EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0127

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 127/2012 tal- 14 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 rigward estensjoni tal-użu tas-sustanza attiva metażaklor Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 41, 15.2.2012, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/127/oj

15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 127/2012

tal-14 ta’ Frar 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 rigward estensjoni tal-użu tas-sustanza attiva metażaklor

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/116/KE (2) il-metażaklor ġiet inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3) għall-użu bħala erbiċida b’rata massima ta’ applikazzjoni ta’ 1,0 kg/ha biss kull tielet sena fl-istess għalqa. Mis-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza titqies bħala approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (4).

(2)

Fit-23 ta’ Marzu 2010 wieħed min-notifikaturi li fuq talba tiegħu l-metażaklor ġiet inkluża fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE, ressaq applikazzjoni għal emenda tad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu tal-metażaklor biex jippermettu applikazzjonijiet iżjed spissi fl-istess għalqa, iżda mingħajr ma jinqabeż l-ammont massimu totali ta’ 1,0 kg/ha fuq perjodu ta’ tliet snin. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali. L-applikazzjoni tressqet lir-Renju Unit, li kien inħatar bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002 (5).

(3)

L-Istat Membru relatur ivvaluta l-informazzjoni addizzjonali mressqa mill-applikant u ħejja addendum għall-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni. Huwa ressaq dan l-addendum quddiem il-Kummissjoni fl-4 ta’ Jannar 2011, u din ikkomunikatu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-osservazzjonijiet tagħhom. L-addendum mal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fl-24 ta’ Jannar 2012 fil-format ta’ addendum mar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-metażaklor.

(4)

Mill-eżamijiet diversi li twettqu, jidher li l-emenda mitluba tad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ma tikkawżax riskji barra dawk li huma diġà meqjusa fl-approvazzjoni tal-metażaklor u fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni dwar din is-sustanza.

(5)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela numru 217, metażaklor, tal-Parti A tal-Anness, il-Parti A hija sostitwita b’dan li ġej:

“PARTI A

Jista’ jiġi awtorizzat biss l-użu bħala erbiċida. L-applikazzjonijiet tas-sustanza għandhom ikunu limitati għal doża totali ta’ mhux aktar minn 1,0 kg ta’ metażaklor/ha f’perjodu ta’ tliet snin fl-istess għalqa.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009,p. 1.

(2)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 86.

(3)  ĠU L 230, 19.8.1991,p. 1.

(4)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.


Top