Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0293

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2012 tat- 3 ta’ April 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 98, 4.4.2012, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2021; Imħassar b' 32021R0392

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/293/oj

    4.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 98/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 293/2012

    tat-3 ta’ April 2012

    dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment [prestazzjoni] fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 8(9) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    B’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, kull sena, l-Istati Membri jridu jirreġistraw u jittrasmettu ċerta dejta lill-Kummissjoni dwar vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fit-territorju tagħhom fis-sena preċedenti. Billi dik id-dejta għandha sservi ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-mira speċifika tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-manifatturi ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u sabiex jiġi vvalutat jekk il-manifatturi jikkonformawx jew le ma’ dawk il-miri, huwa meħtieġ li r-regoli dwar il-ġbir u r-rapportar ta’ dik id-dejta jiġu armonizzati.

    (2)

    Biex, fil-futur, il-vetturi tal-kategoriji M2 u N2 ikunu jistgħu jiġu inklużi fir-Regolament (UE) Nru 510/2011 skont l-Artikolu 13(2) tal-istess Regolament, id-dejta għal dawk il-kategoriji għandha tiġi rreġistrata u trasmessa lill-Kummissjoni.

    (3)

    Sabiex issir valutazzjoni sħiħa dwar jekk kull manifattur jikkonformax jew le mal-mira speċifika tal-emissjonijiet ta’ CO2, stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011, u sabiex tinkiseb l-esperjenza meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni teħtieġ dejta dettaljata f’livell ta’ manifattur għal kull serje ta’ vettura definita skont it-tip, varjant u verżjoni. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li dejta bħal din tiġi rreġistrata u trasmessa lill-Kummissjoni flimkien mad-dejta aggregata skont l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament.

    (4)

    Skont l-Artikoli 18 u 26 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (2), manifattur għandu jiżgura li kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida li tinħareġ fis-suq fl-UE tkun akkumpanjata minn ċertifikat validu ta' konformità u Stat Membru ma jistax jirreġistra t-tali vettura jekk din ma jkollhiex dan iċ-ċertifikat ta' konformità. Għalhekk, iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jkun is-sors ewlieni tal-informazzjoni li l-Istati Membri jeħtieġilhom jirreġistraw, li jqiegħeduha wkoll għad-dispożizzjoni tal-manifatturi skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 u li tiġi rrapportata lill-Kumissjoni. F’ċerti każijiet ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll informazzjoni minn sorsi oħra, differenti miċ-ċertifikat ta’ konformità, sakemm il-preċiżjoni ta’ dawk is-sorsi tkun ekwivalenti għaċ-ċertifikat tal-konformità u, fejn meħtieġ, sakemm l-Istati Membri kkonċernati jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jiżguraw il-preċiżjoni.

    (5)

    Id-dejta dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda għandha tkun preċiża u għandha tiġi pproċessata b’mod effettiv sabiex tiġi stabbilita l-mira speċifika tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011. Għalhekk, il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata dwar l-ismijiet tal-manifatturi li jintużaw fuq iċ-ċertifikati ta’ konformità fid-diversi Stati Membri li fihom issir ir-reġistrazzjoni. Permezz ta' dik l-informazzjoni l-Kummissjoni tkun tista' tipprovdi lill-Istati Membri l-lista aġġornata tal-ismijiet tal-manifatturi magħżula li għandha tintuża għall-għan ta' rapportar tad-dejta.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jirrapportaw informazzjoni dwar vetturi li jkun għadhom kif ġew irreġistrati u li jkunu ddisinjati li jużaw fjuwils alternattivi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa li tinkludi l-proporzjon tal-pompi tal-fjuwil fit-territorju tagħhom u, fejn applikabbli, l-għadd totali ta' dawk li jipprovdu l-fjuwil etanol (E85) li jissodisfaw l-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2009/28/KE tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (3), u fl-Artikolu 7b tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 98/70/KE tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/12/KEE (4), sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tqis it-tnaqqis għall-mira speċifika tal-emissjonijiet minħabba l-użu tal-fjuwil tal-etanol (E85) skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011.

    (7)

    Sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni bla bżonn tad-dejta, l-informazzjoni dwar l-għadd tal-pompi tal-fjuwil fit-territorju rispettiv tal-Istati Membri li jipprovdu l-fjuwil etanol (E85) li tingħata skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 tal-10 ta’ Novembru 2010 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandha tintuża għall-fini tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011.

    (8)

    L-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2007/46/KE jipprovdu għal proċedura tal-approvazzjoni simplifikata li għaliha mhux meħtieġ li jinħareġ ċertifikat ta' konformità Ewropew. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-għadd ta' vetturi reġistrati skont dawk il-proċeduri sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq il-proċess ta' monitoraġġ u fuq l-ilħiq tal-mira medja tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-UE għall-flotta ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-ġbir u r-rapportar ta’ dejta dwar ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi:

    (a)

    vetturi kummerċjali ħfief kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011;

    (b)

    vetturi tal-kategoriji M2 u N2 kif imsemmija fl-Artikolu 8(10) ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 kif ukoll id-definizzjonijiet ta’ “vettura li tieħu żewġ gassijiet tal-fjuwil” u ta’ “vettura flex fuel li tieħu l-etanol” stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (6). Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip” tfisser id-dokumenti li jinkludu dejta speċifikata fit-tielet kolonna tat-tabella stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament;

    (2)

    “dejta ta’ monitoraġġ aggregata” tfisser id-dejta aggregata speċifikata fit-Taqsima 1 tal-Parti C tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 510/2011;

    (3)

    “dejta ta’ monitoraġġ dettaljata” tfisser id-dejta dettaljata speċifikata fit-Taqsima 2 tal-Parti C tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 510/2011 li hija disaggregata skont il-manifattur u s-serje tal-vettura kif definit mit-tip, varjant u verżjoni.

    Artikolu 3

    It-trasmissjoni tad-dejta

    Id-dejta ta’ monitoraġġ aggregata flimkien mad-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata għandhom jiġu trasmessi mill-Istat Membru permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-dejta għar-Repożitorju Ċentrali tad-Dejta ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni meta d-dejta tiġi trasmessa.

    Artikolu 4

    Sorsi ta' dejta

    1.   L-Istati Membri għandhom iħejju d-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u d-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata skont l-informazzjoni li tidher fiċ-ċertifikat ta’ konformità jew fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-vettura kummerċjali ħafifa rilevanti kif speċifikat fit-tabella fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    2.   Il-parametru “għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda” fid-dejta ta' monitoraġġ dettaljata għandu jiġi determinat mill-għadd totali ta’ rekords tar-reġistrazzjoni li jinħolqu kull sena u li jkunu rilevanti għal kull vettura waħda.

    3.   Il-parametru “kategorija tal-vettura reġistrata” fid-dejta ta' monitoraġġ dettaljata għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura fil-ħin tar-reġistrazzjoni.

    4.   Meta jkun hemm iktar minn isem ta’ manifattur wieħed fuq iċ-ċertifikat ta’ konformità jew fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, l-Istat Membru għandu jirrapporta lill-manifattur dwar il-vettura bażi.

    5.   Il-valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 li għandhom jiġu rrapportati skont il-parametru “emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2” fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata għandhom jittieħdu mill-entrata “ikkombinat” fiċ-ċertifikat ta’ konformità jew fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, ħlief fil-każ fejn tapplika l-entrata għal “ippeżat (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) u kkombinat”.

    6.   Fir-rapportar dwar vetturi bi fjuwil alternattiv fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi t-tip u l-modalità tal-fjuwil kif speċifikat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    7.   Fil-każ ta’ vetturi li jieħdu żewġ fjuwils jew vettura flex fuel li tieħu l-etanol l-awtorità kompetenti għandha tirrapporta l-valuri tal-emmissjonijiet ta’ CO2 li ġejjin taħt il-parametru “emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 (g/km)” fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata:

    (a)

    għal vetturi li jieħdu żewġ gassijiet ta’ fjuwil li jużaw il-petrol u fjuwils gassużi, il-valur tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-gass tal-petroleum likwifikat (LPG) jew għall-gass naturali (NG) skont il-punt 2 fil-Parti A tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 510/2011;

    (b)

    għal vetturi flex fuel li jieħdu l-etanol li jużaw petrol u fjuwil tal-etanol (E85) imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 510/2011, il-valur tal-emissjoni ta’ CO2 għall-petrol.

    Fil-każ tal-punt (b), l-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-valur tal-petrol, anke meta l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 ma jiġux issodisfati. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrapportaw ukoll il-valur E85.

    8.   Fejn il-vettura jkollha aktar minn fus direzzjonali wieħed jew aktar minn fus mhux direzzjonali wieħed bil-wisa’ ta’ bejn il-fusien differenti, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-wisa’ massimu tal-fus taħt il-parametru “Il-wisa’ ta’ bejn ir-roti ta’ fusien ta’ tip differenti (mm)” fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata. Id-distanza ta’ bejn il-fusien għal dawn il-vetturi għandha tkun id-distanza bejn il-fus estern ta’ quddiem u l-fus estern ta’ wara.

    9.   Meta d-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u d-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata jittieħdu mid-dokumentazzjini tal-approvazzjoni tat-tip, u meta dik id-dejta tinkludi firxiet ta’ valuri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta rrapportata tipprovdi l-preċiżjoni adegwata, u li tkun konformi mad-dejta li tinsab fiċ-ċertifikat ta’ konformità.

    Artikolu 5

    Żamma u kontroll tad-dejta

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw iż-żamma, il-ġbir, il-kontroll, il-verifika u t-trasmissjoni tad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u tad-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata.

    Artikolu 6

    Preparazzjoni tad-dejta mill-Istati Membri

    Id-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata għandha tiġi rrapportata bil-preċiżjoni stabbilita fl-Anness II.

    Artikolu 7

    Rapportar tal-pompi tal-fjuwil li jfornu l-fjuwil tal-etanol (E85)

    Għall-fini tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, għandha tintuża l-informazzjoni rrapportata skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1014/2010.

    Artikolu 8

    Vetturi li mhumiex koperti mill-approvazzjoni tat-tip KE

    1.   Meta l-vetturi kummerċjali ħfief ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ serje żgħira skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva Nru 2007/46/KE jew għal approvazzjonijiet individwali skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd rispettiv ta’ dawn il-karozzi rreġistrat fit-territorju tagħhom.

    2.   Fil-proċess tal-ġbir tad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata l-awtorità kompetenti għandha tindika wieħed minn dawn, minflok l-isem tal-manifattur:

    (a)

    "AA-IVA" għar-rapportar ta' tipi ta' vetturi approvati individwalment;

    (b)

    “AA-NSS” għar-rapportar ta’ tipi ta’ vetturi approvati f’serje żgħira b’mod nazzjonali.

    L-Istati Membri jistgħu jiġbru wkoll id-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata minn dawn il-vetturi, u f’dak il-każ għandhom jużaw id-denominazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

    Artikolu 9

    Lista tal-manifatturi

    1.   Il-manifatturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien u mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2012 bl-ismijiet li huma jindikaw jew li jkollhom l-intenzjoni jindikaw fuq iċ-ċertifikati ta’ konformità. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe tibdil f’dik l-informazzjoni. Il-manifatturi ġodda li jidħlu fis-suq għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar l-ismijiet li jindikaw jew li jkollhom l-intenzjoni jindikaw fuq iċ-ċertifikati ta’ konformità.

    2.   Fil-ġbir tad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u tad-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata, l-awtorità kompetenti għandha tuża l-ismijiet tal-manifatturi meħudin mil-lista li għandha tiġi mfassla mill-Kummissjoni abbażi tal-ismijiet notifikati skont il-paragrafu 1. Din il-lista għanda tiġi ppubblikata fuq l-Internet għall-ewwel darba fl-1 ta’ Settembru 2012 u għandha tiġi aġġornata regolarment.

    3.   Fil-każ li l-isem tal-manifattur ma jkunx inkluż f'dik il-lista, l-awtorità kompetenti għandha tuża l-isem ta' fuq iċ-ċertifikat ta' konformità jew tad-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip sabiex id-dejta ta' monitoraġġ aggregata u d-dejta ta' monitoraġġ dettaljata jkunu jistgħu jinġabru.

    Artikolu 10

    Informazzjoni addizzjonali li trid tingħata mill-manifatturi

    1.   Għall-fini tan-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2012, il-manifatturi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-isem u l-indirizz rilevanti tal-persuna ta’ kuntatt li lilha trid tiġi indirizzata n-notifika.

    Il-manifattur għandu jinforma lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe tibdil fid-dejta pprovduta. Manifatturi ġodda li jidħlu fis-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar id-dettalji tal-kuntatt tagħhom.

    2.   Fil-każ li grupp ta' intrapriżi relatati bejniethom jifformaw għaqda, din l-għaqda għandha tipprovdi evidenza tar-rabta ta' bejn il-membri tal-grupp sabiex tkun tista' tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, skont il-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 3(2) ta' dak ir-Regolament.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

    (2)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

    (4)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

    (5)  ĠU L 293, 11.11.2010, p. 15.

    (6)  ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1.


    ANNESS I

    SORSI TA' DATA

    Parametru

    Ċertifikat ta' konformità

    (Parti 1, stabbilit fl-Anness IX għad-Direttiva 2007/46/KE)

    Dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip

    (Direttiva 2007/46/KE)

    Manifattur

    Taqsima 0.5

    Taqsima 0.5 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Numru ta' approvazzjoni tat-tip:

    Taqsima 0.10(b)

    Titolu tal-Anness VI

    Tip

    Taqsima 0.2

    Taqsima 0.2 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Varjant

    Taqsima 0.2

    Taqsima 3 tal-Anness VIII

    Verżjoni

    Taqsima 0.2

    Taqsima 3 tal-Anness VIII

    Għamla

    Taqsima 0.1

    Taqsima 0.1 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Kategorija ta’ vettura tat-tip approvat

    Taqsima 0.4

    Taqsima 0.4 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Massa (kg)

    Taqsima 13

    Taqsima 2.6 tal-Parti 1 tal-Anness III (1)

    Piżijiet massimi mgħobbija teknikament permissibbli (kg)

    Taqsima 16.1

    Taqsima 2.8 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Impronta – it-tul bejn il-fusien (Wheel base) (mm)

    Taqsima 4

    Taqsima 2.1 tal-Parti 1 tal-Anness III (1)

    Impronta – il-wisa' bejn ir-roti (Track width) (mm)

    Taqsima 30

    Taqsima 2.3.1 u 2.3.2 tal-Parti 1 tal-Anness III (2)

    Emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 (g/km) (3)

    Taqsima 49.1

    Taqsima 3 tal-Anness VIII

    Tip ta’ fjuwil

    Taqsima 26

    Taqsima 3.2.2.1 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Modalità ta' fjuwil

    Taqsima 26.1

    Taqsima 3.2.2.4 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Kapaċità tal-magna (cm3)

    Taqsima 25

    Taqsima 3.2.1.3 tal-Parti 1 tal-Anness III

    Konsum ta' enerġija elettrika (Wh/km)

    Taqsima 49.2

     


    (1)  Skont l-Artikolu 4(9) ta’ dan ir-Regolament.

    (2)  Skont l-Artikoli 4(8) u (9) ta’ dan ir-Regolament.

    (3)  Skont l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament.


    ANNESS II

    TABELLA DWAR IL-PREĊIŻJONI TAD-DEJTA

    Il-preċiżjoni meħtieġa għad-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata li għandha tiġi rrapportata skont l-Artikolu 6

    CO2 (g/km)

    numru sħiħ

    Massa (kg)

    numru sħiħ

    Piżijiet massimi mgħobbija teknikament permissibbli (kg)

    numru sħiħ

    Impronta – it-tul bejn il-fusien (Wheel base) (mm)

    numru sħiħ

    Impronta – il-wisa' bejn ir-roti (Track width) (mm)

    numru sħiħ

    Kapaċità tal-magna (cm3)

    numru sħiħ

    Konsum ta' enerġija elettrika (Wh/km)

    numru sħiħ

    Tnaqqis tal-emissjonijiet permezz tat-teknoloġiji innovattivi (g/km)

    jiġi aġġustat għall-eqreb punt deċimali


    Top