EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0272

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 272/2012 tas- 7 ta’ Frar 2012 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tariffi mitluba mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 90, 28.3.2012, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2012/272/oj

28.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/6


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 272/2012

tas-7 ta’ Frar 2012

li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tariffi mitluba mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (2) jistipula li d-dħul tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandhom jikkonsitu wkoll f’tariffi mħallsa lill-AETS f’każijiet speċifikati fil-leġislazzjoni tal-Unjoni flimkien ma’ kontribuzzjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u sussidju mill-Unjoni.

(2)

Sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti tal-baġit tal-AETS u, fl-istess ħin, jitħaffef il-piż finanzjarju għall-Istati Membri u l-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jħallsu mill-anqas l-ispejjeż kollha relatati mas-superviżjoni tagħhom. Kwalunkwe defiċit li jista’ jseħħ matul sena finanzjarja waħda għandu jiġi rkuprat mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fis-sena sussegwenti.

(3)

Għandha tintalab tariffa superviżorja annwali lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li jaqbżu ċertu livell limitu ta’ fatturat sabiex tipprovdi għaċ-ċertezza baġitarja kemm għall-AETS kif ukoll għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kkonċernati. It-tariffi superviżorji annwali ma għandhomx isiru piż għal dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, l-aġenziji żgħar ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu huma mistennija li joħolqu ferm inqas spejjeż superviżorji minn dawk kbar. Għaldaqstant, ikun proporzjonat li l-aġenziji żgħar ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jkunu eżentati kompletament milli jħallsu t-tariffa superviżorja annwali fejn l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li tappartjeni għalih ma jaqbżux ċertu livell limitu ta’ fatturat.

(4)

Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni ġusta u ċara ta’ tariffi li, fl-istess ħin, tirrifletti l-piż amministrattiv attwali għal kull entità superviżjonata, it-tariffa superviżorja għandha tiġi kkalkolata skont il-fatturat tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, iġġenerat mill-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u s-servizzi anċillari, minħabba li l-ispiża ta’ superviżjoni hija ogħla għall-aġenziji l-kbar ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu milli għal dawk għall-aġenziji li huma iżgħar. Barra minn hekk, il-forniment ta’ servizzi anċillari jeħtieġ sforz superviżorju addizzjonali minħabba li l-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mill-forniment ta’ servizzi anċillari jeħtieġu monitoraġġ. L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhomx jevitaw l-allokazzjoni ġusta tat-tariffi skont dan ir-Regolament billi jallokaw mill-ġdid il-fatturat lil entitajiet oħra fi ħdan il-grupp tagħhom sabiex inaqqsu l-kontribuzzjonijiet tariffarji tagħhom. L-AETS għandha tissorvelja u tirrapporta kwalunkwe żviluppi kritiċi f’dan ir-rigward.

(5)

Għandha tintalab tariffa għar-reġistrazzjoni lill-aġenziji ta’ klassifikazjoni tal-kreditu stabbiliti fl-Unjoni biex tirrifletti l-ispejjeż tal-AETS għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Il-kumplessità ta’ applikazzjoni u l-ispejjeż assoċjati mal-valutazzjoni tal-applikazzjoni jiżdiedu meta aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tapplika għall-ħruġ ta’ klassifikazzjoni għall-istrumenti finanzjarji strutturati jew tippjana li tapprova klassifikazzjoni minn aġenziji ta’ pajjiż terz jew ikollha xi fergħat. Għaldaqstant, it-tariffa għar-reġistrazzjoni għandha tiġi kkalkolata skont dawn il-fatturi. Fil-parti l-kbira tagħhom, l-ispejjeż ta’ proċessar jiddependu ukoll mid-daqs tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li tapplika. Peress li l-fatturat fil-ġejjieni ta’ aġenzija ġdida ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ma jkunx magħruf fil-mument tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni, in-numru ta’ impjegati għandu jieħu post il-fatturat bħala bażi komuni għall-kalkolu tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kollha.

(6)

Dan ir-Regolament għandu jispeċifika t-tariffi li għandhom jintalbu lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal ċertifikazzjoni fl-Unjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ ċertifikazzjoni u superviżorji annwali tagħhom. F’dan ir-rigward l-ispejjeż neċessarji tal-AETS huma relatati maċ-ċertifikazzjoni ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ pajjiżi terzi bħal dawn skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li ssegwi proċedura simili bħal dik applikabbli għar-reġistrazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu stabbiliti fl-Unjoni, kif ukoll l-ispiża meħtieġa tal-AETS għas-superviżjoni ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikati.

(7)

L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiġu rimborżati perċentwal tat-tariffa li ħallsu inizjalment għar-reġistrazzjoni jew għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom meta jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni jew ċertifikazzjoni hekk kif l-ispejjeż tal-AETS għall-ipproċessar tal-applikazzjoni jkunu aktar baxxi f’dawn il-każijiet.

(8)

Minħabba xi żviluppi possibbli fil-futur, huwa xieraq li jiġu riveduti u aġġornati kif meħtieġ il-livelli limitu għall-eżenzjoni tal-aġenziji ta’ klassifkazzjoni ta’ kreditu mill- jħallsu t-tariffi superviżorji annwali u l-ammonti ta’ reġistrazzjoni u ċertifikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ġusta ta’ dawn il-miżuri fi żmien erba’ snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolaament u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-ill Kunsill dwar il-ħtieġa possiblli għar-reviżjoni tiegħu.

(9)

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jġarrbu spejjeż meta jwettqu kompiti delegati lilhom mill-AETS skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u meta jipprovdu assistenza lill-AETS fil-każijiet l-oħra speċifikati f’dak ir-Regolament. It-tariffi li se jintalbu mill-AETS lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom ikopru wkoll dawk l-ispejjeż. Sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet kompetenti jġarrbu telf jew jirrealizzaw profitt mit-twettiq ta’ kompiti ddelegati jew mill-assistenza lill-AETS, l-AETS għandha trodd lura l-ispejjeż attwali mġarrba minn dik l-awtorità kompetenti nazzjonali.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jifforma l-bażi għad-dritt tal-AETS li titlob tariffi lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Sabiex minnufih tiġi faċilitata l-attività superviżorja u ta’ infurzar effettiva u effiċjenti, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar it-tariffi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandha titlob lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għas-superviżjoni, ir-reġistrazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 2

L-irkupru tal-ispejjeż superviżorji kollha

It-tariffi mitluba lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom ikopru:

(a)

l-ispejjeż kollha relatati mas-superviżjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu mill-AETS skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, inklużi l-ispejjeż li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu;

(b)

l-ispejjeż kollha għar-rimborż tal-awtoritajiet kompetenti li l-AETS tkun iddelegat lilhom kompiti skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009;

(c)

l-ispejjeż kollha għar-rimborż tal-awtoritajiet kompetenti li pprovdew assistenza lill-AETS skont l-Artikolu 23c(4) u l-Artikolu 23d(5) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 3

Introjtu applikabbli

1.   Għall-finijiet ta’ kalkolu tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 5, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 11(1) u (2), il-fatturat applikabbli għal sena finanzjarja partikolari (n) għandu jkun id-dħul ta’ aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kif ippubblikat fil-kontijiet awditjati tagħha tas-sena preċedenti (n-1) iġġenerat mill-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni u servizzi anċillari.

2.   Meta l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ma tkunx operat matul is-sena sħiħa (n-1), id-dħul applikabbli għandu jiġi stmat bl-estrapolazzjoni ta’ dak l-ammont għas-sena finanzjarja sħiħa.

KAPITOLU II

TARIFFI

Artikolu 4

Tipi ta’ tariffi u modalijiet ta’ ħlas ġenerali

1.   L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu stabbiliti fl-Unjoni li japplikaw għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandhom jintalbu jħallsu t-tipi ta’ tariffi li ġejjin:

(a)

tariffi superviżorji annwali skont l-Artikolu 5;

(b)

tariffi għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6.

2.   L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu stabbiliti f’pajjiżi terzi li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandhom jintalbu jħallsu t-tipi ta’ tariffi li ġejjin:

(a)

tariffi superviżorji annwali fissi skont l-Artikolu 7;

(b)

tariffi għaċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 8.

3.   It-tariffi għandhom jitħallsu f’Euro. Dawn għandhom jitħallsu kif inhu speċifikat fl-Artikoli 5(3), 6(6), 7(2) u 8(2).

Kwalunkwe ħlas tard għandu jkun soġġett għal multa ta’ kuljum ugwali għal 0,1 % tal-ammont dovut.

Artikolu 5

Tariffa superviżorja annwali għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati

1.   Aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata għandha tintalab tħallas tariffa superviżorja annwali.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata għandha tkun eżentata milli tħallas tariffa superviżorja annwali jekk id-dħul totali tagħha kif ippubblikati fl-aktar kontijiet awditjati reċenti tagħha jkun inqas minn EUR 10 miljun, jew fil-każ li tappartjeni għal grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, fejn il-grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jkollu dħul aggregat totali ta’ inqas minn EUR 10 miljun.

2.   It-tariffa superviżorja annwali għal sena finanzjarja partikolari għandha tiġi kkalkolata kif ġej:

(a)

il-bażi għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali għal sena finanzjara partikolari għandha tkun l-istima tan-nefqa relatata mas-superviżjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kif inkluża fil-baġit tal-AETS għal dik is-sena, stabbilit u approvat skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;

(b)

l-ammont rilevanti għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali għal sena finanzjara partikolari għandu jkun l-istima tan-nefqa skont il-punt (a) imnaqqsa minn kwalunkwe tariffa superviżorja annwali li trid tintalab lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikati għal sena finanzjarja partikolari skont l-Artikolu 7 u miżjuda minn kwalunkwe defiċit mis-sena finanzjarja preċedenti;

(c)

aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tħallas bħala tariffa superviżorja annwali parti mill-ammont rilevanti li jikkorrispondi għas-sehem tal-fatturat applikabbli tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għall-fatturat applikabbli totali tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu meħtieġa li jħallsu tariffa superviżorja annwali skont il-paragrafu 1.

3.   It-tariffa superviżorja annwali għal sena finanzjarja partikolari għandha titħallas f’żewġ ħlasijiet parzjali.

L-ewwel ħlas parzjali għandu jkun dovut sa tmiem Frar ta’ dik is-sena u għandu jammonta għal żewġ terzi tal-istima tat-tariffa superviżorja annwali. Jekk il-fatturat applikabbli jkun għadu mhux disponibbli f’dak il-perjodu, l-AETS għandha tibbaża l-kalkolu fuq il-fatturat inkluż fl-aktar kontijiet awditjati reċenti disponibbli.

It-tieni ħlas parzjali għandu jkun dovut sa tmiem Awwissu. L-ammont tat-tieni ħlas parzjali għandu jkun it-tariffa superviżorja annwali kkalkolata skont il-paragrafu 2 mnaqqsa mill-ammont tal-ewwel ħlas parzjali.

L-AETS għandha tibgħat il-fatturi għall-ħlasijiet parzjali lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.

Artikolu 6

Tariffa għar-reġistrazzjoni

1.   L-ammont tat-tariffa għar-reġistrazzjoni li għandha titħallas mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu individwali li japplikaw għar-reġistrazzjoni għandu jkun proporzjonat meta mqabbel mal-kumplessità tal-applikazzjoni u d-daqs tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kif inhu speċifikat fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ammont tat-tariffa għar-reġistrazzjoni, il-kriterji li ġejjin għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni:

(a)

jekk aġenzija ta’ klassifikazjoni tal-kreditu għandhiex il-ħsieb li toħroġ klassifikazzjoni għal strumenti finanzjarji strutturati;

(b)

jekk aġenzija ta’ klassifikazjoni tal-kreditu għandhiex fergħa fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

(c)

jekk aġenzija ta’ klassifikazjoni tal-kreditu għandhiex il-ħsieb li tapprova l-klassifikazzjonijiet.

3.   Fejn ma jkun japplika l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2, it-tariffi tar-reġistrazzjoni għandhom jiġu kkalkolati skont in-numru ta’ impjegati, kif ġej:

(a)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’inqas minn 15-il impjegat għandhom iħallsu EUR 2 000;

(b)

aġenziji ta’ klassifikazjoni tal-kreditu bi 15 sa 49 impjegat għandhom iħallsu EUR 15 000;

(c)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’mill-anqas 50 impjegat għandhom iħallsu EUR 40 000.

4.   Aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li jissodisfaw biss wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom iħallsu t-tariffi għar-reġistrazzjoni li ġejjin skont in-numru ta’ impjegati tagħhom, kif ġej:

(a)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’inqas minn 15-il impjegat għandhom iħallsu EUR 10 000;

(b)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu bi 15 sa 49 impjegat għandhom iħallsu EUR 40 000;

(c)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’mill-inqas 50 impjegat għandhom iħallsu EUR 100 000.

5.   Aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li jissodisfaw tal-inqas tnejn mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom iħallsu t-tariffi għar-reġistrazzjoni li ġejjin skont in-numru ta’ impjegati tagħhom, kif ġej:

(a)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’inqas minn 15-il impjegat għandhom iħallsu EUR 30 000;

(b)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu bi 15 sa 49 impjegat għandhom iħallsu EUR 85 000;

(c)

aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’mill-inqas 50 impjegat għandhom iħallsu EUR 125 000.

6.   It-tariffa għar-reġistrazzjoni għandha titħallas kollha meta l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tapplika għar-reġistrazzjoni.

7.   Jekk aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tirtira l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha qabel ma l-AETS tkun innotifikatha li l-applikazzjoni tlestiet skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, l-AETS għandha trodd lura tliet kwarti mit-tariffa għar-reġistrazzjoni mħallsa. Jekk l-applikazzjoni tiġi rtirata wara din id-data, iżda qabel ma l-AETS tkun ħadet id-deċiżjoni rraġunata ta’ reġistrazzjoni jew ta’ ċaħda tar-reġistrazzjoni, l-AETS għandha trodd lura kwart mit-tariffa għar-reġistrazzjoni mħallsa.

8.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5, aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata li hija meħtieġa tħallas tariffa superviżorja annwali skont l-Artikolu 5(1), fis-sena ta’ reġistrazzjoni tagħha din għandha tħallas tariffa superviżorja inizjali ta’ EUR 500 għal kull xahar sħiħ fil-perjodu ta’ żmien bejn id-data ta’ reġistrazzjoni u tmiem is-sena finanzjarja. Din it-tariffa għandha titħallas kollha ladarba r-reġistrazzjoni tiġi notifikata lill-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

Artikolu 7

Tariffa superviżorja annwali fissa għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikati

1.   Aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikata skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandha tħallas tariffa superviżorja annwali ta’ EUR 6 000.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikata għandha tkun eżentata milli tħallas tariffa superviżorja annwali fejn id-dħul totali tagħha ppubblikat fl-aktar kontijiet awditjati reċenti tagħha jkun inqas minn EUR 10 miljun, jew fil-każ li tkun tappartjeni għal grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, fejn il-grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jkollu dħul totali aggregat ta’ inqas minn EUR 10 miljun.

2.   It-tariffa superviżorja annwali għal aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikata għandha titħallas sa tmiem Frar. L-AETS għandha tibgħat fattura għall-ħlas lil aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikata tal-inqas 30 jum qabel dik id-data.

Artikolu 8

Tariffa għaċ-ċertifikazzjoni

1.   Aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li tapplika għal ċertifikazzjoni għandha tħallas tariffa għaċ-ċertifikazzjoni ta’ EUR 10 000.

2.   It-tariffa għaċ-ċertifikazzjoni għandha titħallas kollha fiż-żmien meta l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tapplika għal ċertifikazzjoni.

3.   Jekk aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tirtira l-applikazzjoni tagħha għal ċertifikazzjoni qabel ma l-AETS tkun innotifikatha li l-applikazzjoni tlestiet skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, l-AETS għandha trodd lura tliet kwarti mit-tariffa għaċ-ċertifikazzjoni mħallsa. Jekk l-applikazzjoni tiġi rtirata wara dik id-data, iżda qabel ma l-AETS tkun adottat id-deċiżjoni raġunata ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ ċaħda taċ-ċertifikazzjoni, l-AETS għandha trodd lura kwart mill-imposta ta’ ċertifikazzjoni mħallsa.

4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7, aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikata li hija meħtieġa tħallas tariffa superviżorja annwali skont l-Artikolu 7(1) għandha tħallas tariffa superviżorja inizjali ta’ EUR 500 għal kull xahar sħiħ fil-perjodu ta’ żmien bejn id-data ta’ ċertifikazzjoni u tmiem is-sena finanzjarja fis-sena ta’ ċertifikazzjoni tagħha. Din it-tariffa għandha titħallas kollha hekk kif iċ-ċertifikazzjoni tiġi nnotifikata lill-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

Artikolu 9

Rimborż tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Hija biss l-AETS li għandha titlob tariffi lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għar-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jitolbu tariffi lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, l-anqas f’każijiet fejn dawk l-awtoritajiet iwettqu kompiti f’isem l-AETS skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

2.   L-AETS għandha tħallas lura lil awtorità kompetenti għall-ispejjeż attwali mġarrba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti delegati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jew bħala riżultat tal-assistenza mogħtija lill-AETS skont l-Artikolu 23c(4) jew tal-Artikolu 23d(5) ta’ dak ir-Regolament. L-ispejjeż li għandhom jitħallsu lura għandhom jikkonsistu fl-ispejjeż fissi u l-ispejjeż varjabbli kollha relatati mat-twettiq tal-kompiti delegati jew mal-assistenza mogħtija lill-AETS.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 10

Tariffi fl-2011

1.   Għall-2011, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati fl-2011 għandhom iħallsu tariffa superviżorja inizjali ta’ EUR 500 għal kull xahar sħiħ fil-perjodu bejn id-data ta’ reġistrazzjoni, iżda mhux qabel l-1 ta’ Lulju 2011, u l-31 ta’ Diċembru 2011. Din it-tariffa għandha titħallas kollha kemm hi sa tmiem April 2012.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata għandha tkun eżentata milli tħallas tariffa superviżorja fl-2011 meta d-dħul totali tagħha kif ippubblikat fl-aktar kontijiet awditjati reċenti tagħha jkun inqas minn EUR 10 miljun, jew fil-każ fejn tkun tagħmel parti minn grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, fejn il-grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jkollu dħul aggregat totali ta’ inqas minn EUR 10 miljun.

2.   Għall-2011, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ċċertifikati fl-2011 għandhom iħallsu tariffa superviżorja inizjali ta’ EUR 500 għal kull xahar sħiħ bejn id-data ta’ ċertifikazzjoni, iżda mhux qabel l-1 ta’ Lulju 2011, u l-31 ta’ Diċembru 2011. Din it-tariffa għandha titħallas kollha sa tmiem April 2012.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tkun eżentata milli tħallas tariffa superviżorja fl-2011 meta jkollha fatturat applikabbli ta’ inqas minn EUR 10 miljun, jew fil-każ li tkun tagħmel parti minn grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, fejn il-grupp ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jkollhom fatturat aggregat totali ta’ inqas minn EUR 10 miljun.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.


Top