EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0031

Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/31/UE tal- 25 ta’ Ottubru 2012 li temenda l-Anness IV għad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-lista ta’ speċi ta’ ħut suxxettibbli għas-settiċemija emorraġika virali u t-tħassir tal-annotazzjoni għas-sindromu ulċerativ Epiżotiku Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 297, 26.10.2012, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32016R0429

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2012/31/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/26


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2012/31/UE

tal-25 ta’ Ottubru 2012

li temenda l-Anness IV għad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-lista ta’ speċi ta’ ħut suxxettibbli għas-settiċemija emorraġika virali u t-tħassir tal-annotazzjoni għas-sindromu ulċerativ Epiżotiku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/88/KE tistipula, inter alia, ċerti regoli tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar mard eżotiku u mhux eżotiku u l-ispeċi suxxettibbli għalih, elenkati fil-Parti II tal-Anness IV għal dik id-Direttiva.

(2)

Is-sindromu ulċerativ epiżotiku (EUS) huwa inkluż fil-lista ta’ mard eżotiku stipulat fil-Parti II tal-Anness IV għad-Direttiva 2006/88/KE.

(3)

Il-Parti I tal-Anness IV għad-Direttiva 2006/88/KE tistipula l-kriterji għall-elenkar ta’ mard eżotiku u mhux eżotiku fil-Parti II ta’ dak l-Anness. Skont dawk il-kriterji, il-mard eżotiku għandu jkollu l-potenzjal ta’ impatt ekonomiku sinifikanti jekk jiġi introdott fl-Unjoni, jew permezz tat-telf tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-Unjoni jew permezz tar-restrizzjoni tal-potenzjal kummerċjali tal-annimali tal-akkwakultura u tal-prodotti tagħhom. Alternattivament, dawn għandhom ikollhom potenzjal għal impatt ambjentali detrimentali jekk jiġu introdotti fl-Unjoni, għall-popolazzjonijiet tal-ispeċi tal-annimali akkwatiċi salvaġġi, li huma ta’ valur tant li ta’ min jiġu mħarsa mil-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet internazzjonali.

(4)

Fil-15 ta’ Settembru 2011, il-Panel tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fuq is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali adotta opinjoni xjentifika dwar is-Sindromu Ulċerativ Epiżotiku (2) (l-opinjoni tal-EFSA). F’dik l-opinjoni, l-EFSA kkonkludiet li l-impatt tas-Sindromu Ulċerativ Epiżotiku fl-akkwakultura tal-Unjoni jista’ jvarja minn l-ebda impatt għal impatt baxx.

(5)

Barra minn hekk, l-opinjoni tal-EFSA tiddikjara li huwa probabbli li s-Sindromu Ulċerativ Epiżotiku ripetutament daħal fl-Unjoni permezz ta’ ħut ornamentali importat minn pajjiżi terzi u li tali ħut jista’ jkun li ġie rrilaxxat fl-ibħra tal-Unjoni. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, u meta jitqies il-fatt li l-ebda tifqigħa tas-Sindromu Ulċerativ Epiżotiku ma ġiet irrappurtata fl-Unjoni, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li s-Sindromu Ulċerativ Epiżotiku għandu l-potenzjal ta’ impatt ambjentali detrimentali.

(6)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-EFSA u l-evidenza xjentifika disponibbli, is-Sindromu Ulċerativ Epiżotiku ma għadux jissodisfa l-kriterji stipulati fil-Parti I tal-Anness IV għad-Direttiva 2006/88/KE sabiex jiġi elenkat fil-Parti II ta’ dak l-Anness.

(7)

Huwa għalhekk xieraq li titħassar l-annotazzjoni għas-Sindromu ulċerativ epiżotiku mil-lista ta’ mard eżotiku stipulat fil-Parti II tal-Anness IV għad-Direttiva 2006/88/KE.

(8)

Barra minn hekk, il-Parti II tal-Anness IV għad-Direttiva 2006/88/KE tinkludi lista ta’ speċi meqjusa bħala suxxettibbli għas-Settiċemija emorraġika virali.

(9)

Il-barbun taż-żebbuġa (Paralichthys Olivaceus) huwa suxxettibbli għall-marda tal-ħut mhux eżotika, is-settiċemija emorraġika virali. F’ċerti reġjuni tal-Asja ġew ikkonfermati tifqigħat kliniċi ta’ dik il-marda.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li l-Barbun taż-żebbuġa (Paralichthys olivaceus) jiġi inkluż fil-lista ta’ speċi suxxettibbli għas-Settiċemija emorraġika virali stipulata fil-Parti II tal-Anness IV għad-Direttiva 2006/88/KE.

(11)

L-Anness IV mad-Direttiva 2006/88/KE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2013, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijijet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

2.   Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

4.   L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  EFSA Journal 2011; 9(10):2387.


ANNESS

Il-Parti II tal-Anness IV mad-Direttiva 2006/88/KE hija mibdula b’dan li ġej:

“PARTI II

Mard elenkat

Mard eżotiku

 

Marda

Speċi suxxettibbli

Ħut

Nekrosi ematopojetika epiżotika

Trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), u dott tal-Ewropa ta’ Fuq (Perca fluviatilis),

Molluski

Infezzjoni bil-Bonamia exitiosa

Gajdra Awstraljana tat-tajn (Ostrea angasi) u gajdra ċatta Ċilena (O. chilensis)

Infezzjoni mill-Perkinsus marinus

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) u gajdra tal-Lvant (C. virginica)

Infezzjoni bil-Microcytos mackini

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) u gajdra ta’ Lvant (C. virginica), gajdra ċatta tal-Paċifiku (Ostrea conchaphila) u gajdra ċatta Ewropea (O. edulis)

Krustaċji

Is-Sindromu Taura

Gamblu abjad tal-Golf (Penaeus setiferus), gamblu ikħal tal-Paċifiku (P. stylirostris) u gamblu abjad tal-Paċifiku (P. vannamei).

Il-marda Yellowhead

Gamblu kannella tal-Golf (P. aztecus), gamblu roża tal-Golf (P. duorarum), gamblu kbir Kuruma (P. japonicus), gamblu iswed (P. monodon), gamblu abjad tal-Golf (P. setiferus), gamblu kħal tal-Paċifiku (P. stylirostris), gamblu abjad tal-Paċifiku (P. vannamei)


Mard mhux eżotiku

 

Il-mard

Speċi suxxettibbli

Ħut

Settiċemija emorraġika virali (VHS)

Aringa (Clupea spp.), ħuta bajda (Coregonus sp.), lizz (Esox lucius), bakkaljaw żgħir (Gadus aeglefinus), merluzz tal-Paċifiku (G. macrocephalus), merluzz tal-Atlantiku (G. morhua), Salamun tal-Paċifiku (Oncorhynchus spp.), trota qawsalla (O. mykiss), rockling (Onos mustelus), trota tal-baħar (Salmo trutta), barbun imperjali (Scophthalmus maximus) u sardina (Sprattussprattus) u grayling (Thymallus thymallus) u barbun taż-żebbuġa (Paralichthys olivaceus),

Nekrożi ematopojetika infettiva (IHN)

Salamun keta (Oncorhynchus keta), salamun fiddien (O. kisutch), salamun masou (O. masou), trota qawsalla jew tal-Amerika tat-Tramuntana (O. mykiss), salamun sockeye (O. nerka), salamun roża (O. rhodurus), salamun chinook (O. tshawytscha), u salamun tal-Atlantiku (Salmo salar)

Il-marda tal-vajrus tal-erpete tal-koi (KHV)

Il-karpjun komuni u l-karpjun koi (Cyprinus carpio)

L-anemija infettiva tas-salamun (ISA)

Trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), u trota tal-baħar (S. trutta)

Molluski

Infezzjoni bil-Marteilia refringens

Gajdra tat-tajn tal-Awstralja (Ostrea angasi), gajdra ċatta taċ-Ċili (O. chilensis), gajdra ċatta Ewropea (O. edulis), gajdra tal-Arġentina (O. puelchana), mollusk blu (Mytilus edulis) u mollusk Mediterran (M. galloprovincialis)

Infezzjoni mill-Bonamia ostreae

Gajdra tat-tajn tal-Awstralja (Ostrea angasi), gajdra ċatta taċ-Ċili (O. chilensis), gajdra ċatta tal-Paċifiku (Ostrea conchaphila), gajdra asjatika (O. denselammellosa), gajdra ċatta Ewropea (O. edulis), gajdra tal-Arġentina (O. puelchana)

Krustaċji

Marda tal-ponot bojod

Il-krustaċji kollha dekapodi (ordni Decapoda)”


Top