiela waħda, f’Tettnang jiġu ggruppjati sitt ringieli ta’ ħops (“Fach”) għal kull mogħdija għall-makkinarju.

Spjegazzjoni: is-sistemi ġodda (differenti) ta’ rfid qed jiġu introdotti għal raġunijiet ekonomiċi, minħabba li dawn, b’mod partikolari, jiffaċilitaw l-użu tal-makkinarju.

(2)

Fis-seba’ sentenza, il-kliem “qabel nofs April” huma sostitwiti bil-kliem “mill-bidu ta’ Marzu sa’ nofs April”.

Spjegazzjoni: L-estensjoni tal-perjodu ta’ żbir tippermetti l-adattament aħjar għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi dejjem anqas favorevoli minħabba t-tibdil fil-klima u tippermetti wkoll li r-riżorsi umani jintużaw bl-aħjar mod.

(3)

Is-sittax u s-sbatax-il sentenza li ġejjin għandhom jitħassru:

Karatteristika partikolari hija li waqt il-fażi taż-żahar, jinżera wiċċ tar-raba’ għall-għalf (għall-kuntrarju ta’ kif isir f’reġjuni oħrajn il-kultivaturi tal-ħops ta’ Tettnang ftiehmu bejniethom volontarjament li ma jużawx erbiċidi), li jfisser li minn hemm ’il quddiem ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-art terġa tinħadem. Dan jevita li l-ħamrija ssir kompatta wisq jew tinfaqa’ bl-ilma, u fl-istess ħin jiffavorixxi l-formazzjoni tal-ħumus.

Spjegazzjoni: jista’ jkun li sistemi ġodda ta’ rfid ikunu jeħtieġu l-użu ta’ erbiċidi. Dan jiġri biss fil-każijiet, relattivament rari, fejn jikber ħafna ħaxix ħażin u huwa meħtieġ sabiex jiżdied l-ilma disponibbli għall-pjanti tal-ħops. Għalhekk dan ma għandux iwassal għal effetti negattivi fuq il-ħops infushom.

(4)

Fis-sentenza 20, “62 °C” għandha tinbidel b’ “65 °C”.

Spjegazzjoni: jista’ jagħti l-każ li tagħrif xjentifiku ġdid iwassal għall-ħtieġa li t-temperatura massima għat-tnixxif tal-ħops tlaħħaq il-65 °C. Iż-żieda fit-temperatura massima ta’ tnixxif taqbel mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt għall-forniment tal-ħops; it-tabella dwar il-kwalità tal-ħops Ġermaniż tippreċiża li l-ħops mhux ipproċessat għandu jkun imnixxef f’temperatura ta’ bejn 60 u 65 °C. Minbarra dan, it-tnixxif f’temperatura ogħla jtejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Din l-operazzjoni ma tħallix effetti negattivi fuq l-aroma fina tal-ħops.


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

“TETTNANGER HOPFEN”

Nru tal-KE: DE-PGI-0105-0528-3.11.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Tettnanger Hopfen”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8:

Prodotti oħra f’Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’1

Il-Botanika: il-ħops (humulus lupulus) huwa kklassifikat fl-ordni tal-ħurrieq (urticales) u fil-familja tal-qanneb (cannabaceae). Il-ħops għandu l-organi maskili u l-organi femminili fuq pjanti separati, u għalhekk kull xitla tal-ħops ikollha esklużivament żahar femminili jew maskili. Jiġu kkultivati biss il-pjanti femminili, li miż-żahar tagħhom jiżviluppaw il-koni. Il-protezzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 għandha tkopri biss il-koni tal-ħops femminili (ħops naturali) u l-prodotti li jidderivaw mill-ipproċessar tagħhom, f’dan il-każ speċjalment il-pellets u l-estratt tal-ħops. Il-koni tal-ħops jikkonsistu minn brakti, braktjoli u magħżeb; li lkoll jipprovdu l-ingredjenti tat-“Tettnanger Hopfen” u li huma ta’ valur għall-produzzjoni tal-birra. Ix-xitla tal-ħops hija waħda tal-jiem qosra, jiġifieri x-xitla tikber u tinfirex fiż-żmien li matulu l-jiem jitwalu, filwaqt li ż-żahar jifforma minn madwar il-21 ta’ Ġunju, meta l-jiem jerġgħu jibdew jiqsaru. It-“Tettnanger Hopfen”, minħabba fatturi favorevoli tal-qagħda tiegħu, (il-kwalità tal-art, il-kwantità tax-xita u t-temperatura medja), jista’ jilħaq sa 8,30 m (ix-xeblik fiż-żoni ta’ kultivazzjoni l-oħra normalment jilħaq għoli ta’ bejn 7-7,50 m). Jikber malajr (sa 30 cm kuljum), u jobrom lejn il-lemin. Il-varjetajiet aromatiċi kollha fiż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang iġibu l-isem ta’ “Tettnanger Hopfen”. Minbarra l-varjetajiet prinċipali magħrufa bl-isem ta’ Tettnanger (mill-1973, id-denominazzjoni unika “Tettnanger Frühhopfen”; ara P. Heidtmann, Grünes Gold, 1994, p. 342) u “Hallertauer Mittelfrüher”, jitkabbru wkoll il-varjetajiet “Hallertauer Tradition” u “Perle”. Il-varjetà Tettnanger titkabbar biss fiż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang.

L-użu: it-“Tettnanger Hopfen” jaqdi kważi esklużivament (madwar 99 %) il-produzzjoni tal-birra (parti ċkejkna taqdi ħtiġijiet tal-farmaċewtika). Fil-parti l-kbira tiegħu t-“Tettnanger Hopfen” jasal għand l-utent fil-forma pproċessata ta’ pellets tal-ħops; u, fi proporzjon anqas fil-forma ta’ estratt tal-ħops, għaliex xi elementi aromatiċi tat-Tettnanger Hopfen jistgħu jintilfu fl-estrazzjoni.

Il-komponenti: Is-sustanzi li jipprovdi lill-ħops bil-valur tiegħu huma dawk qarsa (reżini), aromatiċi (żjut essenzjali) u t-tannini (polifenoli). Tettnang fil-fatt huwa definit bħala żona ta’ tkabbir ta’ ħops tat-tip aromatiku.

It-“Tettnanger Hopfen” jaf il-fama dinjija tiegħu, b’mod speċjali, għas-sustanzi aromatiċi fini ħafna, ikkostitwiti minn aktar minn 300 komponent ta’ żjut essenzjali (li ġejjin mill-fjura tal-ħops). Id-deskrizzjonijiet tal-aroma tat-“Tettnanger Hopfen” tipikament jinkludu referenzi varji għall-fjuri, iċ-ċitru, il-frott, iċ-ċawsli, il-ħlewwa u t-togħma mħawra. Għall-ħops taż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang, l-“aroma komprensiva” tkun deskritta bħala “armonjuża, moderata u li ddum”.

Minbarra din il-klassifikazzjoni, fil-kummerċ tal-ħops uffiċjalment isiru distinzjonijiet skont il-komponenti “l-iprem aroma, aromatiku, ħops morr, ħops ta’ kwalitá alfa għolja”. Mit-“Tettnanger Hopfen”, 96 % (il-varjetajiet Tettnanger u Hallertauer) jaqgħu fil-klassi “l-iprem aroma”, filwaqt li l-4 % l-oħra (il-varjetajiet “Perle” u “Hallertauer Tradition”) huma kklassifikati bħala “aromatiċi”. Minħabba li ħafna minn fost it-300 komponent aromatiku għadhom jaħarbu kull klassifikazzjoni sensorjali, hija l-impressjoni aromatika soġġettiva li tgħodd għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-birreriji u għax-xerrejja (meta jixtri, ix-xerrej ixomm il-ħops). L-esperti fil-qasam jgħidu li t-“Tettnanger Hopfen” huwa l-aħjar fost il-ħops kollha.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata

Il-proċess kollu tal-produzzjoni tal-ħops sakemm il-koni tal-ħops jiġu ppakkajti, issiġġillati u ċċertifikati fiċ-ċentru lokali ta’ ssiġġilar, iseħħ fiż-żona ġeografika definita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, għat-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika kkonċernata tikkorrispondi għaż-żona ta’ Tettnang. Din tinkludi:

1.

fid-distrett (Landkreis) tal-Bodensee, il-lokalitajiet Eriskirch, Friedrichshafen, Hagnau am Bodensee, Immenstaad am Bodensee, Kressbronn am Bodensee, Langenargen, Markdorf, Meckenbeuren, Neukirch, Oberteuringen u Tettnang;

2.

fid-distrett ta’ Ravensburg, il-lokalitajiet Achberg, Amtzell, Berg, Bodnegg, Grünkraut, Ravensburg, Wangen im Allgäu (iż-żona tal-lokalitajiet ta’ dari Neuravensburg u Schomburg);

3.

fid-distrett (Landkreis) Lindau (Bodensee), il-lokalitajiet Bodolz, Lindau (Bodensee), Nonnenhorn u Wasserburg (Bodensee).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-kultivazzjoni tal-ħops fiż-żona ta’ Tettnang tissemma uffiċjalment għall-ewwel darba fl-1150 (ara P. Heidtmann, Grünes Gold, 1994, p. 12). Fir-reġistri tat-tismija antika ta’ Oberamt Tettnang jissemmew 14-il birrerija fl-1838 (ara Memminger, “Beschreibung des Oberamts Tettnang”, 1838, p. 62), li tlieta minnhom kienu biex jaqdu l-belt. Tliet snin wara, fl-1841, l-għadd ta’ dawn tal-aħħar kien diġà tela’ għal sitta (P. Heidtmann, Grünes Gold, 1994, p. 13). Il-proprjetarji kienu jkabbru l-ħops tagħhom huma stess. Il-kultivazzjoni ppjanata tal-ħops ġiet introdotta fl-1844 mit-tabib distrettwali Johann Nepomuk von Lentz u tmien ċittadini tal-belt, f’żona fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi ma kinux favorevoli għall-kultivazzjoni tad-dwieli tal-inbid (ara P. Heidtmann, Grünes Gold, 1994, p. 15). Mill-1860 bdiet isseħħ estensjoni tal-erjas kkultivati b’mod li dawn ingħaqdu mar-reġjun ta’ Althausen, fit-Tramuntana, fejn kienet ilha diġà ssir kultivazzjoni (il-ħops kien ilu jitkabbar minn madwar is-sena 1821; ara P. Heidtmann, Grünes Gold, 1994, p. 14). (Fl-1864 ġew ikkultivati 91 ettaru, 160 ettaru fl-1866, 400 ettaru fl-1875 u 630 ettaru fl-1914; P. Heidtmann, Grünes Gold, 1994, p. 22 et seq). Kien tul is-snin disgħin li seħħet l-akbar estensjoni taż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang, fejn l-erja kibret għal 1 650 ettaru (UE — Rapport dwar is-Suq tal-Ħops, 1997 [rapport tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħops, 1997], HVG-Bericht 1997). Fiż-żona ta’ Tettnang dejjem intgħażlu u tkabbru biss ħops aromatiċi.

Il-ħops ta’ Tettnang jitkabbru biss fil-ħamrija ramlija tas-saffi t’isfel tal-moraine tal-aħħar żmien tal-glaċjazzjoni Wurm fil-baċir ta’ Schussen, tul ix-xmara Argen u l-ġnub tagħha fi Żmien is-Silġ. Din il-formazzjoni ġeoloġika bi flussi tal-ilma fil-fond lill-ħops tippermettilhom ixenxlu għeruq fondi (sa 2 metri). Fl-istess waqt dan jiggarantixxi provvista ma taqta’ xejn ta’ ilma, anki fi żminijiet ta’ nixfa estrema. Il-klima moderata ta’ din iż-żona f’għoli bejn 400 u 600 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, influwenzata mill-Bodensee, hija fattur addizzjonali u essenzjali biex il-ħops ikollu aroma partikolari.

It-“Tettnanger Hopfen” hawnhekk isib kundizzjonijiet klimatiċi uniċi (temperatura medja matul is-sena, temp xemxi u kwantità ta’ xita). Fil-fatt, il-valuri medji matul dawn l-aħħar tletin sena (il-qagħda fl-2009) b’temperatura ta’ 9,4 °C, 1 800 siegħa xemx u 1 136 mm xita, huma wisq aktar mill-medja għaż-żoni l-oħra tal-kultivazzjoni tal-ħops.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-varjetajiet aromatiċi kollha taż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang iġibu l-isem ta’ “Tettnanger Hopfen”. Minbarra l-varjetajiet prinċipali magħrufa bl-isem ta’ “Tettnanger” u “Hallertauer Mittelfrüher”, jitkabbru wkoll il-varjetajiet “Hallertauer Tradition” u “Perle”. Il-varjetà “Tettnanger” titkabbar biss fiż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang.

It-“Tettnanger Hopfen” fih sustanzi aromatiċi fini ħafna, magħmula minn aktar minn 300 komponent ta’ żjut essenzjali (li ġejjin mill-fjura tal-ħops). Id-deskrizzjonijiet tal-aroma tat-“Tettnanger Hopfen” tipikament jinkludu referenzi varji għall-fjuri, iċ-ċitru, il-frott, iċ-ċawsli, il-ħlewwa u t-togħma mħawra. Għall-ħops taż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang, l-aroma tkun ġeneralment deskritta bħala “armonjuża, moderata u li ddum”.

Skont il-kategoriji kummerċjali tal-ħops, mit-“Tettnanger Hopfen”, 96 % (il-varjetajiet Tettnanger u Hallertauer) jaqgħu fil-klassi “l-iprem aroma”, filwaqt li l-4 % l-oħra (il-varjetajiet “Perle” u “Hallertauer Tradition”) huma kklassifikati bħala “aromatiċi”.

Il-ħops “Tettnanger Hopfen” huwa kkaratterizzat ukoll minn livell għoli ta’ omoġeneità.

Dan huwa pprovat mill-analiżi annwali dwar il-karatteristiċi kwalitattivi esterni tal-lottijiet ta’ ħops li jitwettqu fil-laboratorji speċjalizzati ta’ Tettnang.

Dawn il-konklużjonijiet ġew ukoll ikkonfermati mill-Università ta’ Hohenheim fir-rigward tal-varjetà Tettnang u mill-Birrerija Anheuser/Busch fir-rigward tal-varjetà “Hallertauer Mittelfrüher”.

Il-fama tat-“Tettnanger Hopfen” xterdet lil hinn sewwa mill-konfini tar-reġjun. L-aroma mill-ifjen tat-Tettnanger Hopfen, minn din il-belt ċkejkna ta’ Tettnang, għandha ammiraturi kemm fl-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll fil-Ġappun. Eżempju tal-livell ta’ apprezzament huwa meta produttur tal-birra fl-Istati Uniti jispeċifika fuq it-tikketta “brewed with Tettnang Hops”, xi ħaġa li spiss issir. It-“Tettnanger Hopfen”, minħabba l-kwalità għolja tiegħu, dejjem iġib l-ogħla prezzijiet tal-bejgħ (Rapporti annwali tal-Kummissjoni Ewropea għad-deċennju tal-1990, mill-1990 sal-2000 tal-Bayerische Landesanstalt; P. Heidtmann, Grünes Gold, 1994, p. 368-369). Il-ħajja kollha kemm hi tal-abitanti tal-belt ta’ Tettnang hija ddeterminata mill-ħops. Dan jixhduh l-istrutturi u l-avvennimenti reġjonali bit-tema tat-Tettnanger Hopfen. Pereżempju, il-Mużew tat-Tettnanger Hopfen ilu mill-ftuħ tiegħu fl-1995 jesponi l-faxxinu kollu tal-kultivazzjoni tal-ħops. Tul mogħdija pedagoġika ta’ 4 kilometri ta’ erja fejn jitkabber il-ħops, il-viżitatur interessat jista’ jikseb it-tagħrif kollu li jkun irid dwar it-“Tettnanger Hopfen”. Hemm ukoll dawra għaċ-ċiklisti twila 42 kilometru, l-hekk imsejħa “Tettnanger Hopfenschlaufe”, li tgħaddi lil dak li jkun miż-żona ta’ kultivazzjoni ta’ Tettnang. Ir-residenti jiċċelebraw it-tradizzjoni twila tad-“deheb aħdar” tagħhom kull sena fil-festa tal-ħops f’Tettnang-Kau, li ssir f’Awwissu ftit qabel il-ħsad. Fl-aħħar nett, kull sentejn jintgħażlu Reġina u żewġ Prinċipessi tal-Ħops, bħala ambaxxaturi li jirrappreżentaw lit-“Tettnanger Hopfen” fil-livelli reġjonali u internazzjonali.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)

L-effetti konġunti tal-kundizzjonijiet ġeoloġiċi u dawk klimatiċi jikkawżaw livelli ottimi għat-tkabbir u l-formazzjoni tal-koni tat-“Tettnanger Hopfen”, u b’hekk l-omoġeneità tiegħu, fil-parti l-kbira tagħha, hija ikkundizzjonata mill-ġeografija. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-ħamrija fiż-żona ġeografika definita u l-klima moderata, influwenzata mill-Bodensee, għandhom rwol ewlieni fid-determinazzjoni tal-aroma partikolarment fina tat-“Tettnanger Hopfen”. Huwa speċjalment minħabba din l-aroma li l-ħops “Tettnanger Hopfen” għandu fama internazzjonali. It-tradizzjoni twila ta’ kultivazzjoni tal-ħops fir-reġjun ta’ Tettnang tfisser ukoll li l-popolazzjoni lokali tidentifika ruħha b’mod qawwi mat-“Tettnanger Hopfen”, u tagħmlu parti integrali mill-ħajja kulturali tagħha.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

It-taqsima 7a-bb tal-Volum 33 tal-“Markenblatt” tal-20.8.2010, p. 14729

http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/19450


Top